Is-saħħa u l-fondi strutturali

L-UE għas-Saħħa 2021-2027 – viżjoni għal Unjoni Ewropea aktar b’saħħitha

L-UE għas-Saħħa hu r-rispons tal-UE għaIl-COVID-19 li kellha impatt kbir fuq l-istaff mediku u tal-kura tas-saħħa, il-pazjenti u s-sistemi tas-saħħa fl-Ewropa. B’investiment ta’ €9.4 biljun, li allura jagħmilha l-akbar programm tas-saħħa f’termini monetarji, l-UE għas-Saħħa se jipprovdi finanzjament lill-pajjiżi tal-UE, lill-organizzazzjonijiet tas-saħħa u lill-NGOs. Il-finanzjament se jkun miftuħ għall-applikazzjonijiet fl-2021.

Oqsma ta' azzjoni

L-UE għas-Saħħa se:

  • jagħti spinta lit-tħejjija tal-UE għal theddid transkonfinali serju għas-saħħa billi joħloq
    • riżervi ta’ provvisti mediċi għall-kriżijiet
    • riżerva ta’ staff tal-kura tas-saħħa u ta’ esperti li jistgħu jiġu mobilizzati biex jirrispondu għall-kriżijiet fl-UE kollha
    • sorveljanza akbar tat-theddid għas-saħħa
  • isaħħaħ is-sistemi tas-saħħa sabiex ikunu jistgħu jiffaċċjaw l-epidemiji kif ukoll l-isfidi fit-tul billi jiġu stimulati
  • jagħmel il-mediċini u l-apparat mediku disponibbli u affordabbli, jippromwovi l-użu prudenti u effiċjenti tal-antimikrobiċi kif ukoll jippromwovi l-innovazzjoni medika u farmaċewtika u manifattura aktar ekoloġika.

Il-prijoritajiet tas-saħħa tal-Kummissjoni

Il-ħidma tagħna fuq prijoritajiet tas-saħħa urġenti bħall-ġlieda kontra  l-kanċer, it-tnaqqis tal-għadd ta’  infezzjonijiet reżistenti għall-antimikrobiċi u t-titjib tar-rati ta’  tilqim se tingħata spinta wkoll.

L-UE se tespandi inizjattivi ta’ suċċess bħan-Networks Ewropej ta’ Referenza għal mard rari u tkompli ssegwi l-kooperazzjoni internazzjonali dwar theddid u sfidi globali għas-saħħa.

Aktar finanzjament għall-politiki tas-saħħa

Programmi oħra tal-UE se jipprovdu investimenti addizzjonali fis-settur tas-saħħa biex jikkomplementaw l-UE għas-Saħħah:

  • Il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) biex jiġu appoġġjati l-gruppi vulnerabbli fl-aċċess għall-kura tas-saħħa
  • Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali biex tittejjeb l-infrastruttura tas-saħħa reġjonali
  • Orizzont Ewropa għar-riċerka dwar is-saħħa
  • Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili/rescEU biex jinħolqu riżervi għal provvisti mediċi ta’ emerġenza
  • L-Ewropa Diġitali u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa biex tinħoloq l-infrastruttura diġitali meħtieġa għall-għodod tas-saħħa diġitali

Aktar informazzjoni