L-UE fid-dinja

Ħarsa ġenerali

Fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi mhux tal-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali fil-qasam tas-saħħa pubblika, l-UE għandha l-għan li:

  • Trawwem saħħa tajba għal kulħadd fl-UE kollha u lil hinn mill-fruntieri tagħha
  • Tippromwovi prinċipji, standards u leġiżlazzjoni ta' kwalità għolja għas-saħħa pubblika
  • Iżżid l-għarfien dwar kwistjonijiet globali tas-saħħa, bħala parti mill-politika tas-saħħa pubblika globali tagħha
  • Tindirizza l-inugwaljanzi tas-saħħa bejn il-pajjiżi u r-reġjuni fl-UE.

Dawn l-għanijiet huma indirizzati permezz ta’ diversi politiki u l-kooperazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti.

Barra minn hekk, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) għandhom programmi internazzjonali attivi.

Il-kooperazzjoni ma' pajjiżi mhux tal-UE

L-UE tikkoopera dwar kwistjonijiet tas-saħħa ma’ pajjiżi barra l-UE biex tippromwovi saħħa tajba għal kulħadd u tappoġġja prinċipji, standards u leġiżlazzjoni ta’ kwalità għolja fil-qasam tas-saħħa pubblika.

Hija tikkoopera ma’:

  • Pajjiżi mhux tal-UE madwar id-dinja abbażi ta’ ftehimiet bilaterali
  • Pajjiżi li qed jitolbu biex isiru membri potenzjali ġodda tal-UE
  • Pajjiżi ġirien koperti mill-“Politika Ewropea tal-Viċinat”.

Il-kooperazzjoni bilaterali mal-pajjiżi mhux tal-UE madwar id-dinja

L-UE għandha ftehimiet ta’ sħubija u ta’ kooperazzjoni bilaterali ma’ ħafna pajjiżi madwar id-dinja. Dawn il-ftehimiet jistabbilixxu qafas ġenerali għall-kooperazzjoni fil-qasam tas-saħħa pubblika. Huma jipprovdu wkoll bażi għall-kooperazzjoni bilaterali bejn pajjiżi individwali tal-UE u pajjiżi mhux tal-UE.

Fejn tkun meħtieġa kooperazzjoni aktar teknika, il-Kummissjoni Ewropea (id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari) tista’ tidħol fi ftehimiet dwar setturi partikolari ma’ ministeri nazzjonali.

Il-membri potenzjali ġodda tal-UE

L-UE tagħti pariri lill-pajjiżi li jkunu qed japplikaw biex jissieħbu fl-UE (magħrufa bħala “pajjiżi kandidati”) u oħrajn li jistgħu japplikaw fil-futur dwar il-politika tas-saħħa tal-UE, u tivvaluta l-progress tagħhom lejn l-istandards u l-politiki tas-saħħa tal-UE. Il-“kapitoli” rilevanti tan-negozjati tas-sħubija huma:

  • Is-saħħa pubblika - il-kapitolu 28 dwar il-konsumatur u l-protezzjoni tas-saħħa
  • Il-farmaċewtiċi - il-kapitolu 1 dwar il-moviment ħieles tal-merkanzija.

Il-Kummissjoni tappoġġja u hi ta’ gwida għal dawn il-pajjiżi u timmonitorja l-progress tal-inkorporazzjoni tar-regoli tal-UE fil-leġiżlazzjoni proprja tagħhom.

Il-Mekkaniżmu ta’ Assistenza Teknika u Skambju ta’ Informazzjoni (TAIEX) u l-programmi ta’ ġemellaġġ mal-amministrazzjonijiet nazzjonali tal-UE, jgħinu lill-pajjiżi kkonċernati biex l-istandards tas-saħħa tagħhom ikunu f’konformità man-normi tal-UE u biex jistabbilixxu jew jiżviluppaw l-istituzzjonijiet u l-istrutturi amministrattivi li jeħtieġu.

Il-pajjiżi ġirien

Il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) hija l-politika barranija ewlenija tal-UE lejn 16 mill-ġirien tagħha.

Hija tibbaża ruħha fuq pjanijiet ta’ azzjoni bilaterali, miftiehma bejn l-UE u kull pajjiż sieħeb, li jistabbilixxu l-aġenda għal riforma matul 3 sa 5 snin u - skont il-prijoritajiet ta’ kull pajjiż - huma jistgħu jkopru pereżempju:

  • Ir-riforma tas-settur tas-saħħa u tas-saħħa pubblika, u d-djalogu tal-politika tas-saħħa
  • L-informazzjoni u t-tagħrif dwar is-saħħa
  • Il-ġlieda kontra l-mard li jittieħed u theddid ieħor għas-saħħa

L-appoġġ jinkludi pereżempju, programmi ta’ taħriġ bħall-Programm tal-Mediterran għat-Taħriġ fl-Epidemjoloġija tal-Intervent (MediPIET), u l-kooperazzjoni maċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC).

Il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib flimkien ma’ 3 pajjiżi Ewropej tal-Lvant li għandhom Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni mal-UE (l-Ukrajna, il-Moldova u l-Ġeorġia). Hija tgħinhom biex ir-regoli tagħhom dwar is-saħħa pubblika jkunu eqreb lejn dawk tal-UE u biex jintroduċu riformi ġenerali tas-saħħa pubblika.

Hemm ukoll strumenti finanzjarji li jappoġġjaw il-politika (it-TAIEX u l-programmi ta’ ġemellaġġ).