L-użu ta’ esperti għall-evalwazzjoni tal-offerti

Il-Kummissjoni Ewropea taħtar esperti indipendneti u imparzjali biex jevalwaw proposti u jimmonitorjaw proġetti appoġġjati minn finanzjament tal-UE.

Pereżempju, fil-kuntest tal-Programm Orizzont 2020 il-Kummissjoni tippubblika  lista annwali ta’ esperti (għalkemm ma tispeċifikax liema esperti ħadmu fuq liema proposti).

L-esperti jiġu offruti kuntratt li jiddefinixxi d-drittijiet, l-obbligi, it-termini u l-kundizzjonijiet, u huma ta’ spiss remunerati għas-servizzi tagħhom. 

Sir espert għall-Kummissjoni

Kodiċi ta’ kondotta għall-esperti

Skont kull sejħa, l-esperti jistgħu jiġu rikjesti biex jiffirmaw dikjarazzjoni li huma se jirrispettaw il-kodiċi ta’ kondotta għall-esperti. Eżempju ta’ dikjarazzjoni simili jinsab fil-Portal tal-Parteċipanti, fl-Anness 1, il-kuntratt mudell għall-esperti.

Kunflitti ta’ interess

L-esperti għandhom jiddikjaraw li ma jeżisti ebda kunflitt ta’ interess u li huma se jinfurmaw lill-Kummissjoni jekk ikun hemm tali kunflitt matul il-qadi ta’ dmirijiethom.

Jekk ikun hemm bżonn, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tirtira l-esperti mid-dmirijiet tagħhom ta’ evalwazzjoni jew monitoraġġ.

Eżempju ta’ x’jikkostitwixxi kunflitt ta’ interess jinsab fil-Manwal ta’ Orizzont 2020 fil-Portal tal-Parteċipanti. Ċerti sejħiet għall-esperti jista’ jkollhom regoli differenti. Nirrakkomandaw li tiċċekkja kull sejħa partikolari u r-regoli u l-kundizzjonijiet tagħha.

Sottomissjoni ta’ proposti meta taħdem bħala espert

Għal ċerti programmi u azzjonijiet (eż. Orizzont 2020) l-esperti jistgħu jissottomettu l-proposti ta’ riċerka tagħhom stess waqt li jagħmlu evalwazzjonijiet bħala esperti - sakemm ma jkun hemm ebda kunflitt ta’ interess. L-esperti mhux se jiġu mitluba jevalwaw il-proposta tagħhom stess jew kwalunkwe proposti oħrajn li jikkompetu magħha.

Responsabbiltà

Il-Kummissjoni Ewropea tista’ titlob lill-esperti biex jipprovdu rekords u dokumenti ta’ appoġġ bħala evidenza li l-kuntratt twettaq b’mod korrett u li kwalunkwe spejjeż ikklejmjati huma ġenwini.