Saħħa-e

Servizzi tas-saħħa transfruntieri elettroniċi

Is-servizz tas-saħħa transfruntier elettroniku hu infrastruttura li jiżgura l-kontinwità tal-kura għaċ-ċittadini tal-Unjoni waqt li jkunu qed jivvjaġġaw barra pajjiżhom fl-UE. B’hekk il-pajjiżi tal-UE jkollhom il-possibbiltà li jiskambjaw data dwar is-saħħa b’mod sigur, effiċjenti u interoperabbli.

Dawn iż-żewġ servizzi tas-saħħa transfruntieri elettroniċi qed jiddaħħlu progressivament fil-pajjiżi tal-UE kollha:

  • Il-Preskrizzjoni elettronika (u l-Għoti elettroniku) tippermetti liċ-ċittadini tal-UE jiksbu l-medikazzjoni tagħhom fi spiżerija li tinsab f’pajjiż ieħor tal-UE, b’riżultat tat-trasferiment online tal-preskrizzjoni elettronika tagħhom mill-pajjiż tar-residenza tagħhom fejn huma affiljati, lejn il-pajjiż fejn qed jivvjaġġaw.
  • Is-Sommarju tal-Pazjent jipprovdi informazzjoni dwar aspetti importanti relatati mas-saħħa bħall-allerġiji, il-medikazzjoni kurrenti, mard preċedenti, operazzjonijiet, eċċ. Hu parti minn ġbir akbar ta’ data dwar is-saħħa msejħa ir-Rekord tas-Saħħa elettroniku. Is-Sommarju tal-Pazjent diġitali hu maħsub biex jagħti informazzjoni essenzjali dwar il-pazjent lit-tobba fil-lingwa tagħhom meta pazjent jiġi minn pajjiż ieħor tal-UE u jista’ jkun hemm problema ta’ lingwa. Fuq żmien twil, fis-Sommarju tal-Pazjent għandu jkun hemm mhux biss informazzjoni medika bażika iżda wkoll Rekord tas-Saħħa sħiħ li għandu jkun disponibbli mal-UE kollha. L-iskambju tal-Preskrizzjonijiet elettroniċi u s-Sommarji tal-Pazjent hu miftuħ għall-Istati Membri kollha.

Jista’ jkun hemm skambju kemm tal-Preskrizzjonijiet elettroniċi kif ukoll tas-Sommarji tal-Pazjent permezz tal-Infrastruttura Ewropea ta’ Servizzi Diġitali tas-Saħħa-e (eHDSI).

Sal-2021, dawn iż-żewġ servizzi se jiġu implimentati gradwalment fi 22 pajjiż tal-UE: l-Awstrija, il-Belġju, il-Kroazja, Ċipru, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvezja.

Bħalissa diġà huma operazzjonali dawn l-iskambji:

  • Il-Finlandja: Preskrizzjonijiet elettroniċi għall-vjaġġaturi ħerġin mill-pajjiż
  • L-Estonja: Preskrizzjonijiet elettroniċi għall-vjaġġaturi deħlin fil-pajjiż

Informazzjoni relatata: