Tliet tipi ta’ ġestjoni

Il-programmi kollha ffinanzjati mill-baġit tal-UE jaqgħu taħt wieħed mit-tliet tipi ta’ modi ta’ implimentazzjoni skont in-natura tal-finanzjament ikkonċernat:

  • ġestjoni diretta: il-finanzjament tal-UE hu mmaniġġjat direttament mill-Kummissjoni Ewropea
  • ġestjoni kondiviża: il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali jimmaniġġjaw il-finanzjament b’mod konġunt
  • ġestjoni indiretta: il-finanzjament hu mmaniġġjat minn organizzazzjonijiet sħab jew awtoritajiet oħra ġewwa jew barra l-UE

Għalhekk, filwaqt li l-UE tipprovdi l-finanzjament għal programm jew proġett speċifiku, mhijiex dejjem involuta direttament fil-ġestjoni ta’ kuljum. Madankollu, filwaqt li l-Istati Membri huma inkarigati mill-implimentazzjoni tal-maġġoranza tal-baġit tal-UE, hija l-Kummissjoni li għandha r-responsabbiltà aħħarija għall-eżekuzzjoni tiegħu.

Konsegwentement, il-Kummissjoni twettaq kontrolli rigorużi u effettivi dwar kif jintefqu l-fondi tal-UE. Il-proċedura tvarja skont kif jiġi implimentat il-programm.

Biex jirċievi finanzjament għall-proġett, l-applikant jeħtieġ jidentifika sejħa għall-proposti/proġett rilevanti u jsegwi bir-reqqa l-linji gwida speċifiċi dwar kif japplika – kull sejħa hija unika. Il-proġett se jikkompeti għall-finanzjament ma’ dawk sottomessi minn applikanti oħrajn għal dik is-sejħa.

Ġestjoni diretta

Fil-ġestjoni diretta, il-Kummissjoni Ewropea hija direttament responsabbli għall-passi kollha fl-implimentazzjoni ta’ programm:

  • it-tnedija tas-sejħiet għall-proposti
  • l-evalwazzjoni tal-proposti sottomessi
  • l-iffirmar tal-ftehimiet ta’ għotja
  • il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-proġett
  • il-valutazzjoni tar-riżultati
  • l-għoti tal-pagamenti

Dawn il-kompiti jitwettqu mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, fil-kwartieri ġenerali tagħha, fid-delegazzjonijiet tal-UE jew permezz tal-aġenziji eżekuttivi tal-UE; m’hemm l-ebda parti terza. Il-programmi implimentati b’ġestjoni diretta jammontaw għal madwar 20% tal-baġit tal-UE 2021-2027.

Eżempju ta’ programm immexxi direttament mill-Kummissjoni huwa l-programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (COSME), fejn l-objettiv ewlieni huwa li jappoġġja l-ħolqien u l-espansjoni tal-SMEs. Jekk applikant ikun imprenditur, li qed ifittex appoġġ finanzjarju mill-UE, id-dipartiment ta’ kuntatt u ta’ ġestjoni mbagħad ikun il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u l-Aġenzija Eżekuttiva tal-SMEs, li tmexxi l-COSME.

Is-sejħiet għal proposti taħt ġestjoni diretta jiġu ppubblikati fuq il-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti (SEDIA)

 

Ġestjoni kondiviża

Fil-ġestjoni kondiviża, kemm il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri, bħall-ministeri u l-istituzzjonijiet pubbliċi, huma responsabbli mit-tmexxija ta’ programm partikolari. Madwar 70% tal-programmi tal-UE huma mmexxija b’dan il-mod.

Pereżempju, jekk int bidwi fi kwalunkwe post fl-UE, u jkollok proġett biex tibda tkabbar it-tadam organiku, tkun eliġibbli biex tapplika għall-fondi taħt il-Politika Agrikola Komuni (PAK). Għal dan, ikollok tgħaddi mill-Ministeru tal-Agrikoltura ta’ pajjiżek, jew istituzzjoni ekwivalenti, li tkun inkarigata mill-ġestjoni tal-fondi għall-proġett tiegħek f’isem l-UE.

L-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri (fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali) jagħżlu liema proġetti jiffinanzjaw u jieħdu r-responsabbiltà għall-ġestjoni ta’ kuljum. Flimkien mal-Istati Membri, il-Kummissjoni tiżgura li l-proġetti jiġu konklużi b’suċċess, u li l-flus jintefqu tajjeb.

Kif taċċessa l-fondi reġjonali tal-UE

Awtoritajiet ta’ finanzjament reġjonali u nazzjonali

Fondi strutturali u ta' investiment Ewropej

EuroAccess: għodda ta’ tiftix online bla ħlas biex tappoġġja l-użu ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament eżistenti biex tittejjeb il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni Ewropea u l-Makroreġjuni tagħha.

Fondi tal-Politika agrikola komuni

Programmi ta’ żvilupp rurali skont il-pajjiż

Sib sħab ta’ finanzjament fl-edukazzjoni

Punti ta’ kuntatt għall-Erasmus+

Opportunitajiet ta’ finanzjament għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-inklużjoni

Fond Soċjali Ewropew: appoġġ f’pajjiżek

Ġestjoni indiretta

Xi programmi ta’ finanzjament huma parzjalment jew kompletament implimentati bl-appoġġ ta’ entitajiet, eż. awtoritajiet nazzjonali jew organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-maġġoranza tal-baġit tal-UE allokat għall-għajnuna umanitarja u l-iżvilupp internazzjonali, pereżempju, huwa implimentat taħt ġestjoni indiretta.

Eżempji jinkludu l-appoġġ finanzjarju għall-ġlieda kontra t-tifqigħa tal-Ebola fil-Punent tal-Afrika u t-terremot fin-Nepal fl-2015. Il-programmi implimentati b’ġestjoni indiretta jammontaw għal madwar 10% tal-baġit tal-UE.

Taħt din il-modalità ta’ ġestjoni, il-Kummissjoni tiddelega kompiti ta’ eżekuzzjoni tal-baġit lil tipi differenti ta’ sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, pereżempju

Għal eżempji addizzjonali ta’ sħab ta’ implimentazzjoni taħt ġestjoni indiretta, ara Il-proċess tal-applikazzjoni