Dwar din il-konsultazzjoni

Perjodu tal-konsultazzjoni
4 ta' Lulju 2018 - 16 ta' Awwissu 2018
Suġġetti
Trasport

Ara t-tweġibiet

Il-konsultazzjoni pubblika dwar l-arranġamenti għall-ħin tas-sajf intemm b’4.6 miljun risposta. Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar ir-riżultati fil-ġimgħat li ġejjin f’din il-paġna.

Grupp fil-mira

Il-Kummissjoni timpenja ruħha li tiġbor il-fehmiet taċ-ċittadini Ewropej, tal-partijiet konċernati u tal-Istati Membri dwar bidliet possibbli għall-arranġamenti attwali għall-ħin tas-sajf. 

Għan tal-konsultazzjoni

Wara għadd ta’ talbiet min-naħa taċ-ċittadini, tal-Parlament Ewropew, u ta’ ċerti Stati Membri tal-UE, il-Kummissjoni ddeċidiet li tistħarreġ il-funzjonament tal-arranġamenti attwali tal-UE għall-ħin tas-sajf u tivvaluta jekk għandhomx jinbidlu.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni hi interessata tiġbor il-fehmiet taċ-ċittadini Ewropej, tal-partijiet konċernati u tal-Istati Membri dwar l-arranġamenti attwali tal-UE għall-ħin tas-sajf u dwar xi bidliet potenzjali f’dawk l-arranġamenti.

Kif tissottometti t-tweġiba tiegħek

Il-kwestjonarju online hu aċċessibbli bil-lingwi kollha tal-UE (għajr bl-Irlandiż) u t-tweġibiet jistgħu jintbagħtu bi kwalunkwe lingwa tal-UE. Madankollu, inħeġġuk twieġeb kemm jista’ jkun bl-Ingliż.

Tista' tieqaf timla l-kwestjonarju meta trid u tkomplih aktar tard. Ladarba tkun issottomettejt it-tweġibiet tiegħek, tista’ tiddawnlowdja kopja tat-tweġibiet kompluti tiegħek.

Tista’ wkoll tapplowdja dokumenti, bħal dokumenti ta’ pożizzjoni, jew tibgħathom lill-email ta’ kuntatt.

Il-kontributi riċevuti se jiġu ppubblikati f'din il-paġna. Jekk il-kontributur joġġezzjona għall-pubblikazzjoni tal-informazzjoni personali tiegħu/tagħha, il-kontribut jiġi ppubblikat b’mod anonimu. Jekk tapplowdja dokument mal-kontribut tiegħek, dan jista’ jiġi ppubblikat bla mittiefes mat-tweġiba tiegħek.

Fl-interess tat-trasparenza, il-Kummissjoni qed titlob lill-organizzazzjonijiet li jixtiequ jibagħtu l-kummenti fil-kuntest ta' konsultazzjonijiet pubbliċi biex jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-pubbliku ġenerali b'informazzjoni dwar x'jirrappreżentaw u lil min billi jirreġistraw fir-Reġistru ta’ Trasparenza u jissieħbu mal-Kodiċi tal-Kondotta tiegħu. Jekk organizzazzjoni tiddeċiedi li ma tipprovdix din l-informazzjoni, hi l-politika dikjarata tal-Kummissjoni li telenka l-kontribut bħala parti mill-kontributi individwali (Standards tal-Konsultazzjonijiet, ara COM (2002) 704, u l-Komunikazzjoni dwar is-Segwitu tal-ETI, ara COM (2007) 127 tal-21/03/2007).

Jekk inti organizzazzjoni reġistrata, jekk jogħġbok indika n-numru tiegħek tal-ID tar-Reġistru fir-Reġistru ta' Trasparenza meta twieġeb dan il-kwestjonarju online. Il-kontribut tiegħek imbagħad jitqies bħala rappreżentazzjoni tal-fehmiet tal-organizzazzjoni tiegħek.

