Dwar il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ)

Il-BERŻ huwa l-proprjetà ta’ 65 pajjiż (inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE), il-Komunità Ewropea u l-BEI. Il-parteċipazzjoni azzjonarja totali tal-UE hi ta’ 63%. Il-BERŻ jipprovdi l-finanzjament tal-proġetti l-aktar għal intrapriżi privati, normalment flimkien ma’ sħab kummerċjali ta’ self oħra. Huwa jaħdem ukoll mas-sħab pubbliċi biex jiġu appoġġjati l-privatizzazzjoni, ir-ristrutturazzjoni u t-titjib tas-servizzi muniċipali.

Il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) jgħin biex jinbnew ekonomiji tas-suq f’aktar minn 30 pajjiż, min-Nofsinhar u l-Lvant tal-Mediterran sal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant sal-Asja Ċentrali. Huwa jagħmel dan billi jiffinanzja investimenti f’dawn il-pajjiżi u jappoġġja l-iżvilupp tas-settur privat.
Stabbilit fl-1991, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) jippromwovi t-tranżizzjoni lejn ekonomiji tas-suq f’pajjiżi li impenjaw ruħhom favur, u li japplikaw il-prinċipji demokratiċi fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, fl-Asja Ċentrali u fin-Nofsinhar u l-Lvant tal-Mediterran. Huwa jagħmel dan billi jiffinanzja investimenti, jipprovdi servizzi tan-negozju u jinvolvi ruħu fi djalogu politiku ta’ livell għoli f’dawn il-pajjiżi biex jappoġġja l-iżvilupp tas-settur privat.

Is-sħubija u r-rappreżentanza tal-UE

Il-sħubija tal-BERŻ tikkonsisti minn 65 gvern minn ħames kontinenti, il-Komunità Ewropea u l-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI). L-Unjoni Ewropea hija azzjonista (3.05% tat-total tal-voti) fil-bank. Flimkien mal-BEI (li għandu wkoll 3.05% tal-kapital) u l-Istati Membri, il-parteċipazzjoni azzjonarja relatata mal-UE tilħaq 63%.

Is-setgħat kollha tal-bank huma inkarigati lill-Bord tal-Gvernaturi li jiddelega l-kompiti ewlenin lil Bord tad-Diretturi residenti, li huwa responsabbli għat-tmexxija tal-operazzjonijiet u l-politiki ġenerali tal-bank. L-Unjoni Ewropea hija rrappreżentata fil-BERŻ minn Gvernatur u Gvernatur Supplenti, u minn Direttur Eżekuttiv u Direttur Supplenti fuq il-Bord tad-Diretturi.
Id-Direttur Eżekuttiv tal-UE jattendi regolarment laqgħat ta’ koordinazzjoni tal-UE ma’ Diretturi tal-Bord mill-Istati Membri filwaqt li jikkonsulta wkoll mas-Servizzi tal-Kummissjoni u s-SEAE dwar il-proġetti mressqa quddiem il-Bord tal-BERŻ għall-approvazzjoni. Id-Direttur tal-UE jifformula l-pożizzjoni tiegħu tal-votazzjoni fuq bażi ta’ każ b’każ, filwaqt li jqis il-fehmiet tal-Istati Membri kif ukoll il-pariri tas-Servizzi tal-Kummissjoni u s-SEAE bl-għan li jirrifletti l-prijoritajiet tal-UE kollha kemm hi.

Operazzjonijiet

Il-BERŻ huwa l-akbar investitur uniku fir-reġjuni fejn jopera, billi jimmobilizza għadd sinifikanti ta’ investiment dirett barrani lil hinn mill-finanzjament tiegħu stess. Huwa jipprovdi l-finanzjament tal-proġetti, normalment flimkien ma’ sħab kummerċjali, prinċipalment lis-settur privat, pereżempju lill-banek, l-industrija u n-negozji, l-impriżi l-ġodda u dawk diġà eżistenti. Huwa jaħdem ukoll ma’ kumpaniji pubbliċi biex jappoġġja l-privatizzazzjoni, ir-ristrutturazzjoni ta’ kumpaniji tal-istat u t-titjib tas-servizzi muniċipali. Kull investiment għandu jissodisfa r-rekwiżiti tal-impatt tat-tranżizzjoni, l-addizzjonalità u l-prinċipji bankarji sodi. 

Fl-2015, il-BERŻ ipprovda finanzjament ta’ EUR 9.4 biljun għal 381 proġett, li jkopru l-istituzzjonijiet finanzjarji – inkluż appoġġ għall-mikrointrapriżi, dawk żgħar u ta’ daqs medju permezz ta’ intermedjarji finanzjarji (32%), is-settur korporattiv – l-industrija, il-kummerċ u n-negozju agrikolu (22%), l-infrastruttura (19%) u l-enerġija (27%).

Kooperazzjoni bejn l-UE u l-BERŻ

Il-BERŻ huwa sieħeb strateġiku importanti għall-UE, li jappoġġja l-politiki u l-objettivi tal-UE bħall-Politika Ewropea tal-Viċinat, l-istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi – is-Semestru Ewropew u r-rispons tal-UE għall-isfida tal-migrazzjoni. Barra minn hekk, fejn xieraq, il-bank jippromwovi n-normi u l-istandards tal-UE (speċjalment dawk ambjentali) permezz tal-operazzjonijiet tiegħu. Il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-BERŻ żviluppat fil-pajjiżi kollha fejn jopera l-BERŻ u hija komprensiva u diversifikata f’varjetà ta’ setturi (inklużi l-enerġija, l-infrastrutturi ambjentali u muniċipali, l-appoġġ għall-SMEs u s-sigurtà nukleari).

L-Unjoni Ewropea hija bil-bosta l-akbar fornitur ta’ finanzi b’għotjiet għal assistenza teknika u kofinanzjament ta’ investimenti mill-BERŻ. Sa mill-bidu nett tal-bank l-UE rrappreżentat 36 fil-mija tat-total ta’ għotjiet imwassla permezz tal-BERŻ. Fl-2015 il-kontribuzzjonijiet tal-UE ammontaw għal €179 miljun, li jirrappreżentaw nofs it-total tal-finanzjament mid-donaturi tal-BERŻ dik is-sena. Il-finanzjament mill-UE qed jitwassal dejjem aktar permezz ta’ faċilitajiet reġjonali maħluqa biex jikkombinaw l-għotjiet tal-UE mal-finanzjament tal-BERŻ, bħall-Faċilità ta’ Investiment tal-Viċinat (NIF), il-Qafas ta’ Investiment tal-Balkani tal-Punent (WBIF), il-Faċilità ta’ Investiment għall-Asja Ċentrali (IFCA), kif ukoll programmi ta’ finanzjament bilaterali. Il-proġetti tal-BERŻ fl-Istati Membri tal-UE jibbenefikaw ukoll minn Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni.
Il-BERŻ jikkoopera mill-qrib ukoll mal-istituzzjonijiet tal-UE fl-appoġġ ta’ djalogu politiku u riformi li jsaħħu l-ambjent tan-negozju fil-pajjiżi fejn jopera l-Bank. Il-Memorandum ta’ Qbil Tripartitiku KE-BEI-BERŻ jifforma l-bażi ta’ din il-kooperazzjoni għal operazzjonijiet barra mill-Unjoni Ewropea, filwaqt li jrawwem skambju regolari ta’ informazzjoni u jiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ opportunitajiet ta’ kofinanzjament ibbażati fuq il-vantaġġi komparattivi ta’ kull imsieħeb.