Reżistenza antimikrobika

Azzjoni tal-UE dwar ir-Reżistenza għall-Antimikrobiċi

Ir-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR) – l-abbiltà tal-mikroorganiżmi li jirreżistu t-terapija antimikrobika, speċjalment l-antibijotiċi – għandha impatt dirett fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u ġġorr piż ekonomiku tqil minħabba spejjeż ogħla ta’ terapiji u produttività mnaqqsa minħabba l-mard. L-AMR hi responsabbli għal madwar 33,000 mewta fis-sena fl-UE. Hu stmat ukoll li l-AMR tiswa lill-UE €1.5 biljun fis-sena fi spejjeż tal-kura tas-saħħa u telf fil-produttività.

L-Ittra ta' Missjoni ta’ Stella Kyriakides tiddefinixxi l-ħtieġa li tiġi indirizzata ż-żieda jew ir-ritorn ta’ mard infettiv ħafna, filwaqt li tenfasizza l-ħtieġa li ssir enfasi fuq l-implimentazzjoni sħiħa tal-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew Saħħa Waħda kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi biex issir ħidma mas-sħab internazzjonali biex jiġi promoss ftehim globali dwar l-użu u l-aċċess tal-antimikrobiċi.

Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi

Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE Saħħa Waħda kontra l-AMR

F’Ġunju 2017, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE Saħħa Waħda kontra l-AMR, kif mitlub mill-pajjiżi tal-UE fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2016. Hu jibni fuq il-pjan ta’ azzjoni tal-2011 (ara hawn taħt), l-evalwazzjoni tiegħu, il-feedback li wasal dwar Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-AMR u konsultazzjoni pubblika miftuħa.

L-objettivi ewlenin ta’ dan il-pjan il-ġdid huma mibnija fuq tliet pilastri ewlenin:

  1. Nagħmlu l-UE reġjun tal-aħjar prattika

  2. It-tisħiħ tar-riċerka, tal-iżvilupp u tal-innovazzjoni

  3. It-tiswir tal-aġenda globali

Il-Kummissjoni adottat ukoll l-ewwel riżultati tal-pjan, pereżempju l-Linji Gwida tal-UE dwar l-użu prudenti tal-antimikrobiċi fis-saħħa tal-bniedem (il-lingwi kollha disponibbli). Il-linji gwida għandhom l-għan li jnaqqsu l-użu mhux xieraq u jippromwovu l-użu prudenti tal-antimikrobiċi fin-nies. Huma mmirati lejn l-atturi kollha li huma responsabbli għall-użu tal-antimikrobiċi jew li għandhom rwol f’dan.

Kull sentejn, il-Kummissjoni Ewropea toħroġ rapport ta’ progress rigward il-“Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-AMR” tal-2017.

Mill-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-AMR tal-2017 ’l hawn, seħħu aġġornamenti importanti sabiex jissaħħaħ aktar ir-rispons tal-UE għall-AMR, pereżempju:

