Tilqim

Ħarsa ġenerali

It-tilqim hu l-għodda ewlenija għal prevenzjoni primarja tal-mard u wieħed mill-aktar miżuri tas-saħħa pubblika kosteffettivi disponibbli. L-immunizzazzjoni bit-tilqim hija l-aħjar difiża li għandna kontra mard serju, li jista’ jiġi evitat, u li xi drabi hu mard fatali u kontaġġjuż. Bis-saħħa tat-tilqim mifrux, il-ġidri nqered, l-Ewropa saret ħielsa mill-poljomjelite, u ħafna mard ieħor hu kważi eliminat.

L-isfidi attwali

Illum aktar minn 100 miljun tifel u tifla fid-dinja kollha huma mlaqqmin kull sena kontra mard bħad-difterite, it-tetnu, is-sogħla konvulsiva, it-tuberkulożi, il-poljo, il-ħosba u l-epatite B. Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), it-tilqim jipprevjeni madwar 2-3 miljun mewta kull sena fid-dinja kollha, u jnaqqas l-ispejjeż għat-trattament ta’ mard speċifiku, inklużi trattamenti antimikrobiċi (preskritti għal infezzjonijiet virali).

Minkejja r-rekord brillanti tat-tilqim, bosta pajjiżi tal-UE u pajjiżi ġirien bħalissa qed jiffaċċjaw inċidenzi bla preċedent ta’ mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim minħabba rati ta’ kopertura tat-tilqim insuffiċjenti. In-nuqqas tal-fiduċja pubblika fit-tilqim, id-differenzi ġeografiċi fl-aċċessibbiltà, u ż-żieda tad-diżinformazzjoni dwar it-tilqim huma kawża ta’ tħassib u sfida ewlenija għall-esperti tas-saħħa pubblika. L-iżgurar ta’ aċċess ekwu tat-tilqim għaċ-ċittadini kollha tal-UE, il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, u t-titjib tal-fiduċja fit-tilqim huma objettivi kondiviżi mill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-UE.

Hemm regoli stretti ħafna fl-Unjoni Ewropea għall-approvazzjoni ta’ kwalunkwe tilqima li titqiegħed fis-suq. L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) twettaq l-evalwazzjoni u s-superviżjoni tat-tilqim, hekk kif jiġu ddisinjati. Wara ttestjar komprensiv, il-Kummissjoni Ewropea mbagħad tkun tista’ toħroġ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq. Ladarba titqiegħed tilqima fis-suq, l-EMA tkompli tevalwa s-sikurezza tagħha u twettaq sorveljanza wara l-awtorizzazzjoni. Dawn il-passi kollha huma mfassla biex tiġi żgurata sikurezza massima. L-objettiv aħħari huwa s-saħħa u l-benessri tal-popolazzjoni.

It-tilqim fih antiġeni li jagħtu immunità kontra patoġeni speċifiċi, bħall-virus tal-influwenza. Madankollu, biex it-tilqim ikun effiċjenti, irid ikollu wkoll numru ta’ sustanzi oħra, inklużi stabilizzaturi, aġġuvanti u preservattivi.

L-istabilizzaturi huma meħtieġa biex tinżamm l-effettività tat-tilqim meta jkun maħżun. Min-naħa l-oħra, l-aġġuvanti huma komposti miżjuda mat-tilqim biex itejbu r-rispons immunitarju. Billi jistimulaw il-produzzjoni ta’ antikorpi kontra virus jew batterji, dawn jagħmlu t-tilqim aktar effiċjenti u effettiv fit-tul. Il-preservattivi huma t-tielet tip ta’ kompost li huwa essenzjali biex jiġi evitat li jitrabbew batterji jew fungi perikolużi, li hu vitali biex tiġi garantita s-sikurezza tat-tilqim. Il-komponenti kollha tat-tilqim imqiegħda fis-suq fl-Unjoni Ewropea jgħaddu minn skrutinju intensiv u abbażi ta’ diversi studji dawn jitqiesu sikuri fil-kuntest ta’ dak it-tilqim. Għal informazzjoni dwar is-sikurezza tat-tilqim, id-WHO toffri kors qasir online Informazzjoni Bażika dwar is-Sikurezza tat-Tilqim.

Azzjoni fil-livell tal-UE

Il-politika dwar it-tilqim hija kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali, iżda l-Kummissjoni Ewropea tgħin lill-pajjiżi tal-UE biex jikkoordinaw il-politiki u l-programmi tagħhom.

F’Diċembru 2018, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni tal-UE dwar mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim. L-inizjattiva għandha l-għan li tindirizza l-eżitazzjoni għat-tilqim, ittejjeb il-koordinazzjoni dwar l-akkwist tat-tilqim, tappoġġja r-riċerka u l-innovazzjoni, u ssaħħaħ il-kooperazzjoni tal-UE dwar mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim.

Il-pajjiżi tal-UE huma mħeġġa jiżviluppaw u jimplimentaw pjanijiet nazzjonali ta’ tilqim b’inizjattivi biex tittejjeb il-kopertura, u biex jintroduċu kontrolli ta’ rutina tal-istatus tat-tilqim.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tappoġġja lill-pajjiżi tal-UE jżommu jew iżidu r-rati tat-tilqim billi:

Azzjoni Konġunta dwar it-tilqim

Il-Kummissjoni Ewropea qed issaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-isforzi nazzjonali biex tiżdied il-kopertura tat-tilqim, inkluż permezz tal-Azzjoni Konġunta dwar it-Tilqim kofinanzjata mill-Programm tas-Saħħa (€3.55 miljun).

L-Azzjoni Konġunta li tnediet fl-2018 tindirizza l-eżitazzjoni għat-tilqim u tfittex li żżid il-kopertura tat-tilqim fl-UE. Hija koordinata mill-INSERM (Franza) u tinvolvi 20 pajjiż (fosthom 17-il pajjiż tal-UE u 3 pajjiżi mhux tal-UE). 

Hi taħdem ukoll lejn it-tisħiħ tal-kooperazzjoni ta’ gruppi konsultattivi nazzjonali ta’ immunizzazzjoni (NITAGs) bil-għan li jiżdiedu t-trasparenza u l-fiduċja fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet rigward l-introduzzjoni ta’ tilqim ġdid.

Koalizzajoni dwar it-Tilqim

Fir-rebbiegħa tal-2019 saret “Koalizzjoni għat-Tilqim”. Din tlaqqa’ lill-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa kif ukoll assoċjazzjonijiet tal-istudenti rilevanti fil-qasam. Il-Koalizzjoni se tappoġġja l-għoti ta’ informazzjoni preċiża lill-pubbliku, se tiġġieled kontra l-miti dwar it-tilqim, u se tiskambja l-aħjar prattiki dwar it-tilqim.

Informazzjoni relatata