Sajd

L-Awrata Rjali

L-Awrata Rjali

L-Awrata Rjali

Tradizzjonalment, l-awrata rjali kienet titkabbar b’mod estensiv f’laguni tal-kosta u f’għadajjar salmastri, l-aktar fil-vallikultura tat-Tramuntana tal-Italja u fl-esteros tan-Nofsinhar ta’ Spanja. Iżda, fis-snin Tmenin, saret b’suċċess ir-riproduzzjoni artifiċjali tal-awrata rjali u mbagħad ġew żviluppati sistemi ta’ tkabbir intensiv, l-aktar permezz ta’ gaġeġ fil-baħar. L-awrata rjali, imsejħa hekk minħabba li għandha rasha kulur il-fidda, saret waħda mill-ħut ewlenin imrobbija fl-akkwakultura Ewropea.

 L-Awrata Rjali © ScandFish

Isem bil-LatinSparus aurata
Produzzjoni (UE-27) – 84 590 t (2007); 67 % tal-produzzjoni dinjija.
Valur (UE-27) – 363 miljun € (2007).
Pajjiżi produtturi ewlenin fl-UE – il-Greċja, Spanja, l-Italja.
Pajjiżi produtturi ewlenin fid-dinja – il-Greċja, it-Turkija, Spanja.
Skeda informattiva

Riproduzzjoni

Fl-imgħoddi l-ġenituri b’saħħithom kienu jintgħażlu fl-ambjent naturali tagħhom.

Iżda llum, il-bajd tal-awrat spiss jinkiseb minn ħut imrobbi fir-razzett. Għal kull staġun tar-riproduzzjoni, huwa essenzjali li jkun ikkontrollat l-għadd ta’ rġiel u nisa, minħabba li din il-ħuta ermafrodita tibdel is-sess tagħha matul ħajjitha: raġel matul l-ewwel tliet snin, imbagħad mara għall-bqija ta’ ħajjitha. Il-ħut adult jitħejjew għar-riproduzzjoni permezz tal-fotomanipulazzjoni (il-kontroll tat-tul tad-dawl tal-jum). Ir-raġel jiffertilizza l-bajd tal-mara li jżomm f’wiċċ l-ilma. Imbagħad jinġabru u jiġu ttrasportati f’għadajjar ta’ inkubazzjoni, fejn ifaqqsu 48 siegħa wara.

Trobbija

It-trobbija tal-ispnott u tal-awrat hija simili u ssir fl-istess mafqsiet, ġeneralment indipendenti.

Il-larva li tkun għadha kemm faqqset hija mikroskopika u nofs id-daqs tagħha jkun magħmul mill-isfar tal-bajda li l-ħuta tiekol. Dan l-isfar ikun fih sensiela ta’ riżervi nutrittivi: proteini, aċidi amino, glikoġeni, u fosfolipidi. Sitt ijiem wara li tfaqqas, il-larva, li tkun assorbiet l-isfar tal-bajda, tkun tista’ tibda tiekol waħedha: għalhekk titrabba bl-istess mod tal-frieħ tal-ispnott, tingħata alki mikroskopiċi u żooplankton (rotiferi), imbagħad artemja u, fl-aħħar, ikel inert mimli proteini (ara l-folja “ L-ispnott Ewropew”).

Simna

F’sistema estensiva, l-awrat irjali jitrabba ġeneralment mal-mulett, mal-ispnott u mas-sallura u jieklu b’mod naturali.

Fis-sistemi semi-estensivi, iż-żona ta’ tkabbir hija ffertilizzata sabiex tiżdied id-disponibbiltà ta’ ikel naturali, b’suppliment ta’ ikel industrijali. F’sistemi intensivi, l-awrat irjali jingħata gerbub industrijali f’għadajjar fuq l-art jew, għall-parti l-kbira tal-produzzjoni tiegħu, fil-Mediterran u fil-gżejjer Kanarji, f’gaġeġ fil-baħar. Bħala medja, l-awrat irjali jilħaq id-daqs kummerċjali tiegħu wara sena u nofs. L-awrat jinqatel permezz ta’ xokk termali: jitpoġġa f’tankijiet mimlija b’ilma ffriżat biex titqassar it-tbatija tiegħu.

Konsum

Minħabba li tista’ tinbiegħ f’daqsijiet differenti, l-awrata rjali, li tittiekel f’“porzjonijiet”, spiss tiżen bejn 400 u 600 g u tinbiegħ sħiħa jew imnaddfa u friska.

Is-swieq ewlenin huma l-Italja u Spanja, iżda qiegħda ssir aktar u aktar popolari fl-Ewropa ta’ Fuq. Minħabba li s-swieq eżistenti qegħdin juru sinjali ta’ saturazzjoni, qegħdin jiġu mistħarrġa prodotti ġodda pproċessati, bħall-ħut il-kbir ta’ aktar minn kilo (għar-ristoranti), kif ukoll il-flieli u l-prodotti ffriżati.