Strateġija għas-Saħħa

Ħarsa ġenerali

Il-pajjiżi tal-UE għandhom ir-responsabbiltà primarja għall-organizzazzjoni u t-twassil tas-servizzi tas-saħħa u l-kura medika. Il-politika tas-saħħa tal-UE għalhekk isservi biex tikkomplementa l-politiki nazzjonali, biex tiżgura l-protezzjoni tas-saħħa fil-politiki kollha tal-UE u biex taħdem lejn Unjoni tas-Saħħa aktar b’saħħitha.

Il-politiki u l-azzjonijiet tal-UE fil-qasam tas-saħħa pubblika għandhom l-għan li

  • jipproteġu u jtejbu s-saħħa taċ-ċittadin tal-UE
  • jappoġġjaw il-modernizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tas-sistemi tas-saħħa u l-infrastruttura
  • itejbu r-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa tal-Ewropa
  • jgħammru lill-pajjiżi tal-UE biex jipprevjenu u jindirizzaw aħjar pandemiji futuri

Il-kwistjonijiet strateġiċi tas-saħħa huma diskussi mir-rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea fil-grupp ta' ħidma ta' livell għoli dwar is-saħħa pubblika. L-istituzzjonijiet tal-UE, il-pajjiżi, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u gruppi ta’ interess oħrajn jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE dwar is-saħħa u l-programmi ta’ ħidma annwali.

Ir-rwol tal-Kummissjoni Ewropea

Id-Direttorat għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari (DĠ SANTE) tal-Kummissjoni Ewropea jappoġġja l-isforzi tal-pajjiżi tal-UE biex jipproteġu u jtejbu s-saħħa taċ-ċittadini tagħhom u biex jiżguraw l-aċċessibilità, l-effettività u r-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa tagħhom. Dan isir permezz ta’ diversi mezzi, inkluż permezz ta’

  • proposti ta’ leġiżlazzjoni
  • għoti ta’ appoġġ finanzjarju
  • koordinazzjoni u ffaċilitar tal-iskambju tal-aħjar prattiki bejn il-pajjiżi tal-UE u l-esperti tas-saħħa
  • attivitajiet ta’ promozzjoni tas-saħħa

Il-Leġiżlazzjoni

L-UE tista' tadotta l-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea: L-Artikolu 168 (il-ħarsien tas-saħħa pubblika), l-Artikolu 114 (is-suq uniku) u l-Artikolu 153 (il-politika soċjali). Oqsma fejn l-UE adottat leġiżlazzjoni jinkludu

Il-Kunsill tal-UE jista’ jindirizza wkoll rakkomandazzjonijiet dwar is-saħħa pubblika lill-pajjiżi tal-UE.

L-investiment fis-saħħa

Il-programm L-UE għas-Saħħa jipprovdi finanzjament biex tittejjeb is-saħħa fl-Unjoni, jindirizza t-theddid transfruntier għas-saħħa, itejjeb id-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-prodotti mediċinali, l-apparati mediċi u l-prodotti rilevanti għall-kriżijiet u jżid ir-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa.

Programmi oħra tal-UE jinvestu wkoll fis-sistemi tal-kura tas-saħħa, ir-riċerka dwar is-saħħa, l-infrastruttura jew aspetti usa’ relatati mas-saħħa, b’mod partikolari

Il-prijoritajiet għall-2021-2027

L-Unjoni Ewropea tas-Saħħa se tiffoka fuq il-prijoritajiet tas-saħħa urġenti u dawk fit-tul, mir-rispons għall-kriżi tal-COVID-19 u r-reżiljenza għat-theddid transfruntier għas-saħħa, għall-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, l-Istrateġija Farmaċewtika għall-Ewropa u s-saħħa diġitali.

L-UE se tkompli ssegwi l-kooperazzjoni internazzjonali dwar it-theddid għas-saħħa globali u l-isfidi bħall-infezzjonijiet reżistenti għall-antimikrobiċi u t-tilqim.

Informazzjoni relatata