Mur għall-kontenut ewlieni
Public Health

Il-Programm l-UE għas-Saħħa 2021-2027 – viżjoni għal Unjoni Ewropea aktar b’saħħitha

Il-Programm l-UE għas-Saħħa ġie adottat bħala rispons għall-pandemija tal-COVID-19 u biex tissaħħaħ it-tħejjija għall-kriżijiet fl-UE. Il-pandemija enfasizzat il-fraġilità tas-sistemi tas-saħħa nazzjonali. Il-Programm l-UE għas-Saħħa se jagħti kontribut għall-isfidi tas-saħħa fit-tul billi jibni sistemi tas-saħħa aktar b’saħħithom, aktar reżiljenti u aktar aċċessibbli.

Is-saħħa hi investiment u, b’baġit ta’ €5.3 biljun matul il-perjodu 2021-27, il-Programm l-UE għas-Saħħa hu appoġġ finanzjarju tal-UE mingħajr paragun fil-qasam tas-saħħa. Il-Programm l-UE għas-Saħħa hu messaġġ ċar li s-saħħa pubblika hi prijorità għall-UE u hu wieħed mill-istrumenti ewlenin biex twitti t-triq għal Unjoni Ewropea tas-Saħħa.

Stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/522, il-Programm l-UE għas-Saħħa jġib valur miżjud tal-UE u jikkomplementa l-politiki tal-Istati Membri li jsegwu erba’ objettivi ġenerali li jirrappreżentaw l-ambizzjonijiet tal-programm u għaxar objettivi speċifiċi li jirrappreżentaw l-oqsma ta’ intervent:

  • Titjib u trawwim tas-saħħa
    • Il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard, b’mod partikolari l-kanċer
    • L-Inizjattivi u l-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tas-saħħa
  • Protezzjoni tan-nies
    • Il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għal theddid transfruntier għas-saħħa
    • Is-supplimentazzjoni tal-ħażniet nazzjonali ta’ prodotti essenzjali rilevanti għall-kriżijiet
    • Il-ħolqien ta’ riżerva ta’ staff mediku, tal-kura tas-saħħa u ta’ appoġġ
  • Aċċess għal prodotti mediċinali, apparat mediku u prodotti rilevanti għall-kriżijiet
    • L-iżgurar li dawn il-prodotti jkunu aċċessibbli, disponibbli u affordabbli
  • Insaħħu s-sistemi tas-saħħa
    • It-tisħiħ tad-data dwar is-saħħa, l-għodod u s-servizzi diġitali, it-trasformazzjoni diġitali tal-kura tas-saħħa
    • It-titjib tal-aċċess għall-kura tas-saħħa
    • L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-saħħa u t-teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażat fuq l-evidenza
    • Il-ħidma integrata fost is-sistemi nazzjonali tas-saħħa

Objettivi tal-Programm l-UE għas-Saħħa

Il-Programm l-UE għas-Saħħa u l-Unjoni Ewropea tas-Saħħa

Il-Programm l-UE għas-Saħħa se jwitti t-triq għal Unjoni tas-Saħħa Ewropea billi jinvesti fi prijoritajiet urġenti tas-saħħa:

Oqsma oħrajn, bħad-diġitalizzazzjoni tas-sistemi tas-saħħa, it-tnaqqis tan-numru ta’ infezzjonijiet reżistenti għall-antimikrobiċi u t-titjib tar-rati ta’ vaċċinazzjoni se jingħataw spinta wkoll.

L-UE se tespandi inizjattivi ta’ suċċess bħan-Networks Ewropej ta’ Referenza għal mard rari u tkompli ssegwi l-kooperazzjoni internazzjonali dwar theddid u sfidi globali għas-saħħa.

Programmi ta’ ħidma

Il-programm l-UE għas-Saħħa hu implimentat minn Programmi ta’ Ħidma annwali li jappoġġjaw firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet li huma miġburin taħt erba’ “fergħat” ġenerali b’enfasi trasversali fuq il-kanċer.

  • It-tħejjija għall-kriżi
  • Il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard
  • Is-sistemi tas-saħħa u l-forza tax-xogħol tal-kura tas-saħħa
  • Id-diġitali

Il-programm jipprovdi finanzjament lil entitajiet eliġibbli, organizzazzjonijiet tas-saħħa u NGOs minn pajjiżi tal-UE, jew pajjiżi mhux tal-UE assoċjati mal-programm.

