Saħħa-e

Ħarsa ġenerali

Is-saħħa u l-kura diġitali jirreferu għal għodod u servizzi li jużaw it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICTs) biex itejbu l-prevenzjoni, id-dijanjosi, it-trattament, il-monitoraġġ u l-immaniġġjar tas-saħħa u l-istil ta’ ħajja. Is-saħħa u l-kura diġitali għandhom il-potenzjal li jinnovaw u jtejbu l-aċċess għall-kura, il-kwalità tal-kura, u li jżidu l-effiċjenza ġenerali tas-settur tas-saħħa.

Strateġija għal Suq Uniku Diġitali

Waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni Ewropea hi t-tisħiħ tal-użu tat-teknoloġija diġitali permezz tal-ħolqien ta’ Suq Uniku Diġitali (DSM). Id-DSM, li tnieda fl-2015, għandu l-għan li jiftaħ opportunitajiet diġitali għan-nies u n-negozju, u li jġib is-suq uniku tal-UE fl-era diġitali. Is-saħħa hija waħda mis-setturi inklużi f’din l-aġenda, meta wieħed iqis il-benefiċċji potenzjali li s-servizzi diġitali jistgħu joffru liċ-ċittadini u lill-intrapriżi f’dan il-qasam.

Ir-rieżami ta' nofs it-terminu tad-DSM li sar f’Mejju 2017 enfasizza rieda qawwija biex jiġu ffaċilitati l-aċċess u l-kondiviżjoni tad-data dwar is-saħħa għal skopijiet ta’ riċerka jew trattament, u biex jitħeġġeġ il-feedback tal-pazjenti fir-rigward tas-servizzi tas-saħħa.

Komunikazzjoni dwar is-Saħħa u l-Kura Diġitali

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-Trasformazzjoni tas-Saħħa u l-Kura Diġitali ta’ April 2018 għandha l-għan li ssaħħaħ id-diġitalizzazzjoni tas-setturi tas-saħħa u tal-kura. Il-Komunikazzjoni tidentifika 3 pilastri li fuqhom se jiġu bbażati l-attivitajiet:

Pilastru 1: Aċċess u kondiviżjoni sikuri tad-data

Biex tiffaċilita aċċess akbar għall-kura tas-saħħa transfruntiera, il-Kummissjoni qed tibni Infrastruttura ta’ Servizzi Diġitali tas-Saħħa elettronika li se tippermetti l-iskambju ta’ riċetti tat-tabib elettroniċi u sommarji tal-pazjenti bejn il-fornituri tal-kura tas-saħħa. L-ewwel skambji transfruntieri bdew fl-2019, bl-għan li l-pajjiżi l-oħra kollha tal-UE jkunu jistgħu jagħmlu dan sal-2020. Fuq perjodu ta’ żmien itwal, il-Kummissjoni qed taħdem lejn format ta’ skambju tar-rekords elettroniċi tas-saħħa Ewropej li jkun aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha.

Pilastru 2: Konnessjoni u kondiviżjoni ta’ data dwar is-saħħa għar-riċerka, id-dijanjosi aktar mgħaġġla u għal saħħa aħjar

L-infrastruttura deċentralizzata tas-saħħa diġitali Ewropea se tiffaċilita dijanjosi u trattament imfassla apposta, se tgħin lis-servizzi tas-saħħa biex ikunu ppreparati aħjar biex iwieġbu għal theddid transfruntier, u se ttejjeb l-iżvilupp u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċi.

Pilastru 3: Tisħiħ tas-setgħat taċ-ċittadini u tal-kura individwali permezz tas-servizzi diġitali

Is-servizzi diġitali jistgħu jtejbu l-prevenzjoni u l-immaniġġjar ta’ kundizzjonijiet kroniċi, u jippermettu lill-pazjenti jipprovdu feedback lill-fornituri tal-kura tas-saħħa. Is-sistemi tas-saħħa se jibbenefikaw ukoll minn mudelli innovattivi ta’ kura li jużaw it-telesaħħa u l-mHealth biex jindirizzaw id-domanda dejjem tikber għall-kura tas-saħħa.

Glossarju tas-saħħa elettronika:
  • Sommarji tal-pazjenti
    Is-sommarji tal-pazjenti jiġbru d-data ewlenija essenzjali dwar is-saħħa ta’ kull pazjent. Dawn se jkunu aċċessibbli għall-professjonisti tas-saħħa fl-UE, u jiffaċilitaw il-kura mfassla apposta għaċ-ċittadini anke meta dawn jaċċessaw is-servizzi f’pajjiżi oħra tal-UE.
  • Riċetti tat-tabib elettronċi u ddispensar elettroniku
    Il-pazjenti li jinsabu barra minn pajjiżhom jistgħu jirċievu medikazzjoni simili għal dik f’pajjiżhom permezz tar-riċetti tat-tabib elettronċi u ddispensar elettroniku.
    Ir-riċetti elettroniċi jippermettu t-trażmissjoni elettronika ta’ riċetta tat-tabib fi spiżerija filwaqt li l-iddispensar elettroniku jirreferi għall-irkupru elettroniku ta’ riċetta u l-forniment tal-mediċina lill-pazjent.
  • Rekords elettroniċi dwar is-saħħa (EHRs)
    L-EHRs jirreferu għar-rekords elettroniċi komprensivi ta’ individwu li huma aċċessibbli f’forma elettronika.