Biocides

Ħarsa ġenerali

Il-prodotti bijoċidali huma użati biex jikkontrollaw organiżmi mhux mixtieqa li jagħmlu l-ħsara lis-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew lill-ambjent, jew li jikkawżaw danni lill-attivitajiet tal-bniedem. Dawn l-organiżmi ta’ ħsara jinkludu l-pesti (eż. insetti, firien jew ġrieden) u l-mikroorganiżmi (eż. batterji, vajrus, moffa).

Il-prodotti bijoċidali jinkludu fost oħrajn:

  • L-insettiċidi (minbarra dawk użati għal finijiet ta’ protezzjoni tal-pjanti li huma regolati mir-Regolament (UE) Nru 1107/2009
  • Ir-repellenti tal-insetti
  • Id-diżinfettanti
  • Il-preservattivi għal materjali bħall-injam, il-plastik u l-fibri
  • Iż-żebgħa tal-anti-fouling għall-protezzjoni tal-bwieq tal-vapuri.

Huma għandhom rwol importanti fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-UE, pereżempju, billi jgħinu fil-protezzjoni kontra:

  • Il-mard li jinġarr minn vettur (eż. il-malarja, id-deni dengue jew iċ-chikungunya)
  • Il-mard li jinġarr fl-ikel (eż. il-salmonellożi, il-listerjożi)
  • L-infezzjonijiet li jittieħdu fl-isptar (eż. MRSA).

Jintużaw b’mod wiesa’ wkoll f’materjal bħall-plastik, iż-żebgħa, it-tessuti, l-injam, eċċ... biex jipproteġu dawn il-materjali kontra d-diżintegrazzjoni mikrobiċida, fungali jew tal-insetti.

Madankollu, minħabba l-proprjetajiet intrinsiċi tagħhom il-prodotti bijoċidali jistgħu jkunu ta’ riskju għall-bniedem, l-annimali u l-ambjent. Minħabba dan, l-UE stabbilixxiet regoli u proċeduri stretti biex timminimizza dawn ir-riskji.

Qafas biex jillimita r-riskji

L-UE tipprovdi qafas għall-UE kollha u regoli armonizzati fost il-pajjiżi tal-UE biex tiżgura li r-riskji jiġu vvalutati b’mod xieraq qabel ma’ jitqiegħdu fuq is-suq prodotti bijoċidali. L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) tipprovdi assistenza teknika u xjentifika biex tappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea u lill-pajjiżi tal-UE fit-twettiq tal-proċessi differenti stabbiliti fir-Regolament.

Is-sustanzi attivi

Qabel ma s-sustanzi attivi jintużaw fil-prodotti bijoċidali dawn iridu jiġu vvalutati u approvati għal użu bħal dan fil-livell tal-UE.

Il-prodotti bijoċidali

Biex jitqiegħed fis-suq, trid tingħata prova li l-prodott hu sikur għas-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent. Irid ikun hemm ukoll prova li l-prodott hu effettiv għall-użu maħsub tiegħu.

L-oġġetti ttrattati

Ir-Regolament fih dispożizzjonijiet li japplikaw mhux biss għall-prodotti bijoċidali iżda wkoll għal oġġetti u taħlitiet li ġew trattati bi prodott bijoċidali jew ġie inkorporat fihom prodott bijoċidali.