Servizzi tas-saħħa transfruntieri elettroniċi
L-Infrastruttura Ewropea ta’ Servizzi Diġitali tal-e-Saħħa (eHDSI) hi infrastruttura li tiżgura l-kontinwità tal-kura għaċ-ċittadini Ewropej waqt li jkunu qed jivvjaġġaw barra pajjiżhom fl-UE. B’hekk il-pajjiżi tal-UE jkollhom il-possibbiltà li jiskambjaw data dwar is-saħħa b’mod sigur, effiċjenti u interoperabbli. Iċ-ċittadini jistgħu faċilment jirrikonoxxu d-disponibbiltà tas-servizzi taħt il-marka “MyHealth @ EU”.
Dawn iż-2 servizzi tas-saħħa elettroniċi transfruntieri qed jiddaħħlu bħalissa fil-pajjiżi tal-UE kollha:
- L-e-Riċetta (u l-e-Iddispensar) tippermetti liċ-ċittadini tal-UE jiksbu l-medikazzjoni tagħhom fi spiżerija li tinsab f’pajjiż ieħor tal-UE, b’riżultat tat-trasferiment online tar-riċetta elettronika tagħhom mill-pajjiż tar-residenza tagħhom fejn huma affiljati, lejn il-pajjiż fejn qed jivvjaġġaw.
- Is-Sommarji tal-Pazjenti jipprovdu informazzjoni dwar aspetti importanti relatati mas-saħħa bħall-allerġiji, il-medikazzjoni kurrenti, mard preċedenti, operazzjonijiet, eċċ. Huma parti minn ġbir akbar ta’ data dwar is-saħħa msejħa Rekord tas-Saħħa elettroniku. Is-Sommarju tal-Pazjent diġitali hu maħsub biex jagħti informazzjoni essenzjali dwar il-pazjent lit-tobba fil-lingwa tagħhom meta pazjent jiġi minn pajjiż ieħor tal-UE u jista’ jkun hemm problema ta’ lingwa.
Fuq medda twila ta’ żmien, l-immaġnijiet mediċi, ir-riżultati tal-laboratorju u r-rapporti dwar il-ħruġ mill-isptar se jkunu disponibbli wkoll fl-UE kollha, bir-rekord sħiħ tas-saħħa li għandu jiġi segwit aktar tard. L-iskambju tal-e-Riċetti u tas-Sommarji tal-Pazjenti huwa miftuħ għall-pajjiżi kollha tal-UE.
Sal-2025, dawn iż-żewġ servizzi se jiġu implimentati gradwalment f’25 pajjiż tal-UE: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovenja, is-Slovakkja, Spanja, l-Ungerija u l-Iżvezja.
Liema servizzi huma disponibbli u f’liema pajjiżi?
It-tobba mill-pajjiżi t’hawn taħt: | għandhom aċċess għad-data dwar is-saħħa ta’ ċittadini li ġejjin minn: |
Il-Kroazja | Ir-Repubblika Ċeka (Settembru 2019), Malta (Frar 2020) u l-Portugall (Frar 2020) |
Il-Lussemburgu | Ir-Repubblika Ċeka (Ġunju 2019), Malta (Diċembru 2019) |
Malta | Il-Portugall (Frar 2020), il-Kroazja (17 ta’ Diċembru 2020) |
Il-Portugall (siti web tal-SNS u tal-SPMS) | Malta (Jannar 2020), il-Kroazja (17 ta’ Diċembru 2020) |
Ir-Repubblika Ċeka | Il-Kroazja (21 ta’ Diċembru 2020) |
Id-data dwar is-saħħa taċ-ċittadini mill-pajjiżi ta’ hawn taħt: | tista’ tiġi kkonsultata mit-tobba mill-pajjiżi ta’ hawn taħt, bl-użu tas-Sommarju tal-Pazjenti: |
Ir-Repubblika Ċeka | Il-Lussemburgu (Ġunju 2019), il-Kroazja (Settembru 2019) |
Malta | Il-Lussemburgu (Diċembru 2019), il-Portugall (Jannar 2020), il-Kroazja (ta’ Frar 2020) |
