Is-saħħa u l-fondi strutturali

Il-fondi strutturali

Is-saħħa u l-impjegabilità taċ-ċittadini tal-UE jmorru id f’id mat-tkabbir ekonomiku u l-protezzjoni soċjali. L-investiment fis-saħħa huwa għalhekk kruċjali biex jiġu żgurati l-prosperità u l-benessri taċ-ċittadini tal-UE, u stabbiltà usa’ fl-UE 

Il-Politika ta' Koeżjoni tal-UE u s-saħħa

Il-Politika ta' Koeżjoni tal-UE għandha l-għan li tnaqqas l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali bejn ir-reġjuni fl-Ewropa – partikolarment permezz tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE). Rikonoxxut bħala valur importanti għall-iżvilupp reġjonali u l-kompetittività, is-settur tas-saħħa jirċievi l-FSIE għal investimenti permezz ta’:

  • Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali – li jiffinanzja l-infrastruttura u t-tagħmir tas-saħħa, is-saħħa elettronika, ir-riċerka u l-appoġġ għal intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju
  • Il-Fond Soċjali Ewropew – li jiffinanzja attivitajiet ta' saħħa relatati mat-tixjiħ attiv u b'saħħtu, il-promozzjoni tas-saħħa, l-indirizzar tal-inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa, l-appoġġ lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-amministrazzjoni pubblika.

Min jimmaniġġja l-FSIE?

Filwaqt li l-pajjiżi tal-UE jiddeċiedu, jiddefinixxu u jimplimentaw l-investimenti fis-settur tas-saħħa, il-Kummissjoni Ewropea taħdem magħhom biex iżidu l-kapaċitajiet tagħhom fl-immaniġġjar tal-fondi strutturali fis-settur tas-saħħa, u tħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki.

Il-modalitajiet tal-finanzjament u l-prijoritajiet tematiċi huma kkoordinati ma’ pajjiżi individwali tal-UE, li mbagħad huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-investimenti fuq livell nazzjonali. Il-benefiċjarji jinkludu l-korpi pubbliċi, l-organizzazzjonijiet fis-settur privat (speċjalment in-negozji ż-żgħar), l-universitajiet, l-NGOs u l-assoċjazzjonijiet.

Kif tista' tapplika għal finanzjament tal-FSIE?

  • Il-benefiċjarji potenzjali għandhom jikkonsultaw is-sejħiet għall-proposti ppubblikati mill-Awtorità(jiet) Maniġerjali nazzjonali rilevanti u japplikaw għandhom direttament.
  • Il-gwida tal-Kummissjoni Ewropea tipprovdi informazzjoni dwar il-kriterji u l-passi rilevanti.
  • Iċċekkja l-programmi tal-FSIE fil-pajjiż/fir-reġjun tiegħek biex tara jekk l-idea tal-proġett tiegħek taqbilx mal-oqsma ta’ prijorità.

Il-finanzjament fis-saħħa tal-FSIE 2014-2020

Il-fatturi ta’ suċċess komuni fl-użu effettiv tal-fondi strutturali għas-saħħa kienu definiti bħala parti minn proċess ta’ riflessjoni dwar is-sistemi tas-saħħa fl-2013.

L-immappjar dwar l-użu tal-FSIE fil-qasam tas-saħħa li rriżulta janalizza l-finanzjament ippjanat għall-2014-2020 u l-programmi operazzjonali ta’ pajjiżi individwali tal-UE. Is-Sett ta' Għodda Tekniċi u Maniġerjali jkopri l-istrumenti u l-mekkaniżmi, l-evalwazzjoni tal-investment, is-sejħiet għall-proposti, l-indikaturi, u l-kunċetti u l-mudelli ġodda fil-qasam tas-saħħa.

Il-proġetti tal-FSIE ilhom jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-politika tas-saħħa differenti, bħal:

  • It-titjib tal-aċċess għall-kura tas-saħħa
  • L-appoġġ għar-riforma ta’ proċessi lejn sistemi tas-saħħa effettivi u reżiljenti
  • L-użu ta’ soluzzjonijiet tas-saħħa diġitali/elettronika, b’mod partikolari relatati mas-Suq Uniku Diġitali u l-interoperabbiltà ta’ dawn is-soluzzjonijiet fi ħdan u bejn il-pajjiżi tal-UE
  • Ir-riċerka u l-innovazzjoni fis-saħħa u x-xjenzi tal-ħajja
  • It-tixjiħ attiv u f’saħħtu, is-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard
  • Il-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa (it-taħriġ, it-tagħlim tul il-ħajja, l-ippjanar tal-forza tax-xogħol, iż-żamma)

Sib eżempji ta’ proġetti tal-FSIE għas-saħħa skont il-Blokka Tematika.

Informazzjoni relatata