Sajd

L-ispnott Ewropew

L-ispnott Ewropew

L-ispnott Ewropew

L-ispnott, li hija ħuta li tgħix qrib il-kosti u l-estwarji mogħnija bil-mikroorganiżmi, ilha għal żmien twil imrobbija permezz tal-akkwakultura tradizzjonali. Il-ħut kien jitħalla jidħol f’għadajjar jew laguni mibnija (spiss salini) u l-aċċess kien jingħalaq. Dan huwa l-prinċipju tal-vallikultura Taljana u tal- esteros tan-Nofsinhar tal-Ispanja, li għadhom attivi. L-ispnott maqbud kien jiekol b’mod naturali sakemm jinġabar, iżda bl-iżvantaġġ li l-aptit tiegħu kien spiss jeżawrixxi l-ekosistema tal-laguna. F’ċerti postijiet, kienu jkunu l-frieħ maqbuda mis-sajjieda lokali li kienu jgħixu f’dawn l-għadajjar. Iżda fis-sittinijiet, l-iskarsezza tal-frieħ, l-istess bħal fil-każ tal-iżvilupp tal-akkwakultura tas-salamun fit-Tramuntana tal-Ewropa, wassal lix-xjenzati tal-Mediterran sabiex jiżviluppaw proċess ta’ trobbija intensiva li tibbaża fuq l-iżvilupp

L-ispnott Ewropew © ScandFish
Isem bil-LatinDicentrarchus labrax
Produzzjoni (UE-27) – 57 893 t (2007); 92 % tal-produzzjoni dinjija.
Valur (UE-27) – 304 miljun € (2007).
Pajjiżi produtturi ewlenin fl-UE – il-Greċja, Spanja, l-Italja, Franza.
Pajjiżi produtturi ewlenin fid-dinja – il-Greċja, it-Turkija, Spanja, l-Italja, Franza, il-Kroazja.
Skeda informattiva

Riproduzzjoni

Ir-riproduzzjoni tal-ispnott hija kollha kemm hi kkontrollata fil-mafqas, li tibda minn ġenituri magħżula fl-irziezet.

Biex jittawwal iċ-ċiklu ta’ riproduzzjoni tal-ispnott tintuża t-teknika tal-fotomanipulazzjoni, li tikkonsisti fl-induzzjoni tal-imġiba sesswali staġjonali tal-ispeċi billi jiġi varjat it-tul tad-“dawl tax-xemx” artifiċjali. Il-bajd, iffertilizzat mir-raġel, jinġabar f’wiċċ l-għadira riproduttiva u jitpoġġa f’għadajjar ta’ inkubazzjoni fejn ifaqqsu wara 48 siegħa. Il-larvi jiġu ttrasferiti f’għadajjar ta’ trobbija.

Trobbija

Il-ħażna tal-ispnott bi tħejjija għal trobbija intensiva ssegwi proċess ikkumplikat li kien soġġett għal programmi twal ta’ riċerka xjentifika matul is-snin sittin u sebgħin.

Kienet il-finalizzazzjoni tagħha li wasslet għall-bidu tal-akkwakultura tal-ispnott (u wkoll tal-awrat) fil-Mediterran fis-snin tmenin. Il-maqfas għandu aspetti tekniċi ħafna u jeħtieġ persunal b’livell għoli ta’ taħriġ: ikun jeħtieġ li jiġu żgurati l-aħjar kondizzjonijiet għat-tkabbir tal-larvi, jiġi żgurat l-aħjar tħaddim tas-sistema tar-riċirkolazzjoni, jiġi prodott l-ikel, eċċ. Dan wassal għal speċjalizzazzjoni ta’ din l-ewwel fażi tal-proċess ta’ trobbija. Għalkemm jeżistu każijiet ta’ integrazzjoni vertikali, il-mafqsiet Ewropej huma ġeneralment indipendenti u jbiegħu il-friegħ lill-irziezet tat-tkabbir. It-trobbija ssir ġeneralment fi tliet fażijiet:

It-tkabbir tal-larvi – Il-larva titlef l-isfar tal-bajda 6 ijiem wara li tfaqqas. Huwa f’dan il-mument li tirċievi ikel speċifiku ħafna, l-ewwel ibbażat fuq alka u rotiferi (żooplankton mikroskopiku), imbagħad, meta d-daqs tagħha jippermetti, abbażi ta’ artemja (krustaċju żgħir li jgħix fil-laguni, fid-deltas u fl-estwarji). Dan l-ikel ħaj dejjem jiġi prodott fil-mafqas.

Il-ftim – Wara 40 sa 50 jum, il-larva tiġi ttrasferita fit-taqsima tal-ftim fejn bil-mod il-mod tiġi mdorrija tiekol ikel b’livell għoli ta’ proteini, l-aktar abbażi ta’ żejt u dqiq tal-ħut. Mogħti f’forma ta’ gerbub żgħir ħafna, dan l-ikel jixbah ħafna lil dak li l-ispnott ikompli jingħata tul it-trobbija tiegħu. Hija din id-dieta ta’ proteini, kif ukoll il-kwalità tal-ilma, li tiżgura l-massimu tat-tkabbir u s-sopravvivenza tal-larvi matul dawn l-ewwel xhur kruċjali.

It-tkabbir tal-frieħ – 3 sa 4 ġimgħat wara, il-frieħ jittieħdu fit-taqsima tat-trobbija tal-ħut żgħir. Hemmhekk, jingħataw ikel f’forma ta’ gerbub sakemm jilħqu, madwar xahrejn wara, il-piż ta’ 2 sa 5 grammi li jippermettilhom jgħaddu għar-razzett tal-ftim.

Simna

Ix-xiri tal-frieħ għall-mafqsiet jirrappreżenta wieħed mill-akbar investimenti rikorrenti tal-irziezet tat-tkabbir.

L-alimentazzjoni ssir f’gaġeġ f’wiċċ l-ilma installati ftit ’il bogħod mill-kosta, għall-inqas għall-parti l-kbira tal-produzzjoni Ewropea (jiġifieri fil-Mediterran u fil-ġżejjer Kanarji). Hemm ukoll irziezet li jrabbu l-ispnott f’għadajjar fuq l-art, ġeneralment ipprovduti b’sistema ta’ riċirkolazzjoni, li jippermetti li tkun ikkontrollata t-temperatura tal-ilma u li jitkabbar spnott f’latitudnijiet aktar għoljin. L-ispnotti jingħataw gerbub magħmul l-aktar minn żejt u dqiq tal-ħuta, iżda wkoll minn estratti tal-pjanti. Fil-libertà, l-ispnott jista’ jilħaq tul ta’ metru u piż ta’ 12-il kilogramma, iżda l-ispnott imrobbi jinġabar u jinqatel ġeneralment meta jilħaq it-300 sa 500 g, li jieħu sena u nofs sa sentejn skont it-temperatura tal-ilma. Biex inkunu għidna kollox, jeħtieġ li nsemmu l-persistenza ta’ xi rziezet semi-intensivi, li ġejjin mill-akkwakultura estensiva tradizzjonali, li fihom il-laguni u l-għadajjar tal-kosta huma miżgħuda bi frieħ tal-mafqsiet, mitmugħa b’ikel industrijali supplimentari.

Konsum

Wara l-qatla, l-ispnott tal-irziezet ġeneralment jinbiegħ frisk u mnaddaf, l-aktar permezz tas-supermarkits u r-ristoranti.