Il-Programm l-UE għas-Saħħa hu r-rispons ambizzjuż tal-UE għall-COVID-19. Il-pandemija kellha impatt kbir fuq il-pazjenti, l-istaff mediku u tal-kura tas-saħħa, il-pazjenti u s-sistemi tas-saħħa fl-Ewropa. Il-Programm il-ġdid l-UE għas-Saħħa se jmur lil hinn mir-rispons għall-kriżijiet biex jindirizza r-reżiljenza tas-sistemi tal-kura tas-saħħa.
Il-Programm l-UE għas-Saħħa, stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/522, se jipprovdi finanzjament lil entitajiet eliġibbli, organizzazzjonijiet tas-saħħa u NGOs minn pajjiżi tal-UE, jew pajjiżi mhux tal-UE assoċjati mal-programm.
Oqsma ta' azzjoni
Bil-programm l-UE għas-Saħħa, l-UE se tinvesti €5.3 biljun fil-prezzijiet attwali f’azzjonijiet b’valur miżjud tal-UE, li jikkumplementaw il-politiki tal-pajjiżi tal-UE u jsegwu wieħed jew aktar mill-objettivi tal-programm l-UE għas-Saħħa:

L-10 objettivi speċifiċi skont l-4 għanijiet ġenerali huma:
- Biex tittejjeb u titrawwem is-saħħa fl-Unjoni
- il-prevenzjoni tal-mard u l-promozzjoni tas-saħħa
- l-inizjattivi u l-kooperazzjoni internazzjonali tas-saħħa
- Biex jiġi indirizzat it-theddid transfruntier għas-saħħa
- il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għal theddid transfruntier għas-saħħa
- l-ikkomplementar tal-ħażniet nazzjonali ta’ prodotti essenzjali rilevanti għall-kriżijiet
- l-istabbiliment ta’ riżerva ta’ staff mediku, tal-kura tas-saħħa u ta’ appoġġ
- Biex jitjiebu l-prodotti mediċinali, l-apparati mediċi u l-prodotti rilevanti għall-kriżijiet
- il-prodotti mediċinali, l-apparat mediku u l-prodotti rilevanti għall-kriżijiet isiru disponibbli u affordabbli
- Biex jissaħħu s-sistemi tas-saħħa, ir-reżiljenza u l-effiċjenza tagħhom fir-riżorsi.
- it-tisħiħ tad-data dwar is-saħħa, l-għodod u s-servizzi diġitali, it-trasformazzjoni diġitali tal-kura tas-saħħa
- it-titjib tal-aċċess għall-kura tas-saħħa
- l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-saħħa u t-teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażat fuq l-evidenza
- il-ħidma integrata fost is-sistemi nazzjonali tas-saħħa
Il-programm l-UE għas-Saħħa se jwitti t-triq għal Unjoni tas-Saħħa Ewropea billi jinvesti fi prijoritajiet urġenti tas-saħħa:
- ir-rispons għall-kriżi tal-COVID-19 u t-tisħiħ tar-reżiljenza tal-UE għal theddid transfruntier għas-saħħa
- il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, u
- l-Istrateġija Farmaċewtika għall-Ewropa
Oqsma oħrajn, bħad-diġitalizzazzjoni tas-sistemi tas-saħħa, it-tnaqqis tan-numru ta’ infezzjonijiet reżistenti għall-antimikrobiċi u t-titjib tar-rati ta’ tilqim se jingħataw spinta wkoll.
L-UE se tespandi inizjattivi ta’ suċċess bħan-Networks Ewropej ta’ Referenza għal mard rari u tkompli ssegwi l-kooperazzjoni internazzjonali dwar theddid u sfidi globali għas-saħħa.
Atturi involuti
Ħafna atturi huma meħtieġa biex il-Programm l-UE għas-Saħħa jsir realtà:
- Il-pajjiżi tal-UE jiġu kkonsultati dwar il-prijoritajiet u l-orjentazzjonijiet strateġiċi tal-programm u jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni fil-“Grupp ta’ Tmexxija tal-Programm l-UE għas-Saħħa” biex jiżguraw il-konsistenza u l-komplementarjetà mal-politiki nazzjonali tas-saħħa. Huma jipprovdu l-opinjoni tagħhom fil-Kumitat tal-programm l-UE għas-Saħħa qabel l-adozzjoni tal-programmi ta’ ħidma annwali.
