L-UE fid-dinja

Is-saħħa globali

Il-mard u l-kawża tiegħu ma jirrispettawx il-fruntieri nazzjonali, u l-kwistjonijiet globali ta’ saħħa ma jistgħux jiġu riżolti b’mod effettiv b’mandat Ewropew li jaġixxi waħdu. Il-pressjonijiet finanzjarji u relatati mal-forza tax-xogħol fuq is-sistemi tas-saħħa sabiex tingħata kura bi kwalità lill-popolazzjonijiet li qed jikbru fl-età jinsabu kullimkien, u jistgħu jiġu indirizzati b'kollaborazzjoni internazzjonali aħjar.

Aktar informazzjoni – L-UE fis-Saħħa Globali – taqsira 

In-Nazzjonijiet Uniti – il-kooperazzjoni fil-qasam tas-saħħa

L-UE stabbilixxiet relazzjoni soda man-Nazzjonijiet Uniti (NU) permezz tal-kooperazzjoni mill-qrib tagħha mas-Segretarjat tan-NU u l-aġenziji, il-fondi u l-programmi tan-NU. Il-kooperazzjoni tinkludi kemm is-saħħa globali kif ukoll kwistjonijiet marbuta direttament mas-saħħa, inklużi l-iżvilupp, id-drittijiet tal-bniedem, it-tibdil fil-klima, il-ġestjoni tal-kriżi, u l-għajnuna umanitarja. L-UE tappoġġja l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) bħala l-awtorità ewlenija dwar is-saħħa globali fis-sistema tan-NU.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha sehem attiv fid-diskussjonijiet dwar is-saħħa globali ġewwa l-Grupp ta’ 20 (G20), il-forum internazzjonali tal-gvernijiet u l-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-20 pajjiż l-aktar industrijalizzati u l-ekonomiji emerġenti, u l-Grupp ta’ 7 (G7) li jirrappreżentaw is-7 l-akbar ekonomiji avvanzati fid-dinja. Il-kwistjonijiet diskussi jinkludu:

L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli

Is-17-il-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs) li ntlaħaq qbil dwarhom fl-2015, jirrappreżentaw qafas globali għall-azzjoni sal-2030.

Filwaqt li ħafna mill-miri huma marbutin mas-saħħa, wieħed jiffoka fuq dan b’mod speċifiku. L-Għan 3 jimmira li “jiġu żgurati ħajjiet f’saħħithom u jiġi promoss il-benesseri għal kulħadd f’kull età.” Il-miri tiegħu jinkludu, pereżempju:

  • Il-mard infettiv bħall-HIV/AIDS, it-tuberkulożi, l-epatite
  • Il-mard li ma jitteħidx u s-saħħa mentali
  • L-abbuż mid-droga
  • Il-kontroll tat-tabakk
  • L-aċċess għat-tilqim u l-mediċini
  • Il-finanzjament tas-saħħa u kwistjonijiet tal-forza tax-xogħol tas-saħħa

Il-Kummissjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-UE għandhom responsabbiltà kondiviża biex jgħinu lejn il-ksib tal-SDGs. Ir-rispons tal-Kummissjoni għall-Aġenda 2030 dwar l-SDGs hi stabbilita f’Komunikazzjoni adottata fl-2016 bl-isem Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli akkumpanjata minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal. Din ir-reazzjoni tinkludi elementi bħall-integrazzjoni tal-SDGs fil-politiki u l-inizjattivi tal-UE, ir-rappurtar regolari dwar il-progress, il-kollaborazzjoni ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin u l-iżvilupp ta’ viżjoni fit-tul.

Is-sit web dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-UE jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar kif l-UE qed tgħin fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

Is-saħħa globai u l-governanza tal-UE

Il-politika tas-saħħa globali tal-UE, iddefinita fl-2010, tidentifika l-isfidi ewlenin u tistabbilixxi erba’ prinċipji ta’ gwida għal viżjoni, vuċi u azzjoni tal-UE aktar b’saħħithom. Politika tas-saħħa globali komprensiva timplika wkoll ħidma fi sħubija mal-organizzazzjonijiet u l-gruppi ta’ interess rilevanti l-oħra kollha, f’oqsma li jinkludu.

  • Il-kummerċ
  • Il-finanzjament
  • L-għajnuna għall-iżvilupp
  • Il-migrazzjoni
  • Is-sigurtà, it-tibdil fil-klima u l-azzjoni ambjentali
  • Ir-riċerka u l-innovazzjoni

L-UE tappoġġja kopertura tal-kura tas-saħħa li hi ġusta, universali u ta’ kwalità għolja u tippromwovi finanzjament effettiv u ġust ta’ riċerka li minnha tibbenefika s-saħħa ta’ kulħadd. Hi qed taħdem biex tiżgura li l-prodotti l-ġodda jkunu sikuri, effettivi, aċċessibbli u għall-but ta’ kulħadd.

Il-Forum tal-Politika dwar is-Saħħa Globali u l-Kummissjoni

Il-Kummissjoni torganizza Forum tal-Politika dwar is-Saħħa Globali li jlaqqa’ flimkien rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, NGOs u l-industrija bħala appoġġ għall-politika dwar is-saħħa globali tagħha. Dan għandu jgħin biex tissaħħaħ il-vuċi tal-UE fis-saħħa globali billi jiġi żgurat li l-politiki interni u esterni tas-saħħa jkunu konsistenti fir-rigward tal-kisba tal-miri globali tas-saħħa.

Il-Forum tal-Politika dwar is-Saħħa Globali ġie stabbilit b’segwitu għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Saħħa Globali tal-2010, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill li segwew. Id-dipartimenti ewlenin tal-Kummissjoni involuti huma d-Direttorat Ġenerali (DĠ) għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, id-DĠ għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp, kif ukoll id-DĠ għar-Riċerka u l-Innovazzjoni.