Saħħa-e

L-e-Saħħa u l-COVID-19

Il-Kummissjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-UE ddefinixxew approċċ komuni għal provi ta’ tilqim uniformi u interoperabbli (ċertifikat tal-vaċċinazzjoni). Il-Kummissjoni u l-pajjiżi tal-UE ħadmu wkoll flimkien għal apps effiċjenti għat-traċċar tal-kuntatti u għat-twissija.

Ċertifikat Aħdar Diġitali

Ċertifikat Aħdar Diġitali huwa prova diġitali li persuna tkun tlaqqmet kontra l-COVID-19, tkun irkuprat mill-COVID-19 jew ikollha riżultat tat-test. Iċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali huwa għalhekk isem użat biex b’mod kollettiv jirreferi għal 3 tipi ta’ ċertifikati: vaċċinazzjoni, irkupru, test.

Ċertifikati tal-vaċċinazzjoni

Hekk kif qed isir progress fl-isforzi tat-tilqim fil-pajjiżi tal-UE, jeħtieġ li l-persuni mlaqqma jirċievu provi tat-tilqim, imsejħa wkoll ċertifikati tal-vaċċinazzjoni, li huma utli f’sitwazzjonijiet tal-kura tas-saħħa, speċjalment jekk persuna tuża servizzi ta’ organizzazzjonijiet tal-kura tas-saħħa differenti, possibbilment f’pajjiżi differenti.

Barra minn hekk, huma utli għal skopijiet ta’ vvjaġġar f’xi pajjiżi tal-UE li stabbilixxew regoli speċifiċi dwar l-ivvjaġġar għal persuni mlaqqma. Il-Kummissjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-UE adottaw linji gwida dwar iċ-ċertifikat tal-vaċċinazzjoni verifikabbli. Dawn il-linji gwida għandhom l-għan li jappoġġjaw l-interoperabbiltà taċ-ċertifikati tal-vaċċinaccjoni u jistabbilixxu sett minimu ta’ data, inkluż identifikatur uniku. 

Ċertifikati tal-irkupru

Xi Stati Membri stabbilixxew regoli speċifiċi dwar l-ivvjaġġar għal persuni li reċentement irkupraw mill-marda tal-COVID-19. Minflok ċertifikat tat-test jew tal-vaċċinazzjoni, dawn il-persuni jistgħu jintalbu jippreżentaw ċertifikat tal-irkupru.

Sabiex jappoġġja l-interoperabbiltà u l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati tal-irkupru maħruġa minn pajjiżi differenti tal-UE, in-Network tal-e-Saħħa ppubblika linji gwida dwar iċ-ċertifikati tal-irkupru taċ-ċittadini tal-COVID-19, li jistabbilixxu sett minimu ta’ data għalihom.

Ċertifikati tar-riżultati tat-testijiet

Fir-rigward taċ-ċertifikati li jiddokumentaw ir-riżultati tat-testijiet, il-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa adotta sett standardizzat komuni ta’ data li għandha tiġi inkluża fiċ-ċertifikati tar-riżultati tat-testijiet tal-COVID-19. Ir-riżultati tat-testijiet huma mitluba b’mod komuni mill-membri tal-UE bħala parti mill-arranġamenti tagħhom relatati mal-moviment liberu, sabiex jiġi evitat aktar tixrid tal-virus u l-varjanti tiegħu.

Qafas ta’ fiduċja u speċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati

In-Network tal-e-Saħħa ppubblika deskrizzjoni ġenerali tal-qafas ta’ fiduċja meħtieġ biex tiġi stabbilita infrastruttura għaċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali, u pprepara speċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati li jiddeskrivu l-mekkaniżmi għar-rikonoxximent reċiproku u l-interoperabbiltà taċ-ċertifikati tal-vaċċinazzjoni, tat-testijiet u tal-irkupru (formati u ġestjoni ta’ fiduċja, gateway, barcode 2D, applikazzjonijiet)  Barra minn hekk, hemm disponibbli struttura teknika u settijiet ta’ valuri dettaljati li għandhom jintużaw fil-kontenut taċ-Ċertifikati Ħodor Diġitali. Qed jiġu żviluppati implimentazzjonijiet ta’ referenza u se jiġu ppubblikati bħala sors miftuħ.

Twettqet ħidma min-Network tal-e-Saħħa f’kollaborazzjoni mal-aġenziji tal-UE, il-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u istituzzjonijiet oħra. Għadha għaddejja aktar kollaborazzjoni mmirata lejn l-implimetazzjoni tas-sistema taċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali mal-Istati Membri, pajjiżi terzi, u organizzazzjonijiet internazzjonali.

Aktar informazzjoni:

Apps għat-traċċar tal-kuntatti u għat-twissija

L-applikazzjonijiet mobbli għat-traċċar tal-kuntatti u għat-twissija jistgħu jgħinu biex jitnaqqas it-tixrid tas-SARS-CoV-2 u jappoġġjaw it-tneħħija gradwali tal-miżuri ta’ konfinament billi:

  • jinfurmaw liċ-ċittadini jekk kinux qrib persuni infettati bil-virus (għal aktar minn 15-il minuta f’inqas minn 2 metri) u
  • iħeġġu liċ-ċittadini jinfurmaw lill-awtoritajiet tas-saħħa tagħhom u jitolbu appoġġ

Il-Kummissjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-UE waqqfu sistema mifruxa mal-UE kollha biex jiżguraw l-interoperabbiltà – l-hekk imsejjaħ “gateway”.