Jekk l-organizzazzjoni tiegħek mhix irreġistrata għandek l-opportunità li tirreġistra issa. Imbagħad tista' tirritorna f'din il-paġna biex tibgħat il-kontribut tiegħek bħala organizzazzjoni reġistrata.

Is-sistema tuża l-ħżin lokali għall-issejvjar ta’ kopji tal-input tiegħek fi stħarriġ, sabiex tinżamm kopja ta’ riżerva f’każ li s-server ma jkunx disponibbli waqt li jkun qed jintbagħat il-kontribut, jew f’każ li l-kompjuter tiegħek jintefa b’mod aċċidentali, jew għal kwalunkwe raġuni oħra. Il-ħżin lokali fih l-IDs tal-mistoqsijiet u l-abbozzi tat-tweġibiet. Ladarba jirnexxilek tibgħat l-istħarriġ lis-server jew jirnexxilek tissejvja abbozz fuq is-server, id-data titneħħa mill-ħżin lokali. Fin-naħa ta’ fuq tal-istħarriġ hemm kaxxa għall-ittikkjar “Issejvja backup fuq il-kompjuter lokali tiegħek (iddiżattiva jekk qed tuża kompjuter pubbliku jew ma' ħaddieħor)” li tista’ timmarka biex tiddiżattiva din l-għażla. F’dak il-każ, mhi se tinħażen ebda data fuq il-kompjuter tiegħek.

Ara wkoll: Paġna ta’ għajnuna għall-parteċipanti

Informazzjoni addizzjonali

L-arranġamenti tal-UE għall-ħin tas-sajf - dwar xhiex qed nitkellmu?

L-arranġamenti fl-UE għall-ħin tas-sajf jitolbu li l-arloġġi jbiddlu s-siegħa darbtejn fis-sena biex jagħmlu tajjeb għax-xejriet li jinbidlu tad-dawl ta’ binhar u biex jittieħed vantaġġ mid-dawl ta’ binhar waqt perjodu partikolari.

Il-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE għandhom tradizzjoni twila tal-arranġamenti għall-ħin tas-sajf. Uħud minnhom imorru lura sal-Ewwel u t-Tieni Gwerer Dinjija jew għall-kriżi taż-żejt fis-snin sebgħin. Dak iż-żmien, l-arranġamenti għall-ħin tas-sajf saru l-aktar biex tiġi ffrankata l-enerġija. Madankollu, kien hemm ukoll raġunijiet oħrajn, bħas-sikurezza fit-toroq, iż-żieda fl-opportunitajiet ta’ rikreazzjoni li jinħolqu minn dawl ta’ binhar filgħaxijiet jew sempliċiment biex il-prattiki nazzjonali jiġu allinjati ma’ dawk tal-pajjiżi ġirien jew ma’ tas-sħab kummerċjali ewlenin.

L-arranġamenti fil-livell tal-UE għall-ħin tas-sajf jeżistu mis-snin tmenin u bħalissa huma rregolati mid-Direttiva 2000/84/KE. Id-Direttiva tistipula l-obbligi tal-Istati Membri li jaqilbu għall-ħin tas-sajf fl-aħħar Ħadd ta’ Marzu u li jbiddlu lura għall-ħin tax-xitwa fl-aħħar Ħadd ta’ Ottubru. L-objettiv tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ħin tas-sajf kien li jġib flimkien l-orarji nazzjonali eżistenti tal-ħin tas-sajf li kienu differenti minn xulxin, u b'hekk tiżgura approċċ armonizzat għall-bidla fil-ħin fi ħdan is-suq uniku.

