Is-saħħa u l-fondi strutturali

Il-pjan ta’ investiment

Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa għandu l-għan li jsaħħaħ il-kompetittività u jippromwovi l-investiment fl-UE, biex jikkontribwixxi għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli.

Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS)

Is-sinsla tal-Pjan ta’ Investiment huwa l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Grupp tal-BEI, li jipprovdi garanzija finanzjarja bil-valur ta’ €315-il biljun għal investimenti fuq perjodu ta’ tliet snin, b’estensjoni sa €500 biljun sal-2020.

Fir-Regolament dwar il-FEIS, soluzzjonijiet ġodda fis-setturi tas-saħħa, il-mediċini, u l-infrastruttura soċjali huma kkunsidrati bħala oqsma ta’ prijorità għall-investiment. B’investiment f’dawn l-oqsma, is-settur tas-saħħa tal-Ewropa qed jikkontribwixxi għall-isforz tal-Pjan lejn it-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-kompetittività.

L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Investiment

Il-proposti għal investiment fis-settur tas-saħħa għandhom jiġu indirizzati lill-BEI. L-applikazzjonijiet jiġu vvalutati b’mod konġunt bejn il-BEI u l-Kumitat tal-Investiment tal-FEIS.

Il-pilastri l-oħra tal-Pjan ta’ Investiment huma miżuri regolatorji biex jitnaqqsu l-ostakoli għall-investiment u inizjattivi mmirati biex jiffaċilitaw l-investiment:

  • Iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investiment (EIAH) - L-EIAH, li hu inizjattiva konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment, jappoġġja l-investituri u l-promoturi fl-iżvilupp tal-proġetti, il-bini tal-kapaċità, u l-pariri finanzjarji.
  • Il-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment (PEPI) - Il-PEPI huwa portal ġdid li jippermetti lill-promoturi pubbliċi u privati bbażati fl-UE biex juru l-proġetti ta’ investiment tagħhom u jilħqu investituri potenzjali madwar id-dinja.