Skip to main content
Public Health

Il-Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa (HTA - Health Technology Assessment) tiġbor fil-qosor l-informazzjoni dwar kwistjonijiet mediċi, ekonomiċi, soċjali u etiċi relatati mal-użu ta’ teknoloġija tas-saħħa. Eżempji ta’ teknoloġiji tas-saħħa jinkludu prodotti mediċinali, tagħmir mediku għad-dijanjożi u t-trattament, metodi ta’ prevenzjoni.

Kif taħdem?

Meta l-korpi tal-HTA jintalbu jevalwaw teknoloġija tas-saħħa ġdida, huma jkollhom jivvalutaw jekk hi taħdimx aħjar, bl-istess mod tajjeb, jew agħar mill-alternattivi eżistenti. Għal dan, huma tipikament jeħtieġu jivvalutaw l-effett terapewtiku tal-mediċina, iżda wkoll l-effetti sekondarji potenzjali, l-influwenza fuq il-kwalità tal-ħajja u l-mezzi ta’ amministrazzjoni.

L-HTA tivvaluta wkoll aspetti oħrajn tal-użu tat-teknoloġija, pereżempju l-implikazzjonijiet tal-ispiża għall-pazjent u l-impatt tagħha fuq l-organizzazzjoni tas-sistemi tal-kura tas-saħħa fl-amministrazzjoni tat-trattament. Għalhekk hu proċess multidixxiplinarju li jeżamina l-kwistjonijiet mediċi, ekonomiċi, organizzazzjonali, soċjali u etiċi relatati mal-użu tat-teknoloġija tas-saħħa b’mod sistematiku.

Impatt fuq it-teħid ta’ deċiżjonijiet nazzjonali

L-għan ewlieni tal-HTA hu li tipprovdi lil dawk li jfasslu l-politika b’evidenza bbażata fuq l-informazzjoni, biex b’hekk ikunu jistgħu jifformulaw politiki tas-saħħa li huma sikuri, effettivi, iffukati fuq il-pazjenti u kosteffettivi. Hi użata wkoll mill-awtoritajiet nazzjonali bħala għajnuna għad-deċiżjonijiet li fuqhom it-teknoloġija għandha tkun rimburżata fil-livell nazzjonali.