Dan jippermetti lill-Ewropej:

  • jivvjaġġaw b’app unika fl-UE, u
  • jiġu mwissija jekk setgħux ġew esposti għall-COVID-19 minħabba prossimità fit-tul jew kuntatt mill-qrib ma’ xi ħadd li huwa infettat

Madankollu, l-identità tal-persuna infettata bil-COVID dejjem se tibqa’ anonima.

L-apps għat-traċċar tal-kuntatti jiġu installati b’mod volontarju miċ-ċittadini u huma bbażati fuq teknoloġija ta’ prossimità Bluetooth li ma tippermettix it-traċċar tal-post fejn jinsabu n-nies.

Dawn l-apps iwissu lin-nies li kienu qrib ħafna ta’ persuna infettata għal ċertu tul ta’ żmien, biex ikunu jistgħu jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa biex jipproteġu lilhom infushom u lin-nies ta’ madwarhom, pereżempju billi jiżolaw ruħhom u li jkunu ttestjati. B’dan il-mod, it-trażmissjoni tal-infezzjoni tkun tista’ tiġi interrotta malajr.

Madankollu, il-privatezza u d-data tal-utenti tal-apps iridu jiġu salvagwardati. L-awtoritajiet nazzjonali se jiddiżattivaw l-apps fit-tmiem tal-pandemija, u l-utenti huma liberi li jneħħuha fi kwalunkwe ħin.

Kif taħdem is-sistema tal-interoperabbiltà

L-utenti se jkollhom bżonn jinstallaw app waħda biss u xorta se jkunu jistgħu jirċievu twissija, anki jekk jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom. Is-server tal-gateway se jirċievi u jgħaddi b’mod effiċjenti identifikaturi aleatorji bejn l-apps nazzjonali u b’hekk iżomm l-ammont ta’ data skambjata għal minimu.

Aktar ’il quddiem, aktar u aktar pajjiżi Ewropej se jkollhom l-opportunità li jingħaqdu mal-gateway billi jillinkjaw l-apps nazzjonali tagħhom għat-traċċar tal-kuntatti u għat-twissija mas-sistema, u meta jagħmlu dan, ikunu qed jisfruttaw il-potenzjal sħiħ ta’ dawn l-apps biex ikissru l-katina tal-infezzjonijiet tal-coronavirus bejn il-fruntieri u biex isalvaw il-ħajjiet.

Il-pajjiżi parteċipanti tal-UE, rappreżentati mill-awtoritajiet nazzjonali jew il-korpi uffiċjali maħtura huma kontrolluri konġunti għall-ipproċessar fil-gateway. Huma jridu jipprovdu lill-utenti b’informazzjoni xierqa dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom fil-Federation Gateway Ewropew skont l-Artikolu 13 tal-GDPR (l-hekk imsejħa “politika ta’ privatezza”). 

Biex tappoġġja lill-kontrolluri konġunti biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 35 tal-GDPR, il-Kummissjoni Ewropea ħejjiet dokument li jipprovdi informazzjoni dwar is-Servizz Ewropew ta’ Federation Gateway li jista’ jintuża mill-Istati Membri bħala komponent tal-Valutazzjoni tal-Impatt fuq il-Protezzjoni tad-Data rispettiva tagħhom għall-iskambju ta’ data personali permezz tal-portal. Sabiex tiġi protetta s-sigurtà tal-ipproċessar tad-data personali, il-parti tad-dokument li tiddeskrivi l-miżuri ta’ sigurtà implimentati ma tiġix żvelata.

Sett ta’ għodod u linji gwida dwar l-interoperabbiltà

Fis-16 ta’ April 2020, il-pajjiżi tal-UE, appoġġjati mill-Kummissjoni, adottaw sett ta’ għodod tal-UE biex jużaw applikazzjonijiet mobbli li jħarsu l-privatezza għat-traċċar tal-kuntatti u għat-twissija b’rispons għall-pandemija tal-coronavirus. Fit-13 ta’ Mejju 2020, il-pajjiżi tal-UE, bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea, adottaw linji gwida dwar l-interoperabbiltà għal applikazzjonijiet mobbli għat-traċċar tal-kuntatti approvati fl-UE u fit-30 ta’ Ġunju 2020 sett ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi.

Prinċipju ewlieni tal-linji gwida huwa li l-utenti għandhom ikunu jistgħu jafdaw fuq app waħda kull fejn ikunu fl-UE. Is-servizz tal-gateway tal-interoperabbiltà jillinkja l-backend tal-apps nazzjonali għat-traċċar tal-kuntatti, li jiżgura li l-apps jaħdmu bla xkiel f’pajjiżi differenti tal-UE. Il-modalitajiet għall-ipproċessar fil-gateway huma definiti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni adottata mill-Kummissjoni.

Aktar informazzjoni