Għid tiegħek dwar l-inizjattivi tal-Kummissjoni

Tista’ ssemma’ leħnek dwar l-inizjattivi tal-Kummissjoni u b’hekk tgħin biex jiġi rfinat ix-xogħol preparatorju dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE fi stadji differenti tal-proċess. Il-pjanijiet direzzjonali, l-abbozzi tal-atti, l-atti proposti u adottati normalment huma miftuħin għal perjodi ta’ feedback ta’ 4 ġimgħat.

Mod ewlieni biex tagħmel dan huwa li twieġeb xi konsultazzjoni pubblika li tniedi l-Kummissjoni biex tiġbor input aktar speċifiku dwar l-inizjattivi ppjanati permezz ta’ kwestjonarji dettaljati. Il-parti l-kbira tal-konsultazzjonijiet huma miftuħa għal 12-il ġimgħa. Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-opinjonijiet tiegħek meta tkun qed tiżviluppa l-politika u l-leġiżlazzjoni tagħha.

Issuġġerixxi kif jistgħu jittejbu l-liġijiet tal-UE

F’kull ħin, tista’ wkoll tissuġġerixxi modi biex tittejjeb il-liġi eżistenti tal-UE biex issir aktar effiċjenti u effettiva. Bord magħmul minn esperti minn kull pajjiż tal-UE se jeżamina l-proposta tiegħek. Il-bord, magħruf bħala l- “pjattaforma REFIT”, jinkludi rappreżentanti min-negozji u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Huwa jista’ jagħmel rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni bbażata fuq l-input tiegħek. Jekk jiddeċiedi li ma jagħmilx rakkomandazzjoni, se jibgħatlek ittra li tispjega għaliex.