B’mod parallel mal-arranġamenti tal-UE għall-ħin tas-sajf u indipendentement minn dan, l-Istati Membri huma maqsuma fi tliet żoni tal-ħin jew tal-ħinijiet standard differenti. Id-deċiżjoni dwar il-ħin standard hi b’mod li ma taffettwax ir-regoli tal-UE dwar il-ħin tas-sajf (jew kwalunkwe bidla għal dan). (L-Istati Membri tal-UE llum jinfirxu fuq tliet żoni tal-ħin: il-Ħin tal-Ewropa tal-Punent jew il-Ħin Medju ta’ Greenwich (UTC), il-Ħin tal-Ewropa Ċentrali (UTC+1), u l-Ħin tal-Ewropa tal-Lvant (UTC+2). Hemm tmin Stati Membri fl-Unjoni (il-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, il-Greċja, il-Latvja, il-Litwanja u r-Rumanija) li japplikaw l-UTC+2 bħala l-ħin standard tagħhom. 17-il Stat Membru (l-Awstrija, il-Belġju, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Repubblika Slovakka, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvezja) japplikaw l-UTC+1 u tliet Stati Membri (l-Irlanda, il-Portugall u r-Renju Unit) japplikaw l-UTC.) Dan hu determinat skont il-GMT (il-Ħin Medju ta’ Greenwich) jew l-UTC (il-Ħin Universali Koordinat).

Ta’ min jispeċifika li l-ammont ta’ dawl ta’ binhar disponibbli jvarja skont fejn jinsabu l-Istati Membri tal-UE ġeografikament. L-Istati Membri tal-UE tat-Tramuntana għandhom bidla staġjonali relattivament kbira fid-dawl ta’ binhar disponibbli matul is-sena, li hu kkaratterizat minn xtiewi mudlama bi ftit dawl ta’ binhar u sjuf imdawlin bi ljieli qosra. Għall-Istati Membri tal-UE li jinsabu l-aktar fin-Nofsinhar, id-distribuzzjoni tad-dawl ta’ binhar billejl u matul il-ġurnata ftit li xejn tinbidel matul is-sena (Ara wkoll l-iskedi tax-xemx tal-Istati Membri).

L-arranġamenti għall-ħin tas-sajf attwali tal-UE qegħdin jaħdmu?

Twettqu għadd ta’ studji matul is-snin li jivvalutaw l-arranġamenti għall-ħin tas-sajf. L-evidenza disponibbli tindika dan li ġej: (Għal aktar dettalji, jekk jogħġbok ara l-lista ta’ dokumenti ta’ referenza fl-aħħar. Din tirreferi għal dokumenti u rapporti uffiċjali tal-Kummissjoni, kif ukoll għall-metastudji l-aktar reċenti li janalizzaw ir-rapporti u l-istudji xjentifiċi disponibbli dwar din il-kwistjoni):

  • Is-suq intern: F’dan l-istadju, l-evidenza hi konklużiva dwar punt wieħed biss: jekk ikunu permessi bidliet tal-ħin mhux koordinati bejn l-Istati Membri, is-suq uniku se jbati minħabba spejjeż ogħla għall-kummerċ transfruntier, inkonvenjenzi fit-trasport, fil-komunikazzjonijiet u l-ivvjaġġar, u livell aktar baxx ta’ produttività fis-suq intern għall-oġġetti u s-servizzi.
  • L-enerġija: Minkejja li l-enerġija kienet wieħed mill-ixprunaturi ewlenin tal-arranġamenti attwali, ir-riċerka tindika li l-effett ġenerali tal-ħin tas-sajf fuq l-iffrankar tal-enerġija kien marġinali. Hemm it-tendenza li r-riżultati jvarjaw skont fatturi bħall-post ġeografiku.
  • Is-saħħa: Huwa stmat li l-arranġamenti għall-ħin tas-sajf jiġġeneraw effetti pożittivi marbuta mal-attivitajiet rikreattivi li jsiru fuq barra. Min-naħa l-oħra, is-sejbiet tar-riċerka kronobijoloġika juru li l-effett fuq il-bijoritmu tal-bniedem jista’ jkun aktar sever minn dak li kien maħsub. L-evidenza dwar l-impatti ġenerali fuq is-saħħa (jiġifieri l-bilanċ bejn il-pożittiv assunt kontra l-effetti negattivi) tibqa’ inkonklużiva.
  • Is-sikurezza fit-toroq: L-evidenza għadha inkonklużiva fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-arranġamenti għall-ħin tas-sajf u l-aċċidenti tat-traffiku fit-toroq. Fil-prinċipju, it-tiċħid mill-irqad meta jitmexxa l-arloġġ ‘il quddiem fir-rebbiegħa jista’ jżid ir-riskju tal-aċċidenti. Fl-istess waqt, jitqies li l-estensjoni tas-sigħat tad-dawl ta’ binhar matul is-serati tas-sajf għandha effett pożittiv fuq is-sikurezza fit-toroq. Madankollu, hu ġeneralment diffiċli li tattribwixxi b’mod dirett l-effett tal-arranġamenti għall-ħin tas-sajf fuq ir-rati tal-aċċidenti meta mqabbel ma’ fatturi oħrajn.
  • L-agrikoltura: It-tħassib li kien hemm qabel dwar it-tfixkil għall-bijoritmu tal-annimali u t-tibdil tal-iskedi tat-tiħlib minħabba l-bidla fil-ħin jidher li fil-biċċa l-kbira tiegħu m’għadux hemm minħabba l-użu ta’ tagħmir ġdid, dawl artifiċjali u teknoloġiji awtomatizzati. Siegħa żejda ta’ dawl ta’ binhar fis-sajf tista’ wkoll tkun ta’ vantaġġ għax tippermetti estensjoni tas-sigħat ta’ xogħol għall-attivitajiet fuq barra, bħax-xogħol fl-għelieqi u l-ħsad.

