Sajd

L-isturjun Siberjan

L-isturjun Siberjan

L-isturjun Siberjan

It-trobbija tal-isturjun Siberjan, speċi kklassifikata f’riskju fil-lista l-ħamra tal-Unjoni internazzjonali għall-konservazzjoni tan-natura, ġiet ipperfezzjonata fis-snin Sebgħin fl-eks Unjoni Sovjetika. Kien ukoll f’dan iż-żmien li l-ewwel kampjuni ġew introdotti fi Franza, fil-qafas ta’ programm ta’ kooperazzjoni xjentifika. L-isturjun Siberjan intagħżel minħabba li ċ-ċiklu ta’ riproduzzjoni tiegħu huwa wieħed mill-iqsar tal-familja (7 sa 8 snin minflok 15-il sena) u minħabba li jista’ jitkabbar biss fl-ilma ħelu, b’differenza minn sturjuni oħrajn, li jemigraw bejn baħar u xmajjar. L-isturjun Siberjan issa qiegħed jitrabba f’pajjiżi oħrajn tal-Ewropa (il-Belġju, l-Italja, il-Ġermanja...). L-irziezet qegħdin jiżdiedu bl-għan li jiġi prodott il-kavjar, prodott ta’ lussu li jħalli qligħ tajjeb ħafna.

L-isturjun Siberjan © ScandFish

Isem bil-LatinAcipenser Baerii
Produzzjoni (UE-27) – Laħam: 201 t (2007) – Kavjar: 12 t (2007).
Valur (UE-27) – Laħam: 0,9 miljun € (2007).
Pajjiżi produtturi ewlenin fl-UE – Franza (l-akbar produttur Ewropew tal-kavjar), il-Polonja, il-Ġermanja.
Pajjiżi produtturi ewlenin fid-dinja – ir-Russja, iċ-Ċina.
Skeda informattiva

Riproduzzjoni

Ir-riproduzzjoni tal-isturjun Siberjan hija kkumplikata minħabba l-fatt li n-nisa ma jovulawx kull sena, u ma jagħmlux dan b’mod sinkroniku.

In-numru ta’ nisa fl-età tal-ovulazzjoni jista’ jvarja bejn il-35 u t-63% tal-istokk. Iżda, permezz ta’ kontroll tat-temperatura tal-ilma, huwa possibbli li jinkiseb bajd fuq perijodu relattivament twil, bejn Diċembru u Mejju. Il-bajd jinġabar billi jsiru massaġġi addominali kull sagħtejn jew qasma żgħira fil-ħajt addominali tal-ħuta. L-isperma tal-irġiel tinġabar permezz ta’ pipetta li tiddaħħal fl-apparat ġenitali tagħhom. Il-bajd iffertilizzat ikollu jgħaddi minn trattament partikolari sabiex ma jitħalliex jitgħaqqad waqt l-inkubazzjoni: jitpoġġa f’soluzzjoni maħlula taflija jew xi kultant fil-ħalib. Wara li jitlaħlaħ, il-bajd jitpoġġa f’inkubaturi f’ilma b’temperatura ta’ bejn it-13-14 °C.

Trobbija

Wara sitt ijiem, jistgħu jintgħażlu l-larvi normali. Il-frieħ jirċievu l-ewwel ikel tagħhom meta jkollhom bejn 9 jew 11-il jum.

Simna

L-isturjuni Siberjani jistgħu jitrabbew f’kanali, f’tankijiet ċirkolari, f’għadajjar jew f’gaġeġ.

Minħabba li hu ħut karnivoru, jingħata gerbub li l-kompożizzjoni tiegħu hija simili għall-gerbub użat għat-trota (dqiq u żejt tal-ħuta u estratti tal-pjanti). It-tul medju tat-tkabbir tal-isturjuni mrobbija għal-laħam tagħhom huwa ta’ 14-il xahar biex tinkiseb ħuta ta’ 700 g. Meta jinqabdu, l-isturjuni jinġabru fi xbiek jew jinqabdu bl-idejn fil-każ tal-individwi l-kbar.

Kavjar

L-għażla tal-mara hija l-pass l-aktar importanti fil-produzzjoni tal-kavjar.

L-isfruttament għall-kavjar huwa għali, minħabba li n-nisa ma jistgħux jirripproduċu qabel ma jagħlqu 7 snin. Matul dawn is-snin kollha huma jitrabbew f’tankijiet li jkun fihom ilma ħelu ġieri. In-nisa qabel kienu jinqatlu u jitbattal il-bajd tagħhom. Iżda, f’dawn l-aħħar snin, dawk li jrabbu l-ħut ipperfezzjonaw tekniki ta’ ċesarja li jippermettu li jiġi estratt il-kavjar bosta drabi mingħajr ma tinqatel il-ħuta, u b’dan il-mod saħansitra jonqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni billi titjieb il-profittabbiltà tan-nisa. Kienu possibbli sa 5 ċesarji fuq l-istess mara.

Konsum

Il-laħam tal-isturjun Siberjan ma fihx xewk, u għalhekk jagħmlu ferm attraenti għall-konsumatur.

Jista’ jinbiegħ sħiħ u ħaj, fi flieli jew affumikat, iżda għadu prodott ftit magħruf mal-konsumatur Ewropew. Il-projbizzjoni reċenti tal-bejgħ tal-kavjar selvaġġ, sabiex jiġu protetti l-isturjuni mhedda minħabba d-digi, is-sajd żejjed u t-tniġġis, iffavorixxiet it-trobbija tal-isturjun Siberjan fl-Ewropa tal-Punent.