Newsletter 252 - Il-Programm l-UE għas-Saħħa

Newsletter Saħħa-UE 252 - Fokus

Il-Programm l-UE għas-Saħħa – politika tas-saħħa aktar b’saħħitha b’baġit akbar

Anne Bucher, Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, titkellem dwar il-Programm ġdid ambizzjuż l-UE għas-Saħħa, programm ta’ finanzjament iddedikat b’baġit propost ta’ €9.4 biljun għat-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa u għat-tħejjija għal kriżijiet futuri tas-saħħa fl-UE.

X’hemm ġdid dwar il-progarmm l-UE għas-Saħħa?

Il-Programm l-UE għas-Saħħa huwa l-proposta tal-Kummissjoni għal programm tas-saħħa indipendenti ambizzjuż għall-2021-2027. Hu tweġiba komprensiva għad-domanda politika biex issir riflessjoni fuq it-tagħlimiet meħuda kemm mill-kriżi tal-Covid-19 kif ukoll minn programmi tas-saħħa preċedenti.

Il-Kummissjoni tipproponi li talloka baġit ta’ €9.4 biljun għall-programm l-UE għas-Saħħa, li huwa żieda sinifikanti ħafna fl-infiq previst bħalissa għall-programm tas-saħħa tal-UE 2021-2027 (€413-il miljun). Id-daqs u l-ambizzjoni tal-programm jibagħtu sinjal ċar li aħna serji dwar il-politika tal-UE dwar is-saħħa. Sabiex jinkiseb l-akbar impatt se noħolqu sinerġiji bejn il-programm l-UE għas-Saħħa u programmi u fondi oħra tal-UE li għandhom għanijiet komuni.

Il-programm l-UE għas-Saħħa se jagħti spinta lit-tħejjija tal-UE għat-theddid transkonfinali tas-saħħa ewlieni u se jtejjeb ir-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa, biex tkun tista’ tiffaċċja epidemiji futuri kif ukoll sfidi fit-tul bħal popolazzjoni li qed tixjieħ u l-inugwaljanzi fl-istatus tas-saħħa.

X’inhuma l-prijoritajiet tal-Programm l-UE għas-Saħħa?

Il-kriżi li għaddejja bħalissa tal-COVID-19 uriet biċ-ċar il-ħtieġa għal aktar azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex jiġu appoġġjati l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri. Il-Programm l-UE għas-Saħħa se jgħaqqad it-tagħlimiet miksuba mill-COVID-19 u l-ħidma kontinwa fuq l-isfidi tas-saħħa fit-tul bħall-kanċer, it-tilqim jew il-farmaċewtiċi. Il-programm għandu tliet prijoritajiet ewlenin:

  • il-protezzjoni tan-nies fl-UE minn theddid transkonfinali serju għas-saħħa u t-titjib tal-kapaċità tal-immaniġġjar tal-kriżijiet;
  • id-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-mediċini, tal-apparat mediku u ta’ prodotti rilevanti oħra; kif ukoll
  • it-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa u tal-forza tax-xogħol tal-kura tas-saħħa, b’mod partikolari permezz tal-promozzjoni tas-saħħa u tal-prevenzjoni tal-mard.

Lil hinn mit-tħejjija u mir-rispons għall-kriżijiet, il-programm se jindirizza sfidi importanti fit-tul oħrajn bħall-inugwaljanzi fl-istatus tas-saħħa, id-distribuzzjoni inugwali tal-kura tas-saħħa jew il-mard li ma jitteħidx bħall-kanċer.

Il-Programm irid ikun dinamiku u flessibbli biex jadatta ruħu għall-isfidi emerġenti l-ġodda u biex jaqdi l-ħtiġijiet u l-prijoritajiet li qed jevolvu tal-UE u tal-Istati Membri. Il-Grupp ta’ Tmexxija dwar il-Promozzjoni tas-Saħħa, il-Prevenzjoni tal-Mard u l-Ġestjoni tal-Mard mhux Komunikabbli se jgħinna nistabbilixxu l-prijoritajiet it-tajba.

X’inhuma l-passi li jmiss?

Ladarba jsir id-dibattitu dwar il-proposta u tiġi adottata mill-Istati Membri u mill-Parlament Ewropew, l-intenzjoni hija li jibdew jittieħdu azzjonijiet speċifiċi fil-qafas tal-Programm l-UE għas-Saħħa mill-1 ta’ Jannar 2021. L-azzjonijiet dwar l-immaniġġjar tal-kriżijiet se jkunu fokus bikri.