L-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea huma parti mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) u jikkoordinaw it-tfassil tal-politika ekonomika tagħhom biex jappoġġjaw l-għanijiet ekonomiċi tal-UE. Madankollu, numru ta’ Stati Membri ħadu pass supplementari billi biddlu l-muniti nazzjonali tagħhom bil-munita unika – l-euro. Dawn l-Istati Membri jiffurmaw iż-żona tal-euro.

Meta l-euro kien introdott għall-ewwel darba fl-1999 – bħala “flus skritturali” –, iż-żona tal-euro kienet magħmula minn 11 imbagħad minn 15-il Stat Membru. Il-Greċja ngħaqdet fl-2001, sena biss qabel il-bidla tal-flus, segwita mis-Slovenja fl-2007, Ċipru u Malta fl-2008, is-Slovakkja fl-2009, l-Estonja fl-2011, il-Latvja fl-2014 u l-Litwanja fl-2015. Illum, iż-żona tal-euro fiha 19-il Stat Membru.

Fost l-Istati Membri barra miż-żona tal-euro, id-Danimarka għandha “opt-out” milli tissieħeb stipulata fi Protokoll anness mat-Trattat, għalkemm tista’ tissieħeb fil-futur jekk tkun tixtieq. L-Iżvezja għadha ma kkwalifikatx biex tkun parti miż-żona tal-euro.

Il-bqija tal-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro huma fost dawk li ssieħbu fl-Unjoni fl-2004, l-2007 u l-2013, wara li tnieda l-euro. Fiż-żmien tal-adeżjoni tagħhom, huma ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jidħlu fiż-żona tal-euro, iżda wrew l-impenn tagħhom biex jissieħbu kif u meta dawn jintlaħqu – huma Stati Membri b’“deroga”, bħall-Iżvezja.

Andorra, Monaco, San Marino u l-Belt tal-Vatikan adottaw l-euro bħala l-munita nazzjonali tagħhom minħabba ftehimiet monetarji speċifiċi mal-UE, u jistgħu joħorġu l-muniti tal-euro tagħhom b’ċerti limiti. Madankollu, peress li mhumiex Stati Membri tal-UE, huma mhumiex parti miż-żona tal-euro.

Tmexxija taż-żona tal-euro

Bl-adozzjoni tal-euro, l-ekonomiji tal-membri taż-żona tal-euro saru aktar integrati. Din l-integrazzjoni ekonomika għandha titmexxa sew biex jintlaħqu l-benefiċċji kollha tal-munita unika. Għalhekk, iż-żona tal-euro hija wkoll distinta minn partijiet oħra tal-UE permezz tat-tmexxija ekonomika tagħha – b’mod partikolari, it-tfassil ta’ politika ekonomika u monetarja.

  • Il-politika monetarja taż-żona tal-euro hija f’idejn l-Eurosistema indipendenti, inklużi l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), li huwa bbażat fi Frankfurt, il-Ġermanja, u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri taż-żona tal-euro. Permezz tal-Kunsill Governattiv tiegħu, il-BĊE jiddefinixxi l-politika monetarja għaż-żona tal-euro kollha kemm hi – awtorità monetarja waħda b’politika monetarja unika u bl-objettiv primarju li żżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet.
  • Fiż-żona tal-euro, il-politika ekonomika hija prinċipalment ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, iżda l-gvernijiet nazzjonali jridu jikkoordinaw il-politiki ekonomiċi tagħhom biex jintlaħqu l-għanijiet komuni ta’ stabbiltà, tkabbir u impjiegi. Il-koordinazzjoni tintlaħaq permezz ta’ numru ta’ strutturi u strumenti, bil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) bħala wieħed ċentrali. Il-PST jinkludi regoli li ntlaħaq qbil dwarhom għad-dixxiplina fiskali, bħal pereżempju limiti fuq id-defiċits tal-gvern u d-dejn nazzjonali, li jridu jkunu rispettati mill-Istati Membri kollha tal-UE, għalkemm il-pajjiżi taż-żona tal-euro biss huma soġġetti għal sanzjonijiet – finanzjarja jew oħrajn – f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità.
  • L-implimentazzjoni tal-governanza ekonomika tal-UE hi organizzata b’mod annwali f’ċiklu, magħruf bħala s-Semestru Ewropew.

Min hu diġà ġewwa?