Il-Kummissjoni tirċievi l-feedback regolarment mingħand iċ-ċittadini dwar il-kwistjoni tal-ħin tas-sajf, li ħafna drabi jkun dwar dak li jħossu li huma l-impatti negattivi fuq is-saħħa tal-bidla tal-ħin ta’ tfixkil fir-rigward tat-tiċħid mill-irqad u tipi oħra ta’ konsegwenzi negattivi. Madankollu, xi uħud jitolbu li tinżamm is-sistema attwali għax jemmnu li għandha effetti pożittivi.

Xi Stati Membri reċentement indirizzaw il-kwistjoni tal-ħin tas-sajf f’ittri li bagħtu lill-Kummissjoni. B'mod aktar speċifiku, il-Finlandja talbet li titneħħa l-bidla ta’ darbtejn fis-sena tal-ħin u l-Litwanja sejħet għal reviżjoni tas-sistema attwali biex jitqiesu d-differenzi reġjonali u ġeografiċi.

Fi Frar 2018, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni li titlob lill-Kummissjoni li twettaq valutazzjoni bir-reqqa tad-Direttiva u, jekk ikun meħtieġ, toħroġ bi proposta għar-reviżjoni tagħha. Fl-istess waqt, ir-riżoluzzjoni kkonfermat li “huwa kruċjali li jinżamm reġim tal-ħin unifikat tal-UE anke wara li tintemm il-bidla fil-ħin li ssir darbtejn fis-sena.”

X’inhuma l-passi li jmiss?

L-evidenza disponibbli turi li regoli komuni f’dan il-qasam huma kritiċi biex ikun żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern. Dan hu wkoll appoġġjat mill-Parlament Ewropew, li fir-riżoluzzjoni tiegħu ddikjara li hu kruċjali li jinżamm reġim tal-ħin tal-UE unifikat.

B’reazzjoni għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tevalwa ż-żewġ alternattivi ewlenin ta’ politika disponibbli biex tiżgura sistema armonizzata bħal din, li huma:

  1. Jinżammu l-arranġamenti attwali tal-UE għall-ħin tas-sajf kif stipulat fid-Direttiva 2000/84/KE, jew
  2. Ma jibqgħux isiru l-bidliet attwali ta’ darbtejn fis-sena għall-Istati Membri kollha u l-projbizzjoni tal-bidliet perjodiċi; għal darb’oħra dan ma jaffettwax l-għażla taż-żona tal-ħin, u fl-aħħar mill-aħħar tibqa’ d-deċiżjoni tal-Istat Membru jekk jagħżilx ħin tas-sajf jew tax-xitwa permanenti (jew ħin differenti).