L-Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE) hu disponibbli għall-Istati Membri li jeħtieġ li jimmobilizzaw mezzi finanzjarji sinifikanti biex jiġġieldu l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali negattivi tat-tifqigħa tal-coronavirus fit-territorju tagħhom. Jista’ tipprovdi assistenza finanzjarja sa €100 biljun fil-forma ta’ self mill-UE lill-Istati Membri affettwati biex jindirizzaw żidiet f’daqqa fin-nefqa pubblika għall-preservazzjoni tal-impjiegi. L-istrument SURE huwa element kruċjali tal-istrateġija komprensiva tal-UE biex tipproteġi liċ-ċittadini u ttaffi l-konsegwenzi soċjoekonomiċi bil-wisq negattivi tal-pandemija tal-coronavirus.

SURE

B’mod speċifiku, l-istrument SURE jaġixxi bħala t-tieni linja ta’ difiża, li tappoġġja skemi ta’ xogħol b'ħinijiet iqsar u miżuri simili, biex jgħin lill-Istati Membri jipproteġu l-impjiegi u b’hekk l-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju ta’ qgħad u t-telf ta’ introjtu.

Is-self ipprovdut lill-Istat Membri taħt l-istrument SURE hu sostnut minn sistema ta’ garanziji volontarji mill-Istati Membri. Il-kontribuzzjoni ta’ kull Stat Membru għall-ammont globali tal-garanzija tikkorrispondi mas-sehem relattiv tagħha fl-introjtu nazzjonali gross (ING) totali tal-Unjoni Ewropea, abbażi tal-baġit tal-UE għall-2020.

L-istabbiliment ta’ SURE hija espressjoni tanġibbli oħra tas-solidarjetà tal-Unjoni, li biha l-Istati Membri jaqblu li jappoġġjaw lil xulxin permezz tal-Unjoni billi jagħmlu disponibbli riżorsi finanzjarji addizzjonali permezz ta’ self.

Wara proposti għal assistenza addizzjonali ta’ €3.7 biljun lil 6 Stati Membri (il-Belġju, Ċipru, il-Greċja, il-Latvja, il-Litwanja u Malta), il-Kunsill approva total ta’ €94.3 biljun f’appoġġ finanzjarju lil 19-il Stat Membru, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni.

B’dan l-aħħar żborż (25 ta' Mejju 2021) l-UE pprovdiet kważi €90 biljun f’self back-to-back. Id-19-il Stat Membru kollha tal-UE li talbu biex jibbenefikaw mill-iskema ngħataw parti mill-ammont jew l-ammont kollu li ntalab. Stati Membri oħra xorta jistgħu jippreżentaw talbiet biex jirċievu appoġġ finanzjarju taħt SURE li għandu qawwa ġenerali sa €100 biljun

Pajjiż
Ammont ta’ self propost

Żborżati
Il-Belġju

8.197 biljun

8.197 biljun

Il-Bulgarija

511-il miljun

511-il miljun

Ċipru

604 miljuni

604 miljuni

L-Estonja

230 miljun

230 miljun

Il-Greċja

5.265 biljun

5.265 biljun

Spanja

21.324 biljun

21.324 biljun

Il-Kroazja

1.02 biljun

1.02 biljun

L-Ungerija

504 miljun

504 miljun

L-Irlanda

2.5 biljun

2.5 biljun

L-Italja

27.438 biljun

27.438 biljun

Il-Litwanja

957 miljun

957 miljun

Il-Latvja

305 miljuni

305 miljuni

Malta

420 miljun

420 miljun

Il-Polonja

11.236 biljun

8.236 biljun

Il-Portugall

5.934 biljun

5.41 biljun

Ir-Rumanija

4.099 biljun

3 biljuni

Is-Slovenja

1.113 biljun

1.113 biljun

Is-Slovakkja

630 miljun

630 miljun

Iċ-Ċekja

2 biljuni

2 biljuni

Total

94.3 biljun

89.6 biljun

L-appoġġ finanzjarju jingħata fil-forma ta’ self mogħti b’termini favorevoli mill-UE lill-Istati Membri. Dan is-self se jgħin lill-Istati Membri jindirizzaw iż-żidiet f’daqqa fin-nefqa pubblika biex jippreservaw l-impjiegi fil-kuntest tal-kriżi pandemika. B’mod speċifiku, is-self se jgħin lill-Istati Membri jkopru l-ispejjeż direttament relatati mal-finanzjament ta’ skemi nazzjonali ta’ xogħol b'ħinijiet iqsar, u miżuri simili oħra li jkunu stabbilew bħala reazzjoni għall-pandemija tal-coronavirus, b’mod partikolari għal dawk li jaħdmu għal rashom. Bħala żieda, SURE jista’ jiffinanzja wkoll xi miżuri relatati mas-saħħa, b’mod partikolari fil-post tax-xogħol, użati biex jiġi żgurat ritorn sikur għall-attività ekonomika normali.

