Kontenut tal-paġna

Attivitajiet illegali u abbuż ta’ liġi jistgħu jseħħu fi kwalunkwe organizzazzjoni, kemm jekk privata kif ukoll pubblika, kbira jew żgħira. Dawn jistgħu jieħdu ħafna forom, bħal korruzzjoni, frodi, prassi professjonali ħażina fin-negozju jew negliġenza. U jekk ma jiġux indirizzati, jistgħu jirriżultaw fi ħsara serja għall-interess pubbliku.

Persuni li jaħdmu għal organizzazzjoni jew huma f’kuntatt magħha fl-attivitajiet tagħhom relatati max-xogħol spiss ikunu tal-ewwel li jsiru jafu dwar dawn l-avvenimenti u għalhekk huma f’pożizzjoni privileġġjata sabiex jinformaw lil dawk li jistgħu jindirizzaw il-problema.

L-informaturi, jiġifieri l-persuni li jirrapportaw (fl-organizzazzjoni kkonċernata jew lil awtorità barranija) jew jiżvelaw (lill-pubbliku) informazzjoni dwar għemil illeċitu miksuba f’kuntest relatat max-xogħol, jgħinu sabiex tiġi evitata l-ħsara u jkunu skoperti theddid jew ħsara għall-interess pubbliku li kieku jistgħu jibqgħu moħbija.

Madankollu, fil-livell Ewropew u nazzjonali l-protezzjoni tal-informaturi mhijiex uniformi u hija frammentata. B’konsegwenza ta’ dan, l-informaturi spiss joqogħdu lura milli jirrapportaw it-tħassib tagħhom minħabba l-biża’ ta’ ritaljazzjoni.

Għal dawn ir-raġunijiet, fit-23 ta’ April 2018, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pakkett ta’ inizjattivi li jinkludu Proposta għal Direttiva dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni u Komunikazzjoni li tistabbilixxi qafas legali komprensiv għall-protezzjoni tal-informaturi għas-salvagwardja tal-interess pubbliku fil-livell Ewropew, l-istabbiliment ta’ kanali ta’ rapportar faċilment aċċessibbli, is-sottolinear tal-obbligu li tinżamm il-kunfidenzjalità u l-projbizzjoni tar-ritaljazzjoni kontra l-informaturi u l-istabbiliment ta’ miżuri mmirati ta’ protezzjoni.

Id-Direttiva - (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni - ġiet adottata fit-23 ta’ Ottubru 2019 u daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Diċembru 2019. L-Istati Membri għandhom sas-17 ta’ Diċembru 2021 biex jittrasponuha fil-liġijiet nazzjonali tagħhom.