  • Fil-25 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija Farmaċewtika għall-Ewropa li se tindirizza diversi sfidi tal-AMR inkluż in-nuqqas ta’ investiment fl-antimikrobiċi u l-użu mhux xieraq tal-antibijotiċi. Barra minn hekk, l-istrateġija se tkopri wkoll azzjonijiet dwar it-titjib tas-sensibilizzazzjoni tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa u taċ-ċittadini Ewropej dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi.
  • F’Novembru 2020, ġiet ippubblikata d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1729 il-ġdida dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ reżistenza għall-antimikrobiċi f’batterji żoonotiċi u kommensali. Id-Deċiżjoni hi bbażata fuq l-aħħar opinjonijiet xjentifiċi u tindirizza kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni magħrufa filwaqt li twieġeb xjentifikament u tiżgura l-kontinwità fil-valutazzjoni ta’ xejriet futuri fl-AMR.
  • Il-Kummissjoni Ewropea ħabbret il-ħolqien ta’ awtorità ġdida tal-UE, il-HERA (l-Awtorità ta’ Rispons għall-Emerġenzi), li se tappoġġja l-kapaċità u r-rieda Ewropea biex ikun hemm rispons għal theddid u emerġenzi transfruntieri – kemm jekk ikunu ta’ oriġini naturali kif ukoll jekk deliberati. Il-HERA se timpenja ruħha mal-industrija, max-xjenza, mal-akkademiċi u man-networks tal-organizzazzjoni tar-riċerka klinika, bl-għan li jiġu implimentati sħubijiet pubbliċi-privati li jirnexxu.
  • Ġie ppreżentat il-programm EU4Health (2021-2027), li jirrappreżenta r-rispons tal-UE għall-COVID-19, li kellu impatt kbir fuq l-istaff mediku u tal-kura tas-saħħa, il-pazjenti u s-sistemi tas-saħħa fl-Ewropa. B’investiment ta’ €5.1 biljun, dan il-programm huwa l-akbar programm tas-saħħa li qatt sar f’termini monetarji; EU4Health jipprovdi finanzjament lill-pajjiżi tal-UE, l-organizzazzjonijiet tas-saħħa u lill-NGOs inklużi prijoritajiet urġenti tas-saħħa li qed inaqqsu n-numru ta’ infezzjonijiet reżistenti għall-antimikrobiċi u t-titjib tar-rati tat-tilqim
  • F’Mejju 2020, il-Kummissjoni Ewropea adottat l-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt, għodda li tgħin fit-tiswir tat-triq tal-UE lejn sistemi tal-ikel sostenibbli. L-objettiv tagħha huwa t-tnaqqis b’50% tal-bejgħ globali tal-UE tal-antimikrobiċi għall-annimali mrobbija fl-irziezet u fl-akkwakultura sal-2030. Il-kisba ta’ dan l-objettiv se tkun appoġġjata mill-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/6 dwar il-Prodotti Mediċinali Veterinarji (Regolament VMP) u r-Regolament (UE) 2019/4 dwar l-Għalf Medikat (MF) il-ġodda. Dawn jipprevedu firxa wiesgħa ta’ miżuri għall-ġlieda kontra l-AMR u jippromwovu użu aktar prudenti u responsabbli tal-antimikrobiċi fl-annimali.
  • Benessri aħjar tal-annimali jtejjeb is-saħħa tal-annimali, inaqqas il-ħtieġa għall-medikazzjoni, u jgħin biex tiġi ppreservata l-bijodiversità. Il-Kummissjoni se tirrevedi l-leġiżlazzjoni dwar il-benessri tal-annimali biex tallinjaha mal-aħħar evidenza xjentifika, twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, tagħmilha aktar faċli biex tiġi infurzata u fl-aħħar mill-aħħar tiżgura livell ogħla ta’ benessri tal-annimali.
  • F’Marzu 2019, il-Kummissjoni adottat Approċċ Strateġiku għall-Farmaċewtiċi fl-Ambjent (PiE). L-għan kien li jiġu indirizzati l-implikazzjonijiet ambjentali tal-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-farmaċewtiċi (kemm umani kif ukoll veterinarji), mid-disinn u l-produzzjoni sal-użu u r-rimi tagħhom. Diversi azzjonijiet fl-approċċ strateġiku huma intiżi biex jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE Saħħa Waħda kontra l-AMR. 

In-Network tal-UE Saħħa Waħda dwar l-AMR

In-Network tal-UE Saħħa Waħda dwar l-AMR, ippresedut mill-Kummissjoni Ewropea, jinkludi esperti tal-gvern mis-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, l-aġenziji xjentifiċi tal-UE (ECDC, EMA u EFSA) u esperti tal-Kummissjoni. Il-laqgħat biannwali tan-Network tal-UE Saħħa Waħda dwar l-AMR jipprovdu lill-membri bi pjattaforma biex jippreżentaw pjanijiet u strateġiji nazzjonali ta’ azzjoni u jżommu lil xulxin aġġornati dwar il-progress tagħhom, biex jaqsmu l-aħjar prattiki, u biex jiddiskutu għażliet ta’ politika u kif jistgħu jtejbu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni.

Tapplika stqarrija ta' privatezza ddedikata li tipprovdi informazzjoni dwar l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data personali għal-laqgħat tan-Network Saħħa Waħda dwar l-AMR.

Ara ukoll: