Mur għall-kontenut ewlieni
Public Health

Ħarsa ġenerali

It-tilqim hu l-għodda ewlenija għal prevenzjoni primarja tal-mard u wieħed mill-aktar miżuri tas-saħħa pubblika kosteffettivi disponibbli. L-immunizzazzjoni bit-tilqim hi l-aħjar difiża li għandna kontra mard serju, li jista’ jiġi evitat, u li xi drabi hu mard fatali u kuntaġġjuż. Bis-saħħa tat-tilqim mifrux, il-ġidri nqered, l-Ewropa saret ħielsa mill-poljomjelite, u ħafna mard ieħor hu kważi eliminat.

Sfidi attwali

Illum aktar minn 100 miljun tifel u tifla fid-dinja kollha huma mlaqqmin kull sena kontra mard bħad-difterite, it-tetnu, is-sogħla konvulsiva, it-tuberkulożi, il-poljo, il-ħosba u l-epatite B. Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), it-tilqim jipprevjeni madwar 2-3 miljun mewta kull sena fid-dinja kollha, u jnaqqas l-ispejjeż għat-trattament ta’ mard speċifiku, inklużi trattamenti antimikrobiċi (preskritti għal infezzjonijiet virali).

Minkejja rekord brillanti, diversi pajjiżi tal-UE u dawk ġirien iffaċċjaw tifqigħat bla preċedent ta’ mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim minħabba rati insuffiċjenti ta’ kopertura tat-tilqim. In-nuqqas tal-fiduċja pubblika fit-tilqim, id-differenzi ġeografiċi fl-aċċessibbiltà, u ż-żieda tal-miżinformazzjoni u d-diżinformazzjoni dwar it-tilqim huma kawża ta’ tħassib u sfida ewlenija għall-esperti tas-saħħa pubblika. L-iżgurar ta’ aċċess ekwu tat-tilqim għaċ-ċittadini kollha tal-UE, il-ġlieda kontra l-miżinformazzjoni u d-diżinformazzjoni, u t-titjib tal-fiduċja fil-vaċċini huma objettivi kondiviżi mill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-UE.

Hemm regoli stretti ħafna fl-Unjoni Ewropea għall-approvazzjoni ta’ kwalunkwe vaċċin li jitqiegħed fis-suq. L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) twettaq l-evalwazzjoni u s-superviżjoni tal-vaċċini, hekk kif jiġu ddisinjati. Wara ttestjar komprensiv, il-Kummissjoni Ewropea mbagħad tkun tista’ toħroġ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq. Ladarba jitqiegħed vaċċin fis-suq, l-EMA tkompli tevalwa s-sikurezza tiegħu u twettaq sorveljanza wara l-awtorizzazzjoni. Dawn il-passi kollha huma mfasslin biex tiġi żgurata sikurezza massima. L-objettiv aħħari hu s-saħħa u l-benessri tal-popolazzjoni.

Il-komponenti kollha tal-vaċċini mqegħdin fis-suq fl-Unjoni Ewropea jgħaddu minn skrutinju intensiv u abbażi ta’ diversi studji dawn jitqiesu sikuri fil-kuntest ta’ dawk il-vaċċini.

Azzjoni fil-livell tal-UE

Il-politika dwar it-tilqim hi kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali, iżda l-Kummissjoni Ewropea tappoġġja lill-pajjiżi tal-UE biex jikkoordinaw il-politiki u l-programmi tagħhom.

