Biocides

Il-prodotti bijoċidali

Ir-Regolament dwar il-prodotti bijoċidali jeħtieġ li l-prodotti kollha jiġu awtorizzati minn awtorità kompetenti qabel ma jitpoġġew fis-suq. L-awtoritajiet jistgħu jagħtu l-awtorizzazzjoni biss jekk l-evalwazzjoni li jwettqu turi li l-użu tal-prodott hu sikur għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll għall-ambjent. Trid ukoll tingħata prova li l-prodott hu effettiv għall-użu/i maħsub(a) tiegħu.

Il-prodotti bijoċidali huma awtorizzati permezz ta’ approċċ fuq żewġ passi:

  • Is-sustanza attiva (li għandha l-effett bijoċidali) trid tkun approvata fil-livell tal-UE. Il-proprjetajiet ta’ periklu tagħha u r-riskji possibbli għall-bnedmin, l-annimali u l-ambjent huma vvalutati.
  • Imbagħad kull prodott li fih dik is-sustanza attiva jrid jiġi awtorizzat għal kull formulazzjoni speċifika (eż. likwida, sprej, eċċ.), użu maħsub (eż. il-kontroll tal-bergħut jew tan-nemus) u l-kategorija ta’ min se jużah (eż, utenti professjonali jew il-pubbliku ġenerali).

Min jawtorizza l-prodotti?

Normalment, il-pajjiż tal-UE fejn se jitqiegħdu fis-suq il-prodotti bijoċidali hu responsabbli għall-awtorizzazzjoni tal-prodott, fi proċess imsejjaħ “awtorizzazzjoni nazzjonali”. Jeżisti proċess ta’ rikonoxximent reċiproku bejn il-pajjiżi tal-UE, biex il-kumpaniji jkunu jistgħu jiksbu awtorizzazzjoni tal-prodotti tagħhom b'mod simultanju f’diversi pajjiżi (rikonoxximent reċiproku b'mod parallel) jew sussegwentement, jekk prodott ikun diġà ġie awtorizzat f’pajjiż wieħed tal-UE (rikonoxximent reċiproku f'sekwenza). Il-proċess jippermetti aċċess aktar malajr għas-suq għall-kumpaniji u jiżgura l-armonizzazzjoni fl-UE.

Xi prodotti jistgħu jiġu awtorizzati fuq il-livell tal-UE, biex b'hekk il-kumpaniji jkunu jistgħu jqiegħduhom fuq is-suq tal-UE. F'dan il-każ, awtorizzazzjoni bħal din tingħata mill-Kummissjoni Ewropea. Il-proċess jissejjaħ “awtorizzazzjoni tal-Unjoni”. F’dan ir-rapport tista’ ssib aktar informazzjoni dwar kif dan il-proċess jaħdem fil-prattika.

Huma l-kumpaniji li jiddeċiedu liema proċedura jagħżlu għall-awtorizzazzjoni.

Il-prinċipji ġenerali għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti bijoċidali

  • L-Anness V jagħti dettalji dwar it-tipi ta’ prodotti u d-deskrizzjonijiet tagħhom.
  • L-Artikolu 23 jistipula r-regoli li jiddeskrivu kif għandha titwettaq valutazzjoni komparattiva.
  • Il-Kapitolu VII jiddeskrivi l-proċeduri armonizzati għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti bijoċidali inklużi l-awtorizzazzjoni nazzjonali u r-rikonoxximent reċiproku.
  • Il-Kapitolu VIII fih il-proċeduri ta' awtorizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, kif dawn għandhom jiġu sottomessi u kif il-benefiċċji tagħhom potenzjalment huma akbar minn dawk tar-rikonoxximent reċiproku. Din in-nota ta’ gwida tistipula l-kundizzjonijiet simili għall-użu tal-prodotti bijoċidali.
  • L-Anness 1 jipprovdi lista tas-sustanzi attivi b’riskju baxx u l-Kapitolu V jiddeskrivi proċedura ta' awtorizzazzjoni simplifikata għall-prodotti li fihom sustanzi attivi bħal dawn.
  • Il-Kapitolu IX hu dwar bidliet għall-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti (bidliet amministrattivi, minuri u maġġuri) li jridu jiġu approvati mill-awtoritajiet kompetenti qabel ma jiġu implimentati mid-detenturi tal-awtorizzazzjoni.
  • Id-dispożizzjoni fil-Kapitolu X tippermetti lil kumpanija li timporta u tqiegħed fuq is-suq tal-pajjiż B tal-UE prodott li jkun diġà ġie awtorizzat mill-pajjiż A tal-UE, meta prodott identiku hu diġà awtorizzat fil-pajjiż B tal-UE (kummerċ parallel).
  • L-Artikoli 55-57 jipprovdu għal derogi mir-rekwiżiti ġenerali, derogi għar-riċerka u l-iżvilupp, u eżenzjoni mir-reġistrazzjoni skont il-leġiżlazzjoni REACH.