Bond soċjali tal-EU SURE

Biex tiffinanzja l-istrument, il-Kummissjoni ħarġet bonds soċjali. Il-Qafas tal-Bonds Soċjali huwa maħsub biex jipprovdi lill-investituri f’dawn il-bonds b’fiduċja li l-fondi mobilizzati se jservu verament objettiv soċjali.

Sat-18 ta’ Mejju, il-Kummissjoni Ewropea kienet ħarġet bonds soċjali ta’ €89.6 biljun taħt l-istrument SURE tal-UE biex tgħin tipproteġi l-impjiegi u żżomm in-nies jaħdmu. Ir-rilaxxi kienu jikkonsistu minn bonds ta’ 5 snin, 10 snin u 15-il sena. Kien hemm interess qawwi ħafna mill-investituri f’dawn l-istrumenti bi klassifikazzjoni għolja, u s-sottoskrizzjoni żejda wasslet għal termini ta’ pprezzar favorevoli għall-bonds. Il-fondi miġbura qed jiġu ttrasferiti lill-Istati Membri benefiċjarji fil-forma ta’ self biex jgħinuhom ikopru l-ispejjeż direttament relatati mal-finanzjament ta’ skemi nazzjonali ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili bħala reazzjoni għall-pandemija.

Fis-27 ta’ Ottubru, il-bond soċjali EU SURE ġie elenkat fil-Borża tal-Lussemburgu, u se jintwera fuq il-Luxembourg Green Exchange, il-pjattaforma ewlenija tad-dinja ddedikata esklużivament għal titoli sostenibbli.

L-aktar reċenti

Kronoloġija

  • 25 ta’ Mejju 2021

    Il-Kummissjoni tiżborża €14.1-il biljun lil 12-il Stat Membru

  • 23 ta’ April 2021

    Il-Kunsill jiddeċiedi li jagħti appoġġ finanzjarju addizzjonali lil sitt Stati Membri

  • 30 ta’ Marzu 2021

    Il-Kummissjoni tiżborża €13-il biljun lil 6 Stati Membri

  • 30 ta’ Marzu 2021

    Il-Kummissjoni tipproponi li tipprovdi €3.7 biljun f’appoġġ addizzjonali lil 6 Stati Membri

  • 16 ta’ Marzu 2021

    Il-Kummissjoni tiżborża €9 biljun taħt SURE lil seba’ Stati Membri

  • 26 ta’ Frar 2021

    Il-Kummissjoni tipproponi li tipprovdi €230 miljun lill-Estonja taħt SURE

  • 2 ta’ Frar 2021

    Il-Kummissjoni tiżborża €14-il biljun taħt SURE lil disa’ Stati Membri

  • 01 ta’ Diċembru 2020

    Il-Kummissjoni tiżborża €8.5 biljun taħt SURE lil ħames Stati Membri

  • 17 ta’ Novembru 2020

    Il-Kummissjoni żborżat €14-il biljun lill-Italja, lil Spanja, lill-Greċja, lill-Kroazja, lil-Litwanja, lil Ċipru, lis-Slovenja, lil Malta u lil-Latvja.

  • 16 ta’ Novembru 2020

    Il-Kummissjoni pproponiet appoġġ finanzjarju ta’ €2.5 biljun lill-Irlanda

  • 27 ta’ Ottubru 2020

    Il-Kummissjoni żborżat €17-il biljun lill-Italja, lil Spanja u lill-Polonja

  • 23 ta’ Ottubru 2020

    Il-Kunsill iddeċieda li jagħti appoġġ finanzjarju ta’ €504 miljun lill-Ungerija

  • 7 ta’ Ottubru 2020

    Il-Kummissjoni pproponiet appoġġ finanzjarju ta’ €504 biljun lill-Ungerija

  • 25 ta’ Settembru 2020

    Il-Kunsill iddeċieda li jagħti appoġġ finanzjarju lil 16-il Stat Membru

  • 22 ta’ Settembru 2020

    SURE jiġi attivat

  • 24-25 ta’ Ġunju 2020

    Il-Kummissjoni pproponiet appoġġ finanzjarju ta’ €87.3 biljun lil 16-il Stat Membru

  • 19 ta’ Mejju 2020

    Il-Kunsill japprova l-proposta u jadotta r-Regolament SURE

  • 2 ta’ April 2020

    Il-Kummissjoni tipproponi l-ħolqien ta' SURE