Il-Portugall | Malta (21 ta’ Frar 2020), il-Kroazja (Frar 2020) u l-Lussemburgu (Marzu 2020) |
Il-Kroazja | Malta (17 ta’ Diċembru 2020), il-Portugall (17 ta’ Diċembru 2020), ir-Repubblika Ċeka (21 ta’ Diċembru 2020) |
L-e-Riċetti taċ-ċittadini mill-pajjiżi ta’ hawn taħt: | jistgħu jittieħdu mill-ispiżeriji fi: |
Il-Kroazja | Il-Finlandja (Awwissu 2020), il-Portugall (Awwissu 2020) |
L-Estonja | Il-Finlandja (Ġunju 2020), il-Kroazja (Awwissu 2020) |
Il-Finlandja | L-Estonja (Jannar 2019), il-Kroazja (Settembru 2019), il-Portugall (Awwissu 2020) |
Il-Portugall (siti web tal-SNS u tal-SPMS) | L-Estonja (Ġunju 2020), il-Finlandja (Awwissu 2020), il-Kroazja (Awwissu 2020) |
L-ispiżjara tal-pajjiżi t’hawn taħt: | jistgħu jagħtu l-mediċina fuq e-Riċetti ppreżentati miċ-ċittadini minn: |
Il-Kroazja | Il-Finlandja (Settembru 2019), l-Estonja (Awwissu 2020), il-Portugall (Awwissu 2020) |
L-Estonja | Il-Finlandja (Jannar 2019), il-Kroazja (Marzu 2020), il-Portugall (Ġunju 2020) |
Il-Finlandja | L-Estonja (Ġunju 2020), il-Portugall (Awwissu 2020), il-Kroazja (Awwissu 2020) |
Il-Portugall | Il-Finlandja (Awwissu 2020), il-Kroazja (Awwissu 2020) |
Governanza u finanzjament
L-Infrastruttura Ewropea ta’ Servizzi Diġitali tal-e-Saħħa (eHDSI) tiffaċilita l-iskambju transfruntier ta’ data dwar is-saħħa inklużi sommarji mediċi tal-pazjenti u l-e-riċetti. Permezz ta’ “servizzi ewlenin”, il-Kummissjoni Ewropea qed tipprovdi bażi komuni tal-infrastruttura tal-ICT u servizzi trasversali (terminoloġija, interoperabbiltà eċċ.) lill-pajjiżi tal-UE. Imbagħad huma jistgħu jistabbilixxu “servizzi ġeneriċi” biex jikkonnettjaw sistemi tas-Saħħa elettronika nazzjonali permezz ta’ “Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għall-e-Saħħa (NCPeH)”, b’assistenza finanzjarja mill-Programm Telecom tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (2015-2020).
Il-Grupp ta’ Esperti tad-DSI tal-pajjiżi tal-UE (eHMSEG) hu magħmul minn managers responsabbli għall-implimentazzjoni tal-NCPeH, u nnominati mill-pajjiżi parteċipanti. Il-membri jipparteċipaw fl-implimentazzjoni u fl-operazzjoni ta’ infrastruttura transfruntiera tal-e-Saħħa u huma responsabbli biex jistabbilixxu Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għall-e-Saħħa.
Il-Bord tal-Management Operazzjonali tal-e-Saħħa (eHOMB) hu magħmul minn rappreżentanti ta’ servizzi interni tal-Kummissjoni Ewropea u milll-Presidenti tal-eHMSEG. Hu jissorvelja l-għoti ta’ servizzi, u jieħu deċiżjonijiet tattiċi u operazzjonali dwar l-eHDSI.
Materjali ta’ komunikazzjoni
- Fuljett “MyHealth@EU” indirizzat lill-pazjenti u lill-professjonisti tas-saħħa
- Mistoqsija u Tweġiba ta’ “MyHealth@EU”
- Mistoqsija u Tweġiba dwar ir-rimborż tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa transfruntiera fl-UE