Endocrine disruptors

Proċess għall-istabbiliment tal-kriterji xjentifiċi għall-identifikazzjoni tal-interferenti endokrinali

Proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet

Biex tfittex il-qbil dwar iż-żewġ abbozzi li jistabbilixxu l-kriterji xjentifiċi għall-identifikazzjoni tal-interferenti endokrinali, il-Kummissjoni impenjat ruħha b'mod parallel mal-esperti u r-rappreżentanti tal-pajjiżi tal-UE responsabbli għall-prodotti bijoċidali (BP) u l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (PPP) permezz tal-proċeduri tal-adozzjoni mbassra.

Waqt il-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf (PAFF) dwar il-leġiżlazzjoni tal-Pestiċidi fit-12/13 ta’ Diċembru 2017, ir-rappreżentanti nazzjonali tal-UE vvutaw favur abbozz ta’ Regolament ġdid li jistabblixxi l-kriterji għall-identifikazzjoni tal-interferenti endokrinali fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni dwar il-pestiċidi. La l-Kunsill u lanqas il-Parlament Ewropew ma oġġezzjonaw għall-abbozz tal-kriterji matul il-perjodu ta’ skrutinju li ntemm fid-9 ta’ April 2018. Il-Kummissjoni adottat il-kriterji fid-19 ta’ April 2018.

Il-kriterji għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti huma ppubblikati u daħlu fis-seħħ fl-10 ta’ Mejju 2018. Dawn se japplikaw mill-10 ta’ Novembru 2018 għall-applikazzjonijiet kollha ġodda u li għaddejjin bħalissa għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

Fl-4 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni adottat Regolament Delegat dwar il-kriterji xjentifiċi għall-identifikazzjoni tal-interferenti endokrinali għall-prodotti bijoċidali. La l-Kunsill u lanqas il-Parlament Ewropew ma oġġezzjonaw għar-Regolament Delegat matul il-perjodu ta’ skrutinju li ntemm fl-4 ta’ Novembru 2017.

Il-kriterji għall-prodotti bijoċidali huma ppubblikati u daħlu fis-seħħ fis-7 ta’ Diċembru 2017. Huma se japplikaw mis-7 ta’ Ġunju 2018 għall-applikazzjonijiet għall-prodotti bijoċidali ġodda u dawk għaddejjin bħalissa.

Kien hemm skambju ta’ ittri dwar il-kriterji bejn il-Kummissarju Andriukaitis u l-President tal-Kumitat ENVI tal-PE fit-18 ta’ Ottubru 2016 u s-26 ta’ Ottubru 2017.

Implimentazzjoni tal-kriterji

Issa hu disponibbli dokument ta’ gwida għall-identifikazzjoni ta’ sustanzi bi proprjetajiet ta’ interferenti endokrinali fil-pestiċidi u fil-bijoċidi (7 ta’ Ġunju 2018).

Id-Dokument ta’ gwida ġie żviluppat mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) bl-appoġġ taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni Ewropea.

Valutazzjoni tal-impatt

Qabel ma ppreżentat il-kriterji għall-identifikazzjoni tal-interferenti endokrinali fil-kuntest tar-regolamenti dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u l-prodotti bijoċidali, il-Kummissjoni Ewropea wettqet valutazzjoni tal-impatt komprensiva biex tiddefinixxi l-kriterji għall-identifikzzjoni tal-interferenti endokrinali.

Djalogu mal-partijiet interessati

Fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-impatt il-Kummissjoni Ewropea tkellmet mal-partijiet interessati u persuni li jfasslu l-politika oħrajn fi djalogu miftuħ u trasparenti matul il-proċess tal-identifikazzjoni tal-kriterji. L-avvenimenti inkludew: