EU Common Entry Gate (EU-CEG)

Gwida pass pass

Skont id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk (2014/40/UE), il-manifatturi u l-importaturi tal-prodotti tat-tabakk, is-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta' rikarika jridu jippreżentaw informazzjoni ewlenija lill-awtoritajiet tal-Istati Membri fejn qed jippjanaw li jippromwovu l-prodotti. L-għodda tal-IT li tipprovdi din l-informazzjoni tissejjaħ Punt tad-Dħul Komuni tal-UE (EU-CEG).


Kif tuża s-sistema tal-Punt tad-Dħul Komuni tal-UE (EU-CEG) biex tippreżenta informazzjoni lill-Istati Membri tal-UE dwar il-prodotti tat-tabakk, is-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika biex ikunu kompatibbli mad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk 2014/40/UE.


Jekk jogħġbok aqra din l-informazzjoni bir-reqqa qabel ma tibda.

1) Hemm bżonn nirreġistra għal “ID tal-preżentatur”?


Trid tirreġistra għal ID tal-preżentatur jekk:


  • inti manifattur jew importatur ta' prodotti tat-tabakk, sigaretti elettroniċi jew kontenituri ta’ rikarika.
    Se jkollok bżonn tuża l-ID tal-preżentatur kull darba li tippreżenta l-informazzjoni tal-prodott bl-użu tal-EU-CEG. Għandek ukoll tikkwotah f’kull korrispondenza dwar l-informazzjoni dwar il-prodott li tippreżenta.

M’GĦANDEKX bżonn ta’ ID tal-preżentatur jekk:


  • inti parti terza (eż. kumpanija jew konsulent li ġie mqabbad mill-manifattur/importatur) li qed tippreżenta informazzjoni f'isem manifattur/importatur.

Anki jekk ġejt mitlub tirreġistra għal ID tal-preżentatur f'isem manifattur jew importatur, trid timla' formola ta' reġistrazzjoni u tuża d-dettalji tal-kumpanija tal-manifattur jew importatur.



NOTA: ID tal-preżentatur ma tagħtikx aċċess għal xi informazzjoni jew elementi żejda fis-sistema tal-EU-CEG.

2) Kif tirreġistra għal ID tal-preżentatur


X'għandek tagħmel:


  1. Jekk ma għandekx wieħed, oħloq kont tal-EU Login (dak li qabel kien ECAS)
  2. Iddawnlowdja l-formola ta’ reġistrazzjoni - Biex tiddawnlowdja l-fajl, ikklikkja l-buttuna tal-lemin tal-mouse u agħżel “issejvja l-link bħala”.
  3. Imla l-formola
  4. Ippreżenta l-formola (segwi l-istruzzjonijiet fuq il-formola).


NOTA: Imla l-formola fid-dettall kemm tista’ (inklużi l-oqsma fakultattivi) u ehmeż kwalunkwe dokumenti uffiċjali (eż. reġistrazzjoni tal-kumpanija/ċertifikat ta’ inkorporazzjoni, kontijiet ta’ servizzi, dikjarazzjoni tat-taxxa).

Ladarba nirċievu l-formola kompluta tiegħek, nibdew il-proċess ta’ assenjazzjoni tan-numru tal-ID tiegħek.


Dan jista' jieħu diversi jiem, speċjalment waqt żmien fejn ikollna ħafna xogħol, allura nitolbuk tieħu ftit tal-paċenzja.


Qabel ma noħorġu l-ID tal-preżentatur tiegħek, jista’ jkun li jkollna nistaqsuk għal xi informazzjoni addizzjonali. Nirriżervaw ukoll id-dritt li nirrevokaw l-ID tal-preżentatur jekk ikun hemm bżonn.


3) Preżentazzjoni ta' informazzjoni dwar prodotti tat-tabakk


L-informazzjoni li għandek bżonn tippreżenta bl-użu tal-EU-CEG hija mniżżla hawnhekk:


L-artikolu 5 tad-Direttiva 2014/40/UE u d-deċiżjoni ta' implimentazzjoni dwar il-preżentazzjoni ta' informazzjoni dwar prodotti tat-tabakk.


Għandek tippreżenta din l-informazzjoni lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Membru qabel ma tqiegħed fis-suq xi prodotti ġodda jew modifikati.

Għal prodotti li kienu diġà fis-suq fl-20 ta' Mejju 2016, trid tippreżenta din l-informazzjoni sal-20 ta' Novembru 2016.

Ara d-dizzjunarju tad-data tal-prodotti tat-tabakk għal aktar dettalji dwar l-informazzjoni meħtieġa. Partijiet minn dan id-dizzjunarju japplikaw ukoll għal prodotti erbali għat-tipjip.


4) Preżentazzjoni ta' informazzjoni dwar sigaretti elettroniċi u kontenituri ta' rikarika


L-informazzjoni li għandek bżonn tippreżenta bl-użu tal-EU-CEG hija elenkata hawnhekk:


L-artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40/UE u d-deċiżjoni ta' implimentazzjoni dwar il-preżentazzjoni ta' informazzjoni dwar is-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta' rikarika.

Għandek tibgħat din l-informazzjoni lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Membru 6 xhur qabel ma tqiegħed fis-suq xi prodotti ġodda jew modifikati sostanzjalment.

Għal prodotti li kienu diġà fis-suq fl-20 ta' Mejju 2016, trid tippreżenta din l-informazzjoni sal-20 ta' Novembru 2016.

Ara d-dizzjunarju tad-data tas-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta' rikarika għal aktar dettalji dwar l-informazzjoni meħtieġa. Partijiet minn dan id-dizzjunarju japplikaw ukoll għal prodotti bla nikotina.


5) L-għażliet tekniċi għall-preżentazzjoni tad-data


Ladarba jkollok ID tal-preżentatur, għandek 2 għażliet kif tippreżenta l-informazzjoni dwar il-prodott lill-Istati Membri tal-UE permezz tal-EU-CEG:


  1. Soluzzjoni waħdanija (għal kumpaniji li għandhom infrastruttura tal-IT żgħira):
    Il-kumpaniji jużaw ġeneratur tal-XML biex joħolqu preżentazzjonijiet li jistgħu jiġu applowdjati fl-EU-CEG aktar tard.
  2. Soluzzjoni minn sistema għal oħra (għal kumpaniji li għandhom infrastruttura tal-IT kbira jew bosta prodotti):
    Biex tagħmel preżentazzjonijiet minn sistema għal oħra, teħtieġ aċċess għan-network e-Delivery. Dan in-network huwa ġestit mill-Kummissjoni biex jippermetti li l-informazzjoni tkun tista’ tiġi trasferita b’mod sigur u affidabbli. Malli tasal l-ID tal-preżentatur, id-dipartiment tal-IT tal-Kummissjoni jikkuntattjak b’aktar struzzjonijiet dwar kif tistabbilixxi din is-soluzzjoni teknika.

Għal aktar informazzjoni dwar dawn iż-2 għażliet, ara l-linji gwida tekniċi tagħna u/jew żur il-librerija online tal-Kummissjoni CircaBC (ara t-"taqsima tad-Downloads").


Stqarrija ta’ privatezza


Biex tiskopri kif nużaw u nipproteġu d-data personali tiegħek, jekk jogħġbok aqra l-istqarrija ta' privatezza tagħna.