Jappoġġjaw it-tkabbir ekonomiku

Madwar 80% tal-finanzjament tal-UE huma mgħoddijin mill-5 fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej (FSIE). Huma mmaniġġjati b’mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-UE.

Sal-2023, il-FSIE se jwasslu massa kritika ta' investiment f'oqsma ta' prijorità ewlenin tal-UE, biex iwieġbu għall-ħtiġijiet tal-ekonomija reali billi jappoġġjaw il-ħolqien tal-impjiegi u billi jwasslu l-ekonomija Ewropea għal tkabbir mill-ġdid b'mod sostenibbli.

Il-5 fondi

Il-fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej huma:

Il-Fond Ewropew għall-iżvilupp reġjonali (FEŻR) – jippromwovi żvilupp ibbilanċjat fir-reġjuni differenti tal-UE.
Fond Ewropew għall-iżvilupp reġjonali (FEŻR)

Il-Fond soċjali Ewropew (FSE) - jappoġġja proġetti relatati mal-impjiegi fl-Ewropa kollha u jinvesti fil-kapital uman – il-ħaddiema tagħha, iż-żgħażagħ tagħha u dawk kollha li qed ifittxu impjieg.
Fond soċjali Ewropew (FSE)

Il-Fond ta’ koeżjoni (FK) – jiffinanzja proġetti tat-trasport u ambjentali f’pajjiżi li fihom l-introjtu nazzjonali gross (ING) għal kull abitant hu anqas minn 90% tal-medja tal-UE. Fl-2014-20, dawn kienu l-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja u s-Slovenja
Fond ta’ koeżjoni (FK)

Il-Fond agrikolu Ewropew għall-iżvilupp rurali (FAEŻR) – jiffoka fuq is-soluzzjoni ta’ sfidi partikulari li jiffaċċjaw iż-żoni rurali tal-UE.
Fond agrikolu Ewropew għall-iżvilupp rurali (FAEŻR)

Il-Fond Ewropew għall-affarijiet marittimi u s-sajd (FEMS) – jgħin is-sajjieda jadottaw prattiki ta’ sajd sostenibbli u l-komunitajiet kostali sabiex jiddiversifikaw l-ekonomiji tagħhom, b’titjib tal-kwalità tal-ħajja tul il-kosti Ewropej.
Fond Ewropew għall-affarijiet marittimi u s-sajd (FEMS)

Kif inhuma mmaniġġjati l-fondi

Dawn il-fondi kollha huma mmaniġġjati mill-pajjiżi tal-UE nfushom, permezz tal-ftehimiet ta’ sħubija.

Kull pajjiż jipprepara ftehim, b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, hu u jistabbilixxi kif il-fondi se jintużaw matul il-perjodu ta’ finanzjament korrenti 2014-20.

Il-ftehimiet ta’ sħubija jwasslu għal serje ta’ programmi ta’ investiment li jgħaddu l-finanzjament lir-reġjuni u l-proġetti differenti fl-oqsma ta’ politika kkonċernati.