F’Diċembru 2018, il-Ministri tas-Saħħa tal-UE adottaw Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar kooperazzjoni msaħħa kontra mard li jista’ jiġi evitat bil-vaċċini. L-azzjonijiet mitlubin minn din l-inizjattiva ta’ politika għandhom l-għan, pereżempju, li jikkoordinaw l-akkwist tal-vaċċini, jappoġġjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni u jindirizzaw l-eżitazzjoni għall-vaċċini, bl-għan ġenerali li jiżdied l-użu tat-tilqim fl-UE f’perspettiva tul il-ħajja.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tappoġġja lill-pajjiżi tal-UE fiż-żamma jew fiż-żieda tar-rati tat-tilqim billi:

Wieħed mill-għanijiet tal-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer hu li jelimina l-kanċer ċervikali billi jlaqqam liż-żgħażagħ kontra l-papillomavirus uman (HPV) li jikkawżah u li hu marbut ukoll mar-ras u mal-għonq, u mal-kanċer anali. B’mod speċifiku, il-Pjan jitlob li titlaqqam mill-anqas 90% tal-popolazzjoni fil-mira tal-bniet tal-UE u li tiżdied b’mod sinifikanti r-rata ta’ tilqim fost is-subien.

Fl-2023 il-Kummissjoni se tipproponi azzjonijiet biex jiżdied it-teħid tat-tilqim kontra l-virus tal-Epatite B u l-papillomaviruses umani. Dawn l-azzjonijiet se jinkludu tnaqqis tal-ostakli fiżiċi għat-tilqim, komunikazzjoni mmirata, u ġlieda kontra l-miżinformazzjoni u d-diżinformazzjoni.

Vaċċini sikuri kontra l-COVID-19 għall-Ewropej

Azzjoni Konġunta dwar it-Tilqim

Il-Kummissjoni Ewropea qed issaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-isforzi nazzjonali biex tiżdied il-kopertura tat-tilqim, inkluż permezz tal-Azzjoni Konġunta dwar it-Tilqim kofinanzjata mill-Programm tas-Saħħa (€3.55 miljun).

L-Azzjoni Konġunta dwar it-Tilqim, li tnediet fl-2018, tindirizza l-eżitazzjoni għall-vaċċini u tfittex li żżid il-kopertura tat-tilqim fl-UE. Hi kkoordinata mill-INSERM (Franza) u tinvolvi 20 pajjiż sħab (fosthom 17-il pajjiż tal-UE u 3 pajjiżi mhux tal-UE).

Hi taħdem ukoll lejn it-tisħiħ tal-kooperazzjoni ta’ gruppi konsultattivi nazzjonali ta’ immunizzazzjoni (NITAGs) bl-għan li jiżdiedu t-trasparenza u l-fiduċja fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet rigward l-introduzzjoni ta’ vaċċini ġodda.

Koalizzajoni għat-Tilqim

Fir-rebbiegħa tal-2019 ġiet stabbilita Koalizzjoni għat-Tilqim li tlaqqa’ flimkien l-assoċjazzjonijiet tal-professjonisti tas-saħħa u tal-istudenti Ewropej biex jippromwovu t-tilqim fil-ħidma tagħhom maċ-ċittadini u l-pari. Il-membri tal-Koalizzjoni għat-Tilqim huma impenjati li jagħtu informazzjoni preċiża lill-pubbliku, jiġġieldu kontra l-miti dwar it-tilqim u l-vaċċini, u jiskambjaw l-aħjar prattiki. Bħalissa hi kopreseduta minn tliet assoċjazzjonijiet ewlenin tal-professjonisti tas-saħħa Ewropej:

Il-Koalizzjoni ppubblikat manifest fid-9 ta’ Frar 2021 bi tliet raġunijiet ewlenin għala l-professjonisti tal-kura tas-saħħa kollha għandhom jitlaqqmu kontra l-COVID-19 meta jingħataw l-opportunità.

Fl-2021 huma ħarġu wkoll dikjarazzjoni b’appoġġ għall-kampanja annwali ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-influwenza, li tirrakkomanda li l-professjonisti tas-saħħa jitlaqqmu kontra l-influwenza, u dikjarazzjoni fl-2022 li tenfasizza l-importanza tat-tilqim ta’ rutina u tat-tfal.

Il-Koalizzjoni għat-Tilqim tiltaqa’ kull sena biex tiddiskuti l-attivitajiet tagħhom għall-promozzjoni tat-tilqim.

Informazzjoni relatata