- Il-partijiet ikkonċernati, inklużi r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-assoċjazzjonijiet tal-pazjenti, l-akkademiċi u l-organizzazzjonijiet tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa, jipprovdu kontribut dwar il-prijoritajiet u l-orjentazzjonijiet strateġiċi u dwar il-ħtiġijiet li jridu jiġu indirizzati permezz tal-programm ta’ ħidma annwali.
- Il-Parlament Ewropew hu infurmat dwar il-progress tal-ħidma preparatorja u l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.
- Il-Kummissjoni Ewropea tħejji, tadotta u timplimenta l-programmi ta’ ħidma annwali, u timmonitorja u tirrapporta dwar il-progress fir-rigward tal-ilħuq tal-objettivi tal-programm. Hi tista' tfittex l-opinjonijiet ta' aġenziji deċentralizzati rilevanti u ta' esperti indipendenti fil-qasam tas-saħħa dwar kwistjonijiet tekniċi jew xjentifiċi ta' rilevanza għall-implimentazzjoni tal-programm.
- L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għas-Saħħa u għall-Qasam Diġitali (HaDEA) se timplimenta l-programm.
Programm ta' ħidma
Il-Programm l-UE għas-Saħħa hu implimentat permezz ta’ programmi ta’ ħidma annwali. Il-programm ta’ ħidma 2022 ġie adottat. L-azzjonijiet se jaqgħu taħt erba’ oqsma: il-prevenzjoni tal-mard, it-tħejjija għall-kriżijiet, is-sistemi tas-saħħa, u l-qasam diġitali, b’enfasi trasversali fuq il-kanċer.
Finanzjament u Offerti
L-opportunitajiet ta’ finanzjament taħt il-Programm l-UE għas-Saħħa jiġu ppubblikati mill-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għas-Saħħa u għall-Qasam Diġitali (HaDEA). Jekk jogħġbok żur ta’ spiss il-paġni tal-HaDEA dwar sejħiet għal proposti u sejħiet għal offerti.
Sinerġiji u komplementarjetà ma’ fondi oħrajn
L-isfidi tas-saħħa huma ta’ natura trasversali. Il-Programm l-UE għas-Saħħa jaħdem flimkien ma’ programmi, politiki, strumenti u azzjonijiet oħrajn tal-Unjoni:
- Il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) biex jiġu appoġġjati l-gruppi vulnerabbli fl-aċċess għall-kura tas-saħħa
- Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali biex tittejjeb l-infrastruttura tas-saħħa reġjonali
- Orizzont Ewropa għar-riċerka dwar is-saħħa
- Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili/rescEU biex jinħolqu riżervi għal provvisti mediċi ta’ emerġenza
- L-Ewropa Diġitali u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa biex tinħoloq l-infrastruttura diġitali meħtieġa għall-għodod tas-saħħa diġitali
- Il-Programm InvestEU
- Il-Programm tas-Suq Uniku
- Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza
- Erasmus+
- L-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza
Aktar informazzjoni
- Regolament (UE) 2021/522 li jistabbilixxi Programm għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (il-“Programm l-UE għas-Saħħa”) għall-perjodu 2021-2027
- Stqarrija għall-istampa: Il-Kummissjoni sodisfatta bid-dħul fis-seħħ tal-programm l-UE għas-Saħħa
- Mistoqsijiet u Tweġibiet: Il-Programm l-UE għas-Saħħa 2021-2027
- Stqarrija għall-istampa: Il-Kummissjoni sodisfatta bil-ftehim politiku dwar l-UE għas-Saħħa
- Proposta tal-programm l-UE għas-Saħħa (u l-annessi)
- MEMO tal-programm l-UE għas-Saħħa
- Skeda informattiva dwar l-UE għas-Saħħa
- Pjan ta’ rkupru għall-Ewropa
- Komunikazzjoni dwar il-QFP 2021-2027
Programmi tas-Saħħa preċedenti
Mill-2003, il-programmi tas-saħħa tal-UE ġġeneraw għarfien u evidenza bħala bażi għat-tfassil infurmat tal-politika u għal aktar riċerka. Dan jinkludi l-aħjar prattiki, għodod, u metodoloġiji li huma ta’ benefiċċju kemm lill-komunità tas-saħħa pubblika kif ukoll liċ-ċittadini direttament (eż. it-titjib tat-testijiet dijanjostiċi, l-appoġġ lill-pajjiżi tal-UE fl-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali dwar il-kanċer, it-titjib tal-kura tal-pazjenti).