Saħħa-e

Ħarsa ġenerali

Is-saħħa u l-kura diġitali jirreferu għal għodod u servizzi li jużaw it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICTs) biex itejbu l-prevenzjoni, id-dijanjosi, it-trattament, il-monitoraġġ u l-immaniġġjar ta’ problemi relatati mas-saħħa u biex jimmonitorjaw u jimmaniġġjaw stili ta’ ħajja li jħallu impatt fuq is-saħħa. Is-saħħa u l-kura diġitali huma innovattivi u jistgħu jtejbu l-aċċess għall-kura u l-kwalità ta’ dik il-kura, kif ukoll iżidu l-effiċjenza ġenerali tas-settur tas-saħħa.

Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa

“Ewropa lesta għall-era diġitali” hi waħda mis-sitt prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni 2019-2024. Filwaqt li tibni fuq inizjattivi preċedenti li jsaħħu l-ħolqien ta’ Suq Uniku Diġitali, it-tranżizzjoni diġitali għandha tkun xi ħaġa li tkun ta’ benefiċċju għal kulħadd, billi tqiegħed lin-nies l-ewwel u tiftaħ opportunitajiet għan-negozju. Is-saħħa hija waħda mis-setturi inklużi f’din l-aġenda, meta wieħed iqis il-benefiċċji potenzjali li s-servizzi diġitali jistgħu joffru liċ-ċittadini u lill-intrapriżi f’dan il-qasam.

Komunikazzjoni dwar is-Saħħa u l-Kura Diġitali tal-2018

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-Trasformazzjoni tas-Saħħa u l-Kura Diġitali ta’ April 2018 għandha l-għan li ssaħħaħ id-diġitalizzazzjoni tas-setturi tas-saħħa u tal-kura.

Il-Komunikazzjoni tidentifika 3 pilastri li fuqhom se jiġu bbażati l-attivitajiet:

Pilastru 1: Aċċess u kondiviżjoni sikuri tad-data

Biex tiffaċilita aċċess akbar għall-kura tas-saħħa transfruntiera, il-Kummissjoni qed tibni l-Infrastruttura ta’ Servizzi Diġitali tas-Saħħa elettronika li tippermetti l-iskambju ta’ riċetti tat-tabib elettroniċi u sommarji tal-pazjenti bejn il-fornituri tal-kura tas-saħħa. L-ewwel skambji transfruntieri bdew fl-2019, bl-għan li l-pajjiżi l-oħra kollha tal-UE jagħmlu dan sal-2025. Fuq perjodu ta’ żmien itwal, il-Kummissjoni qed taħdem lejn l-istabbiliment ta’ format ta’ skambju tar-rekords elettroniċi tas-saħħa Ewropej li jkun aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE.

Pilastru 2: Konnessjoni u kondiviżjoni ta’ data dwar is-saħħa għar-riċerka, id-dijanjosi aktar mgħaġġla u għal saħħa aħjar

It-tieni pilastru tal-Komunikazzjoni tal-2018 għandu l-intenzjoni li jisfrutta l-potenzjal enormi tad-data dwar is-saħħa biex jappoġġja r-riċerka medika bil-għan li jitjiebu l-prevenzjoni, id-dijanjożi, it-trattamenti, il-mediċini u t-tagħmir mediku.

Pilastru 3: Tisħiħ tas-setgħat taċ-ċittadini u tal-kura individwali permezz tas-servizzi diġitali

Is-servizzi diġitali jistgħu jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini, billi jagħmluha aktar faċli għalihom biex jieħdu rwol ikbar fl-immaniġġjar tas-saħħa tagħhom stess billi jsegwu linji gwida ta’ prevenzjoni u jkunu motivati biex ikollhom stili ta’ ħajja aktar tajbin għas-saħħa, biex jimmaniġġjaw kundizzjonijiet kroniċi u jipprovdu feedback lill-fornituri tal-kura tas-saħħa. Is-sistemi tas-saħħa se jibbenefikaw ukoll minn mudelli innovattivi ta’ kura li jużaw it-telesaħħa u l-mHealth biex jindirizzaw id-domanda dejjem tikber għall-kura tas-saħħa, u b’hekk jgħinu fiċ-ċaqliqa progressiva lejn sistemi ta’ kura integrati u personalizzati.