Newsletter 205 - L-Istat tas-Saħħa fl-UE

Newsletter Saħħa-UE - Fokus

Kif inżommu liċ-ċittadini tagħna b’saħħithom – Il-Kummissjoni Ewropea tagħmel djanjosi tal-Istat tas-Saħħa fl-UE

Is-sistemi tas-saħħa tal-UE kif jistgħu jibqgħu adatti għall-iskop f’termini ta’ effettività, aċċessibbiltà u reżiljenza? Il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari Vytenis Andriukaitis iħares lejn xi sejbiet tal-Kummissjoni, abbażi ta’ tagħlimiet misluta matul iċ-ċiklu ta’ sentejn ta’ “L-Istat tas-Saħħa fl-UE”. Il-Kummissjoni għadha kif ippubblikat 28 Profil tas-Saħħa tal-Pajjiżi, flimkien ma’ Rapport li Jakkumpanja, li flimkien jipprovdu valutazzjoni fil-fond tas-sistemi tas-saħħa tal-pajjiżi tal-UE.

X’kien l-għan li jiġu kkompilati dawn ir-rapporti?

Ir-rapporti jiżvelaw sfidi komuni li jiffaċċjaw is-sistemi tas-saħħa tal-UE. Billi joffru data u għarfien komprensivi, dawn għandhom l-għan li jappoġġjaw lill-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa biex jindirizzaw dawn l-isfidi u biex jgħinuhom jagħmlu l-għażliet ta’ politika u ta’ investiment it-tajbin.

Kif tħejjew dawn ir-rapporti?

Il-Profili tas-Saħħa tal-Pajjiżi tħejjew f’kooperazzjoni mill-qrib mal-OECD u l-Osservatorju Ewropew għas-Sistemi u għall-Politiki tas-Saħħa. Ir-Rapport li Jakkumpanja tal-Kummissjoni jirrifletti objettivi ta’ politika kondiviżi mal-Istati Membri u jiżvela oqsma potenzjali fejn il-Kummissjoni tista’ tinkuraġġixxi tagħlim reċiproku u skambju tal-aħjar prattika.

X’kienu s-sejbiet ewlenin?

Hemm bżonn li naħsbu mill-ġdid il-mod kif nifhmu s-saħħa fit-tfassil tal-politika. L-Istati Membri jiffaċċjaw sfidi simili ħafna. Osservajna ħames punti wesgħin fejn qed iseħħ ċaqliq, li jirrikjedu li lkoll kemm aħna nsaħħu l-isforzi tagħna. Fil-qosor, dawn huma:

  • 1 Il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard
    Madwar 3% biss tal-baġits tas-saħħa qed jintefqu fuq il-prevenzjoni, iżda l-mard li ma jitteħidx, li ħafna drabi jista’ jiġi evitat, hu responsabbli għal 80% tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa. Investiment proattiv fil-promozzjoni ta’ stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa u l-indirizzar ta’ fatturi ta’ riskju ewlenin bħall-konsum tal-alkoħol, it-tipjip u l-inattività fiżika jistgħu jnaqqsu sew il-piż tal-mard li ma jitteħidx, isalva l-ħajjiet u anke l-flus.

  • 2 Kura primarja b'saħħitha
    Wieħed minn erba’ pazjenti jmorru dritt l-isptar meta jkollhom problema ta’ saħħa għaliex ma għandhomx aċċess għal kura primarja meta jkollhom bżonnha, u dan jitfa’ piż reali fuq l-isptarijiet. L-aċċessibbiltà għal kura primarja tajba għal kulħadd u l-integrazzjoni tal-promozzjoni u l-prevenzjoni fil-kura primarja jnaqqsu l-piż fuq il-kura akuta.

  • 3 Kura integrata
    Mhix xi ħaġa rari għall-pazjenti li jkollhom aktar minn problema waħda tas-saħħa, speċjalment meta jibdew jixjieħu. Ħafna drabi jkollhom jgħaddu minn labirint ta’ servizzi tas-saħħa biex ifittxu l-għajnuna, minflok ma jiksbu appoġġ u gwida permezz tal-kura integrata. Il-professjonisti tas-saħħa jeħtieġ li jaħdmu flimkien u l-infrastruttura jeħtieġ li tippermettilhom jagħmlu dan aktar faċilment.

  • 4 Forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa proattiva u ppjanar tajjeb
    Għandna bżonn forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa b’saħħitha biex ikollna sistemi tas-saħħa b'saħħithom. Biex insaħħu r-rwol tal-kura primarja, niffukaw aktar fuq il-prevenzjoni u l-promozzjoni u nintegraw is-servizzi tal-kura tas-saħħa lkoll għandna bżonn ta' ppjanar u tbassir proattiv biex il-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa tkun aktar reżiljenti għall-evoluzzjonijiet futuri.

  • 5 Data dwar is-saħħa ċċentrata fuq il-pazjenti
    Ftit li xejn nafu dwar ir-riżultati tal-pazjenti lil hinn mill-ħajja u l-mewt. Marda partikolari kif tfixkel l-attivitajiet ta’ kuljum ta’ xi ħadd? Trattament kif tejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ xi ħadd? Għandna bżonn ta’ aktar data dwar is-saħħa ċċentrata fuq il-pazjenti dwar esperjenzi u riżultati, u t-teknoloġiji l-ġodda jistgħu jgħinuna nagħmlu dan possibbli.

X'se jsir issa li l-ewwel ċiklu tal-Istat tas-Saħħa fl-UE qed joqrob lejn tmiemu?

L-Istati Membri issa għandhom l-opportunità, fuq bażi volontarja, li jieħdu l-“pass li jmiss” u jiltaqgħu mal-esperti li ħejjew dawn ir-rapporti. U għalkemm dan iċ-ċiklu spiċċa, għadu kif beda ieħor. Filwaqt li jinkitbu rapporti ġodda fuq is-sentejn li jmiss, nittamaw li dawn jirriflettu dejjem aktar l-avvanzi reali u nbiddlu l-mod kif naħsbu dwar is-saħħa, speċjalment f’oqsma ta’ politika oħrajn.