Kif tressaq ilment lill-Kummissjoni Ewropea

Għandek tressaq l-ilment tiegħek billi tuża l-formola tal-ilmenti standard, li tagħmilha iżjed faċli għalina biex nifhmu l-problema tiegħek. Tista’ timla l-formola bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-UE. Jekk jogħġbok kun ċert li tinkludi d-dettalji li ġejjin:

  • iddeskrivi eżattament kif taħseb li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu kisru l-liġi tal-UE, u liema hi l-liġi tal-UE li taħseb li kisru
  • agħti dettalji ta' kwalunkwe pass li ħadt biex tingħata rimedju

X’tagħmel il-Kummissjoni Ewropea bl-ilment tiegħek?

L-ilmenti lill-Kummissjoni Ewropea jgħaddu minn dan il-proċess:

  • Il-Kummissjoni Ewropea tikkonfermalek li tkun irċeviet l-ilment tiegħek fi żmien 15-il jum ta’ xogħol.
  • Il-Kummissjoni Ewropea se tistiednek terġa’ tissottometti l-ilment tiegħek fil-każ li ma tkunx użajt il-formola tal-ilmenti standard.
  • Fi żmien 12-il xahar, il-Kummissjoni Ewropea tivvaluta l-ilment tiegħek u tipprova tiddeċiedi jekk għandhiex tagħti bidu għal proċedura formali ta' ksur kontra l-pajjiż tal-UE inkwistjoni.
  • Jekk il-kwistjoni li qed tqajjem hi partikolarment ikkumplikata, jew jekk il-Kummissjoni Ewropea jkollha bżonn tistaqsi lilek jew oħrajn għal aktar informazzjoni jew dettalji, tista’ tieħu aktar minn 12-il xahar qabel ma tasal għal deċiżjoni. Se tiġi infurmat jekk il-valutazzjoni tieħu aktar minn 12-il xahar.
  • Jekk il-Kummissjoni Ewropea tiddeċiedi li l-ilment tiegħek hu fondat u tibda l-proċedura formali ta' ksur kontra l-pajjiż tal-UE inkwistjoni, hi tinfurmak u tgħarrfek kif ikun miexi l-każ.
  • Jekk il-Kummissjoni Ewropea taħseb li l-problema tiegħek tista' tiġi solvuta b'mod aktar effiċjenti b’xi servizz informali jew ta' soluzzjoni tal-problema barra l-qorti, hi tista' tipproponilek li l-fajl tiegħek jiġi trasferit lil dawn is-servizzi.
  • Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-problema tiegħek ma tinvolvix ksur tal-liġi tal-Unjoni, tinfurmak b’ittra qabel ma tagħlaq il-fajl tiegħek.
  • Fi kwalunkwe ħin, tista’ tagħti lill-Kummissjoni Ewropea materjal addizzjonali dwar l-ilment tiegħek jew titlob biex tiltaqa' mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea.

Skopri aktar dwar kif il-Kummissjoni Ewropea tittratta r-relazzjonijiet tagħha ma’ persuni li jilmentaw: Komunikazzjoni dwar l-immaniġġjar tar-relazzjonijiet mal-kwerelant rigward l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni.

Kif tressaq ilment online

Tista’ timla u tippreżenta l-formola tal-ilmenti online.

Kif tressaq ilment bl-email jew bil-posta

Jekk tixtieq tressaq ilment bl-email jew bil-posta, trid timla l-formola tal-ilmenti standard li hi disponibbli bil-lingwi kollha tal-UE. Jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet li ssib fil-formola.

Il-formola se tgħinek tagħti struttura lill-ilment tiegħek u tiżgura li fiha l-informazzjoni rilevanti kollha. Biex tiffaċilita l-ipproċessar tal-ilment tiegħek, jekk jogħġbok imla l-formola fuq l-iskrin jew bil-kitba b’mod li tkun tinqara.

IddawnlowdjaDOCX - 50.8 KB

L-ilmenti jistgħu jintbagħtu f'dan l-indirizz:

European Commission
Secretary-General
B-1049 Brussels
BELGIUM

jew

L-uffiċċju tal-Kummissjoni tal-UE f’pajjiżek 

jew

bil-faks: 3222964335

Il-Kummissjoni u l-proċedimenti ta’ ksur

L-ilmenti huma sors importanti ta' informazzjoni biex joħorġu każijiet possibbli ta' ksur iżda l-Kummissjoni mhix marbuta li tiftaħ il-proċedura formali ta' ksur, anki f'każijiet fejn ilment juri l-preżenza ta' ksur (fil-fatt il-Kummissjoni tgawdi setgħa diskrezzjonali fid-deċiżjoni dwar jekk u meta għandha tibda proċeduri ta' ksur). Barra minn hekk, jekk il-Kummissjoni ttella’ pajjiż tal-UE l-Qorti tal-Ġustizzja u tirbaħ il-każ, il-pajjiż tal-UE se jkollu jieħu l-azzjonijiet kollha biex jirrimedja l-ksur. Madankollu, dan ma jfissirx li l-persuni li jressqu lment jiġu direttament intitolati għal kumpens jew danni. Biex ifittxu kumpens, il-persuni li jilmentaw xorta jridu jieħdu l-każ tagħhom quddiem qorti nazzjonali fil-limitu taż-żmien stipulat fil-liġi nazzjonali.