Ħarsa ġenerali
Il-pajjiżi tal-UE għandhom ir-responsabbiltà primarja għall-organizzazzjoni u t-twassil tas-servizzi tas-saħħa u l-kura medika. Il-politika tas-saħħa tal-UE għalhekk isservi biex tikkomplementa l-politiki nazzjonali, u biex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa fil-politiki kollha tal-UE.
Il-politiki u l-azzjonijiet tal-UE fil-qasam tas-saħħa pubblika għandhom l-għan li:
- Jipproteġu u jtejbu s-saħħa taċ-ċittadini tal-UE
- Jappoġġjaw l-immodernizzar tal-infrastruttura tas-saħħa
- Itejbu l-effiċjenza tas-sistemi tas-saħħa tal-Ewropa.
Il-kwistjonijiet strateġiċi tas-saħħa huma diskussi mir-rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea fil-grupp ta' ħidma ta' livell għoli dwar is-saħħa pubblika. L-istituzzjonijijiet tal-UE, il-pajjiżi, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u gruppi ta’ interess oħrajn jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE dwar is-saħħa.
Ir-Rwol tal-Kummissjoni Ewropea
Ir-rwol tal-Kummissjoni Ewropea hu li tappoġġja l-isforzi tal-pajjiżi tal-UE biex jipproteġu u jtejbu s-saħħa taċ-ċittadini tagħhom u biex tiżgura l-aċċessibilità, l-effettività u r-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa tagħhom. Dan isir permezz ta’ diversi mezzi, inkluż permezz ta’:
- Leġiżlazzjoni proposta
- Għoti ta’ sostenn finanzjarju
- Koordinazzjoni u ffaċilitar tal-iskambju tal-aħjar prattiki bejn il-pajjiżi tal-UE u l-esperti tas-saħħa
- Attivitajiet ta’ promozzjoni favur is-saħħa.
Il-Leġiżlazzjoni
L-UE tista' tadotta l-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea: L-Artikolu 168 (il-ħarsien tas-saħħa pubblika), l-Artikolu 114 (l-approssimazzjoni tal-liġijiet) u l-Artikolu 153 (il-politika soċjali). L-oqsma fejn l-UE adottat leġiżlazzjoni jinkludu:
- Id-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali
- Il-farmaċewtiċi u t-tagħmir mediku (il-farmakoviġilanza, il-mediċini ffalsifikati, il-provi kliniċi)
- It-theddid transkonfinali serju għas-saħħa
- It-tabakk
- L-organi, id-demm, it-tessuti u ċ-ċelloli.
Il-Kunsill tal-UE jista’ jindirizza wkoll rakkomandazzjonijiet dwar is-saħħa pubblika lill-pajjiżi tal-UE.
L-investiment fis-saħħa
Il-Kummissjoni tippromwovi l-investiment fis-saħħa bħala mod usa’ biex jinkiseb tkabbir ekonomiku intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Dan jieħu l-forma ta’:
- Il-promozzjoni ta’ sistemi tas-saħħa effettivi, aċċessibbli u reżiljenti
- L-investiment fis-saħħa permezz tal-prevenzjoni tal-mard u l-promozzjoni tas-saħħa
- It-trawwim tal-kopertura tas-saħħa bħala mod biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi u tiġi indirizzata l-esklużjoni soċjali.
L-istrumenti għall-kofinanzjament
- Il-Programm tas-Saħħa jipprovdi finanzjament għal proġetti dwar il-promozzjoni tas-saħħa, is-sigurtà tas-saħħa u l-informazzjoni dwar is-saħħa
- Il-programm tar-riċerka Orizzont 2020 jappoġġja proġetti f'oqsma bħall-bijoteknoloġija u t-teknoloġiji mediċi.
- Il-politika tal-koeżjoni tal-UE tappoġġja investimenti fis-saħħa fil-pajjiżi u r-reġjuni tal-UE.
- Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi
Il-prijoritajiet għall-2016-2019
L-azzjoni tal-UE fil-qasam tas-saħħa pubblika hija prinċipalment marbuta ma’ inċentivi u miżuri ta’ kooperazzjoni. Il-Kummissjoni Ewropea għandha rwol importanti ta’ appoġġ x’taqdi, bl-għoti ta’ gwida u għodod li jippromwovu l-kooperazzjoni u jgħinu s-sistemi nazzjonali joperaw b’mod aktar effettiv. L-azzjonijiet jiffukaw fuq l-isfidi li ġejjin:
- Il-kisba ta’ aktar kost-effettività
- Il-kompetittività flimkien mas-sikurezza
- L-indirizzar ta’ theddid globali emerġenti bħar-reżistenza għall-antimikrobiċi
- It-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza
- L-indirizzar tal-fatturi ta’ riskju tal-mard li ma jitteħidx
- Il-promozzjoni tat-tilqim.