Tilqim

Influwenza

It-tilqim għandu rwol vitali fil-protezzjoni tan-nies kontra l-influwenza. Fl-Unjoni Ewropea huwa stmat li t-tilqima kontra l-influwenza staġjonali waħedha tipprevjeni sa 37,000 mewta kull sena.

It-tilqima kontra l-influwenza hija rrakkomandata ħafna għall-gruppi li jinsabu f’riskju. Dawn jinkludu l-anzjani, in-nisa tqal u t-tfal u l-adulti b’sistemi immunitarji mdgħajfa jew b’kundizzjonijiet tas-saħħa kroniċi, li għandhom aktar ċans li jiżviluppaw forma severa tal-marda.

Tilqim staġjonali

Hekk kif il-virusijiet tal-influwenza staġjonali jevolvu kull sena, it-tilqim irid ikun riamministrat kull sena biex ikun żgurat li jibqa’ effettiv. Fl-2014, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jipprovdi analiżi interim tal-istat attwali ta’ implimentazzjoni dwar il-progress tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tilqim kontra l-influwenza staġjonali, iħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE biex jimpenjaw ruħhom biex 75% ta’ dawk fil-gruppi f’riskju jitlaqqmu kontra l-influwenza staġjonali kull sena.

Biex tiżgura li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għal tilqim sikur u effettiv, il-Kummissjoni taħdem ma’:

Tilqim kontra l-pandemiċi

Meta jkun hawn pandemija, il-Kummissjoni tgħin lill-pajjiżi tal-UE fil-koordinazzjoni tar-rispons tagħhom, inklużi miżuri marbuta mat-tilqim. Fl-2009 pereżempju, għenet fl-iżvilupp ta’ strateġiji nazzjonali ta’ tilqim kontra l-influwenza pandemika tal-H1N1 (jew l-“influwenza tal-ħnieżer”).

Fid-29 ta’ Marzu 2019, 15-il Stat Membru u l-Kummissjoni Ewropea ffirmaw kuntratti qafas mal-kumpanija Seqirus għall-produzzjoni u l-forniment ta’ tilqim kontra l-influwenza pandemika skont il-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt biex jinkisbu kontromiżuri mediċi. Dawn il-kuntratti primarjament jiggarantixxu l-aċċess taċ-ċittadini tal-UE għal tilqim kontra l-influwenza pandemika f’dawn l-Istati Membri, li jirrappreżentaw madwar nofs il-popolazzjoni tal-UE, fl-avveniment ta’ influwenza pandemika.

Informazzjoni addizzjonali:

Peress li l-iżvilupp ta’ tilqima tista’ sseħħ biss ladarba l-virus ikun ġie identifikat (li jista’ jieħu bosta xhur), il-Kummissjoni flimkien mal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), ħadet miżuri biex tħaffef il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni ladarba tkun dikjarata pandemija.

Il-Kummissjoni taħdem ukoll mal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra biex tinħoloq sistema effettiva għall-monitoraġġ ta’ reazzjonijiet avversi ladarba tkun qed tintuża tilqima.