Ir-rwoli prinċipali fil-qasam tal-liġi

Il-Kummissjoni tipproponi u timplimenta liġijiet li huma skont l-objettivi tat-trattati tal-UE. Hi tinkoraġġixxi l-input min-negozji u ċ-ċittadini fil-proċess tat-tfassil tal-liġijiet u tiżgura li l-liġijiet jiġu implimentati, evalwati u aġġoranti b’mod korrett meta jkun hemm bżonn.

L-oqsma fejn l-UE tista’ tillegalizza

Kull azzjoni li tittieħed mill-UE hija msejsa fuq it-trattati li ġew approvati b’mod demokratiku mill-membri tagħha. It-trattati huma vinkolanti bejn il-pajjiżi tal-UE u jistabbilixxu l-għanijiet tal-UE, ir-regoli għall-istituzzjonijiet tal-UE, kif jittieħdu d-deċiżjonijiet, u r-relazzjoni bejn l-UE u l-membri tagħha. It-trattati huma l-punt tat-tluq għal-liġijiet tal-UE.

L-UE tista' taġixxi biss f'dawk l-oqsma fejn il-pajjiżi membri tagħha jkunu awtorizzawha tagħmel dan, permezz tat-trattati tal-UE. It-trattati jispeċifikaw min jista’ jillegalizza u f’liema oqsma: l-UE, il-gvernijiet nazzjonali jew it-tnejn.

It-tipi ta’ liġi tal-UE 

L-oqsma ta' azzjoni tal-UE 

Il-proposta ta’ liġijiet

Il-Kummissjoni Ewropea hi responsabbli għall-ippjanar, it-tħejjija u l-proposti ta' liġijiet Ewropej ġodda. Hi għandha d-dritt li tagħmel dan fuq inizjattiva tagħha stess. Il-liġijiet li tipproponi jridu jiddefendu l-interessi tal-Unjoni u ċ-ċittadini tagħha kollha kemm huma. Il-Kummissjoni tissottometti proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jridu jaqblu mat-test qabel ma dan isir liġi tal-UE.

L-ippjanar u l-proposta ta' liġi

Ir-regolamentazzjoni aħjar

Iċ-ċittadini, in-negozji, is-soċjetà ċivili, l-awtoritjiet pubbliċi u kwalunkwe parti kkonċernata oħra tista’ tesprimi l-opinjoni tagħha fil-proċess tat-tfassil tal-liġijiet tal-UE. Din hi magħrufa bħala regolamentazzjoni aħjar.

Il-Kummissjoni tipproponi liġijiet ġodda fuq il-bażi tal-evidenza u l-opinjonijiet taċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati.

Ir-regolamentazzjoni aħjar: għaliex u kif

L-istabbiliment tar-regoli għall-implimentazzjoni

Hekk kif tgħaddi liġi tal-UE, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew il-Parlament Ewropew jista’ jawtorizza lill-Kummissjoni tadotta żewġ tipi ta’ atti mhux leġiżlattivi biex ikun żgurat li l-liġijiet huma implimentati b'mod xieraq (atti ta’ implimentazzjoni) jew aġġornati jekk ikun meħtieġ biex jirriflettu l-iżviluppi f’settur partikolari (atti delegati).

L-atti ta’ implimentazzjoni u l-atti delegati 

L-iżgurar ta’ implimentazzjoni korretta

Il-Kummissjoni hi responsabbli biex timmonitorja jekk il-liġijiet tal-UE humiex applikati b’mod korrett u f’waqthom. F’dan ir-rwol, il-Kummissjoni hija msemmija bħala l-“gwardjan tat-trattati”.

Il-Kummissjoni tieħu passi jekk pajjiż tal-UE ma jinkorporax bis-sħiħ direttiva fil-liġi nazzjonali tiegħu sal-iskadenza stabbilita jew jekk ma japplikax il-liġi tal-UE b’mod korrett.

Jekk l-awtoritajiet nazzjonali ma jimplimentawx il-liġijiet tal-UE, il-Kummissjoni tista’ tibda proċeduri formali ta’ ksur kontra l-pajjiż inkwistjoni.

Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-Direttivi tal-UE 

Il-proċedura ta’ ksur

L-evalwazzjoni u l-aġġornament tal-liġijiet

Il-Kummissjoni tevalwa regolarment jekk il-liġijiet tal-UE jkunux qed iwasslu għall-bidliet mixtieqa għan-negozji u ċ-ċittadini Ewropej.

Dak li jirriżulta minn evalwazzjoni jgħin lill-Kummissjoni biex tiddeċiedi jekk l-azzjonijiet tal-UE jeħtiġilhomx jitkomplew jew jinbidlu.

Flimkien mal-evalwazzjonijiet u l-kontrolli tal-idoneità (il-valutazzjoni ta’ diversi azzjonijiet relatati), il-programm REFIT tal-Kummissjoni jgħin sabiex il-liġijiet eżistenti tal-UE jiġu ssimplifikati u jiswew inqas flus biex jiġu applikati.

Bħala parti mill-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar, kulħadd jista’ jipprovdi feedback dwar il-pjanijiet għall-evalwazzjonijiet u l-kontrolli tal-idoneità u jieħu sehem fil-konsultazzjonijiet pubbliċi dwar evalwazzjonijiet li jkunu għaddejjin.

L-evalwazzjoni tal-liġijiet