Atturi involuti

Saret konsultazzjoni mmirata mal-partijiet ikkonċernati mis-16/5/2022 sas-27/6/2022.  Fit-08/07/2022 ġie organizzat avveniment għall-partijiet ikkonċernati. B’riżultat ta’ dan ġew prodotti d-dokumenti li ġejjin:

Ħafna atturi huma meħtieġa biex il-Programm l-UE għas-Saħħa jsir realtà:

  • Il-pajjiżi tal-UE jiġu kkonsultati dwar il-prijoritajiet u l-orjentazzjonijiet strateġiċi tal-programm u jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni fil-“Grupp ta’ Tmexxija tal-Programm l-UE għas-Saħħa” biex jiżguraw il-konsistenza u l-komplementarjetà mal-politiki nazzjonali tas-saħħa. Huma jipprovdu l-opinjoni tagħhom fil-Kumitat tal-programm l-UE għas-Saħħa qabel l-adozzjoni tal-programmi ta’ ħidma annwali.
  • Il-pajjiżi terzi assoċjati mal-programm EU4Health jipparteċipaw fil-proċess ta’ konsultazzjoni u josservaw il-ħidma tal-Grupp ta’ Tmexxija tal-EU4Health u tal-Kumitat tal-Programm. Huma jibbenefikaw mill-finanzjament bħal kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE.
  • Il-partijiet ikkonċernati, inklużi r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-assoċjazzjonijiet tal-pazjenti, l-akkademiċi u l-organizzazzjonijiet tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa, jipprovdu kontribut dwar il-prijoritajiet u l-orjentazzjonijiet strateġiċi u dwar il-ħtiġijiet li jridu jiġu indirizzati permezz tal-programm ta’ ħidma annwali.
  • Il-Parlament Ewropew hu infurmat dwar il-progress tal-ħidma preparatorja u l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.
  • Il-Kummissjoni Ewropea tħejji, tadotta u timplimenta l-programmi ta’ ħidma annwali, u timmonitorja u tirrapporta dwar il-progress fir-rigward tal-ilħuq tal-objettivi tal-programm. Hi tista' tfittex l-opinjonijiet ta' aġenziji deċentralizzati rilevanti u ta' esperti indipendenti fil-qasam tas-saħħa dwar kwistjonijiet tekniċi jew xjentifiċi ta' rilevanza għall-implimentazzjoni tal-programm.
  • L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għas-Saħħa u għall-Qasam Diġitali (HaDEA) timplimenta l-programm.

Pajjiżi mhux membri tal-UE assoċjati

In-Norveġja, l-Iżlanda, l-Ukrajna u l-Moldova huma assoċjati mal-Programm EU4Health.

L-assoċjazzjoni u l-parteċipazzjoni tan-Norveġja u l-Iżlanda (pajjiżi tal-EFTA) fil-Programm EU4Health huma rregolati mill-Protokoll 31 dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3).

Il-Kummissjoni Ewropea ffirmat ftehim ta’ assoċjazzjoni mal-awtoritajiet Ukreni u Moldovani li se jiftaħ l-aċċess għall-finanzjament tal-UE għall-Ukrajna.

Finanzjament u Offerti

L-opportunitajiet ta’ finanzjament taħt il-Programm l-UE għas-Saħħa jiġu ppubblikati mill-​Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għas-Saħħa u għall-Qasam Diġitali (HaDEA). Jekk jogħġbok żur ta’ spiss il-paġni tal-HaDEA dwar sejħiet għal proposti u sejħiet għal offerti.

Sinerġiji u komplementarjetà ma’ fondi oħrajn

L-isfidi tas-saħħa huma ta’ natura trasversali. Il-Programm l-UE għas-Saħħa jaħdem flimkien ma’ programmi, politiki, strumenti u azzjonijiet oħrajn tal-Unjoni:

Aktar informazzjoni

Programmi tas-Saħħa preċedenti

Mill-2003, il-programmi tas-saħħa tal-UE ġġeneraw għarfien u evidenza bħala bażi għat-tfassil infurmat tal-politika u għal aktar riċerka. Dan jinkludi l-aħjar prattiki, għodod, u metodoloġiji li huma ta’ benefiċċju kemm lill-komunità tas-saħħa pubblika kif ukoll liċ-ċittadini direttament (eż. it-titjib tat-testijiet dijanjostiċi, l-appoġġ lill-pajjiżi tal-UE fl-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali dwar il-kanċer, it-titjib tal-kura tal-pazjenti).