Kull sejħa għal proposti jew offerti għandha l-kriterji, ir-rekwiżiti u l-passi proprji tagħha. Is-sejħa magħżula tiegħek se tiggwidak tul il-proċess tal-applikazzjoni.

Wara li tkun iddeterminajt li inti eliġibbli billi tissodisfa l-kriterji indikati fis-sejħa speċifika, jista’ jkollok bżonn tirreġistra f’bażi tad-data speċifika – il-linji gwida tas-sejħa se jispeċifikaw jekk u kif għandek tagħmel dan. Jista’ jkun li tixtieq ukoll issib sieħeb.

Biex tipprepara u tissottometti l-proposta tiegħek se tieħu ż-żmien, għalhekk kun ċert li tibda sew minn qabel. Id-dokumenti u t-templates kollha li se jkollok bżonn tuża se jiġu elenkati fil-linji gwida għas-sejħa li għażilt – kun ċert li ssegwihom tajjeb. Jekk tonqos milli tagħmel dan, l-awtorità kontraenti tista’ tiskwalifika l-proposta tiegħek bħala inammissibbli.

Sabiex jinkiseb finanzjament mill-UE, jeħtieġ li wieħed isegwi ċerti regoli u proċeduri. Dan huwa inevitabbli – jeħtieġ li niżguraw li kull euro jintefaq b’mod trasparenti u korrett, għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-UE. Madankollu, l-UE qed taħdem ukoll b’mod kostanti biex tissimplifika u timmodernizza r-regoli baġitarji tagħha u biex tiżgura li n-nies ikunu jistgħu jaċċessaw il-finanzjament tal-UE biex jiffinanzjaw l-ideat tagħhom.

Biex tiġi kkunsidrata, l-applikazzjoni tiegħek trid tkun kompluta, konċiża, u sottomessa fil-ħin permezz tas-sistema ta’ sottomissjoni elettronika.

Il-programmi ffinanzjati mill-UE huma implimentati b’wieħed minn tliet modi: ġestjoni diretta, ġestjoni kondiviża, jew ġestjoni indiretta. Il-proċess tal-applikazzjoni jvarja skont il-mod u l-programm li qed tapplika għalih. Tgħallem aktar dwar il-modi ta’ ġestjoni.

Ġestjoni diretta

Il-proċess tal-applikazzjoni jrid jgħaddi mill-Portal ta’ Finanzjament u Offerti tal-Kummissjoni Ewropea. Kemm għall-għotjiet kif ukoll għall-offerti, il-proċess tipiku tal-applikazzjoni jinkludi s-sejbien ta’ sejħa li inti eliġibbli għaliha, is-sejbien ta’ sieħeb fi proġett, il-ħolqien ta’ kont tal-Portal, ir-reġistrazzjoni tal-organizzazzjoni tiegħek u s-sottomissjoni ta’ proposta.

Sib informazzjoni dettaljata dwar il-Portal ta’ Finanzjament u Offerti.

Ġestjoni kondiviża

L-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri huma responsabbli mill-proċeduri tal-għażla u tal-għoti, u mill-monitoraġġ u l-ġestjoni, inklużi l-pagamenti.

L-Istati Membri jridu jikkonformaw mar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR), qafas legali konġunt għal tmien fondi b’ġestjoni kondiviża:

Sib aktar informazzjoni fuq il-paġna tal-awtoritajiet ta’ finanzjament reġjonali u nazzjonali għall-baġit tal-UE għall-2014–2020. Qed tinbena paġna web b’punti ta’ kuntatt għal kull Stat Membru inkluż il-finanzjament mill-programmi tal-baġit tal-UE 2021-2027.

Ġestjoni indiretta

Jekk tapplika għal fondi ġestiti minn sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni taħt ġestjoni indiretta, se jkollok tikkonforma mal-proċess tal-applikazzjoni stabbilit minn dan is-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni li se jaġixxi bħala awtorità kontraenti. Se jkollok bżonn tiċċekkja fuq is-sit web tas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni r-rekwiżiti speċifiċi għall-proċess tal-applikazzjoni.

Hawn taħt hawn eżempji ta’ siti web ta’ sħab inkarigati mill-implimentazzjoni li jagħtu fondi tal-UE taħt ġestjoni indiretta.

Organizzazzjonijiet internazzjonali

Korpi speċjalizzati tal-Unjoni

Aġenziji deċentralizzati

L-aġenziji deċentralizzati jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE billi jwettqu kompiti tekniċi u xjentifiċi. L-aġenzji jappoġġjaw il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-gvernijiet nazzjonali f'oqsma ta' politika importanti, billi jiġbru għarfien espert tekniku u speċjalizzat kemm mill-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll mill-awtoritajiet nazzjonali. Fost l-eżempji nsibu:

Impriżi Konġunti (Sħubijiet Pubbliċi-Privati)

Korpi Nazzjonali

L-Istati Membri jinnominaw ċerti korpi biex jimplimentaw programmi jew opportunitajiet ta’ finanzjament partikolari tal-UE, bħal

Kif issir sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni

Entitajiet jew persuni li jixtiequ jaħdmu taħt ġestjoni indiretta jeħtieġ li jaqgħu f’kategoriji speċifiċi definiti fir-Regolament Finanzjarju, li jinkwadra l-użu tal-baġit tal-Unjoni. Qabel ma jitħallew jagħmlu dan, jeħtieġ ukoll li jwettqu valutazzjoni ex ante tas-sistemi, ir-regoli u l-proċeduri tagħhom biex jiżguraw li l-fond tal-UE li se jingħataw se jkun ġestit b’mod sikur.

Sib aktar informazzjoni dwar il-valutazzjoni ex-ante