Tabakk

Ambjenti bla tipjip

Skont stimi konservattivi, fl-2002 aktar minn 79 000 adult, inklużi 19 000 li ma jpejpux, mietu fl-UE-25 minħabba esponiment għat-tipjip tat-tabakk fid-dar (72 000) u fuq il-post tax-xogħol tagħhom (7 300).

Stħarriġ ta' Ewrobarometru (3MB) ta' Marzu 2009 sab li 84% taċ-ċittadini tal-UE favur li uffiċċji u postijiet tax-xogħol fuq ġewwa oħrajn ikunu bla tipjip, 79% favur restoranti bla tipjip, u 61% jappoġġjaw bars u pubs bla tipjip.

Nipproteġu liċ-ċittadini tal-UE minn tipjip passiv

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2009 saħħet il-leġiżlazzjoni kontra t-tipjip fi spazji pubbliċi, kif ukoll il-kooperazzjoni tal-UE dwar il-kontroll tat-tabakk.

Bħalissa hemm 17-il pajjiż tal-UE li għandhom fis-seħħ liġijiet komprensivi li jipprojbixxu t-tipjip. Fosthom l-Irlanda, ir-Renju Unit, il-Greċja, il-Bulgarija, Malta, Spanja u l-Ungerija għandhom l-aktar dispożizzjonijiet stretti dwar postijiet bla tipjip bi projbizzjoni sħiħa fuq it-tipjip f'postijiet pubbliċi magħluqin, fit-trasport pubbliku u fil-postijiet tax-xogħol, fejn jitħallew biss eċċezzjonijiet limitati.

Status dwar id-diversi regolamenti li jipprojbixxu t-tipjip fl-UE

Fi Frar 2013 il-Kummissjoni ppubblikat rapport li jiġbor fil-qosor l-istat tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ambjenti bla tipjip tal-2009. Ir-rapport isib li:

  • Il-pajjiżi kollha tal-UE adottaw miżuri biex jipproteġu liċ-ċittadini kontra l-esponiment għad-duħħan tat-tabakk, iżda l-miżuri nazzjonali jvarjaw b’mod konsiderevoli fil-firxa u fl-ambitu tagħhom
  • Il-leġiżlazzjoni kumplessa (jiġifieri leġiżlazzjoni b’eżenzjonijiet) tinstab li hi partikolarment diffiċli biex tiġi infurzata f’xi pajjiżi tal-UE, din toħloq problema għall-infurzar
  • Ir-rati ta’ esponiment attwali għaċ-ċittadini tal-UE naqsu minn 2009 għal 2012 (eż. għaċ-ċittadini li jżuru l-bars u l-pubs ir-rata ta’ esponiment naqset minn 46% għal 28% u għaċ-ċittadini li kienu qed iżuru r-ristoranti, din ir-rata naqset minn 31% għal 14%)
  • Il-Belġju, Spanja u l-Polonja huma eżempji ta' pajjiżi fejn l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni komprensiva wasslet fi żmien qasir għal tnaqqis tassew sinifikanti fir-rati ta' esponiment għat-tipjip tat-tabakk
  • L-effetti fuq is-saħħa tal-leġiżlazzjoni kontra t-tipjip huma immedjati u jinkludu tnaqqis fl-inċidenza tal-attakki tal-qalb u titjib fis-saħħa respiratorja, filwaqt li l-effett ekonomiku ta’ leġiżlazzjoni kontra t-tipjip hu pożittiv jew newtrali.

Ir-rati attwali ta’ esponiment għal ċittadini tal-UE li jżuru stabbilimenti tax-xorb jew tal-ikel huma vvalutati wkoll fil-kuntest tal-Ewrobarometru. Skont l-aħħar ċifri (2017) ir-rati attwali ta’ esponiment komplew niżlu għal 20% (bars u pubs) u sa 9% (ristoranti).

Ara r-rapport dwar diversi regolamenti kontra t-tipjip fl-UE bħala: 

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ambjenti bla tipjip ġiet adottata, bħala riżultat ta' konsultazzjoni u ta' proċess leġiżlattiv, fit-30 ta' Novembru 2009, hi tappella lill-pajjiżi tal-UE biex jaġixxu fi tliet direzzjonijiet:

  • Jadottaw u jimplimentaw liġijiet biex jipproteġu b’mod sħiħ iċ-ċittadini tagħhom mill-esponiment tat-tipjip tat-tabakk fil-bini pubbliku fil-magħluq, fil-postijiet tax-xogħol u fit-trasport pubbliku, fi żmien tliet snin mill-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni.
  • Isaħħu l-liġijiet kontra t-tipjip b'miżuri ta' sostenn, bħalma huma dawk li jipproteġu lit-tfal, li jinkuraġġixxu l-isforzi biex wieħed jieqaf juża t-tabakk u t-twissijiet bi stampi fuq pakketti tat-tabakk.
  • Isaħħu l-koperazzjoni fil-livell tal-UE billi jistabbilixxu network ta’ punti nazzjonali ta’ ffukar għall-kontroll tat-tabakk

Stqarrijiet għall-istampa

Dokumenti relatati