Tipi ta' strumenti finanzjarji

Hemm diversi tipi ta’ strumenti finanzjarji

  • ekwità u dejn
  • garanziji għal self u kapital ta’ riskju
  • bini tal-kapaċità u faċilitajiet għall-ixxerjar tar-riskji

Pereżempju, l-UE tipprovdi self lil negozji ta’ kull tip għal investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni. Tipprovdi wkoll garanziji biex tgħin lill-benefiċjarji sabiex jiksbu self b’mod aktar faċli jew b’kundizzjonijiet aħjar minn banek u selliefa oħrajn. L-UE tista’ wkoll tieħu sehem finanzjarjament fi proġett, billi jkollha partijiet minnu. L-istrumenti finanzjarji jistgħu jiġu kkombinati wkoll ma’ għotjiet.

L-istrumenti finanzjarji huma implimentati fi sħubija ma’ istituzzjonijiet pubbliċi u privati bħal banek, kapitalisti ta’ riskju jew investituri informali. Dawn l-istituzzjonijiet finanzjarji jiddeterminaw il-kundizzjonijiet preċiżi tal-finanzjament – l-ammont, it-tul ta’ żmien, ir-rati tal-imgħax u t-tariffi.

L-applikant li jirċievi fondi permezz ta’ strumenti finanzjarji tal-UE għandu jippermetti lill-istituzzjoni finanzjarja intermedjarja twettaq id-diliġenza dovuta tagħha, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post. In-nuqqas ta’ konformità se jirriżulta f’dewmien jew ċaħda tal-finanzjament.

Finanzjament taħt ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri

L-istrumenti finanzjarji jistgħu jiġu pprovduti mill-UE permezz ta’ intermedjarji finanzjarji fl-Istati Membri (ġestjoni kondiviża) biex jappoġġjaw il-politiki u l-programmi tagħha. In-negozji l-ġodda, il-mikrokumpaniji u n-negozji l-kbar kollha jistgħu jibbenefikaw minn dan it-tip ta’ finanzjament.

Aċċess għal finanzjament appoġġjat mill-UE

Finanzjament taħt sħubija mal-Bank Ewropew tal-Investiment

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) joffri self, garanziji, investimenti ta’ ekwità u servizzi ta’ konsulenza. Imsejjaħ ukoll il-“fergħa tas-self” tal-Unjoni Ewropea, hu jaħdem mill-qrib ma’ istituzzjonijiet oħrajn tal-UE biex jappoġġja l-politiki tal-UE f’aktar minn 140 pajjiż madwar id-dinja.

Il-Grupp tal-BEI hu responsabbli wkoll mill-implimentazzjoni ta’ 75% tal-programm InvestEU, li jibni fuq il-mudell ta’ suċċess tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa (il-Pjan Juncker). Dan se jiġbor flimkien, taħt saqaf wieħed, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u 13-il strument finanzjarju tal-UE attwalment disponibbli. Billi juża garanziji mill-baġit tal-UE maħsubin biex jattiraw investituri oħrajn, il-Fond InvestEU jkompli jżid il-potenzjal tal-UE biex tappoġġja l-investiment.

Il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), li hu parti mill-Grupp tal-BEI, jappoġġja lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) tal-Ewropa billi jgħinhom jaċċessaw il-finanzi. Permezz tal-FEI, l-SMEs iwettqu l-attivitajiet tagħhom billi jużaw ir-riżorsi tagħhom stess jew dawk ipprovduti mill-Bank Ewropew tal-Investiment, mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Istati Membri tal-UE jew minn partijiet terzi oħrajn.

Opportunitajiet ta’ finanzjament mal-Bank Ewropew tal-Investiment

Fejn taċċessa l-finanzi - intermedjarji finanzjarji tal-FEI

Aktar informazzjoni dwar il-Programm InvestEU

Finanzjament taħt NextGenerationEU

Taħt NextGenerationEU – l-istrument temporanju ta’ rkupru ta’ €806.9 biljun (fi prezzijiet attwali) u innovazzjoni fil-baġit tal-UE 2021-2027 – il-fondi huma mmaniġġjati direttament mill-Kummissjoni Ewropea, iżda implimentati permezz tal-Istati Membri. Biex tiġbor il-fondi meħtieġa għal NextGenerationEU, il-Kummissjoni se tissellef mis-swieq kapitali f’isem l-UE.

Il-maġġoranza tal-fondi minn NextGenerationEU se jintefqu permezz tal-programm Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF). €723.8 biljun f’self u għotjiet (fi prezzijiet attwali) se jkunu disponibbli għall-Istati Membri biex itaffu l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija tal-coronavirus u jagħmlu l-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej aktar sostenibbli, reżiljenti u ppreparati aħjar għall-isfidi u l-opportunitajiet tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. L-Istati Membri qed jaħdmu fuq il-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza biex jaċċessaw il-fondi taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Minħabba n-natura eċċezzjonali tagħha, l-implimentazzjoni tal-RRF se ssegwi proċeduri speċifiċi. Il-fondi se jiġu żborżati direttament lill-Istati Membri abbażi tal-progress fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza.

Il-pjanijiet għandhom jindirizzaw l-isfidi li ġew identifikati fis-Semestru Ewropew b’mod effettiv, partikolarment ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li ġew adottati mill-Kunsill. L-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) mill-Istati Membri hi disponibbli għal referenza.