Tabakk

Projbizzjoni fuq ir-reklamar u l-isponsorizzazzjoni transfruntieri tat-tabakk

Ir-reklamar tat-tabakk iżid il-konsum b’diversi modi, l-aktar billi jħeġġeġ lit-tfal u ż-żgħażagħ biex jibdew ipejpu. Dan jistimula wkoll lil dawk li jpejpu biex iżidu l-konsum, inaqqas il-motivazzjoni ta’ dawk li jpejpu biex jieqfu, iħeġġeġ lil dawk li kienu jpejpu biex ikomplu u joħolqu ambjent fejn l-użu tat-tabakk jitqies bħala aċċettabbli. Fl-istess ħin, it-twissijiet dwar saħħithom huma mminati.

Ir-reklamar u l-isponsorizzazzjoni tat-tabakk huma ristretti fl-UE permezz ta’:

Id-Direttiva dwar ir-Reklamar tat-Tabakk (2003/33/KE) tistabbilixxi projbizzjoni fuq ir-reklamar u l-isponsorizzazzjoni transfruntieri tat-tabakk f'media minbarra t-televixin. Il-projbizzjoni tkopri l-media stampata, ir-radju, l-internet u l-isponsorizzazzjoni ta’ avvenimenti li jinvolvu diversi pajjiżi tal-UE, bħal-Logħob Olimpiku u tlielaq tal-Formula One. Id-distribuzzjoni b’xejn tat-tabakk hi pprojbita f’avvenimenti bħal dawn. Il-projbizzjoni tkopri r-reklamar u l-isponsorizzazzjoni bl-għan ta’ effett dirett jew indirett tal-promozzjoni ta’ prodott tat-tabakk.

Ir-reklamar u l-isponsorizzazzjoni tat-tabakk fuq it-televixin kienu pprojbiti fl-1989 bid-Direttiva Televiżjoni Mingħajr Fruntieri (89/552/KEE). Din id-Direttiva issa ħaditilha postha d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (2010/13/UE) adottata li testendi l-applikazzjoni ta' din il-projbizzjoni għall-forom kollha ta' komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi, inkluż it-tqegħid ta' prodotti.

Aktar informazzjoni dwar id-Direttiva tinsab hawn.

F'Mejju 2008, il-Kummissjoni ppubblikat Rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Reklamar tat-Tabakk.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2003/54/KE) dwar il-Prevenzjoni tat-Tipjip u dwar l-Inizjattivi biex jitjieb il-kontroll tat-tabakk tkopri forom oħra ta' promozzjoni tat-tabakk. Tirrakkomanda lill-pajjiżi tal-UE li jipprojbixxu l-użu ta’ ismijiet ta’ prodotti tat-tabakk fuq prodotti jew servizzi mhux tat-tabakk, b’mod speċifiku:

  • l-użu ta’ oġġetti promozzjonali u kampjuni tat-tabakk
  • l-użu u l-komunikazzjoni ta’ promozzjoni tal-bejgħ (jiġifieri, skont, rigal, primium jew opportunità biex tipparteċipa f’kompetizzjoni jew logħba promozzjonali)
  • l-użu ta’ billboards pubbliċitarji, posters u tekniki ta’ reklamar ta’ ġewwa jew ta’ barra oħrajn (jiġifieri reklamar tat-tabakk fuq id-distributuri awtomatiċi)
  • l-użu ta’ reklamar fiċ-ċinema u kwalunkwe forma oħra ta’ reklamar, sponsorizzazzjoni jew prattiki direttament jew indirettament indirizzati għall-promozzjoni tal-prodotti tat-tabakk

Fil-livell internazzjonali l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta' Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk tad-WHO (FCTC) jistabbilixxi l-obbligi tal-Partijiet biex jipprojbixxu jew jirrestrinġu r-reklamar, il-promozzjoni u l-isponsorizzazzjoni tat-tabakk. F’Lulju 2007 il-Konferenza tal-Partijiet taħt din il-Konvenzjoni ddeċidiet li tistabbilixxi grupp ta’ ħidma li l-kompitu tiegħu hu li jiżviluppa abbozz komprensiv ta’ linji gwida dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni. Barra minn hekk, il-grupp ta’ ħidma jippreżenta rakkomandazzjonijiet dwar elementi ewlenin ta’ protokoll dwar ir-reklamar, il-promozzjoni u l-isponsorizzazzjoni transfruntieri, li jkunu komplementari għal dawn il-linji gwida.

Aktar informazzjoni