Sajd

Is-salamun tal-Atlantiku

Is-salamun tal-Atlantiku

Is-salamun tal-Atlantiku

It-trobbija tas-salamun tal-Atlantiku bdiet fis-seklu XIX, meta t-tekniki tal-imqafas ġew żviluppati fir-Renju Unit. Dak iż-żmien l-għan kien li jipproduċu ħut żgħir sabiex ikabbru l-popolazzjoni tax-xmajjar, għall-finijiet ta’ sajd sportiv. Iżda kien fin-Norveġja, fl-1960, li l-ewwel industriji marini poġġew il-gaġeġ tagħhom li jibqgħu f’wiċċ l-ilma fil-fjords, sabiex jikkumerċjalizzaw is-salamun adult. Huma kisbu suċċess. It-trobbija b’hekk ġiet żviluppata, l-ewwel fl-Ewropa, imbagħad fl-ibħra kollha b’temperatura moderata taż-żewġ emisferi, fuq il-bażi ta’ razza ibrida, li rriżultat minn taħlit tar-razza Norveġiża ma’ razez lokali differenti. Fl-aħħar tas-snin disgħin iż-żieda mgħaġġla fil-produzzjoni hħoloq problemi relatati mas-saturazzjoni tas-suq. Din il-kriżi kienet il-bidu ta’ ristrutturar kbir fis-settur.

Is-salamun tal-Atlantiku © ScandFish
Isem bil-LatinSalmo salar
Produzzjoni (UE-27) – 142 350 t (2007), 10% tal-produzzjoni dinjija.
Valur (UE-27) – 662 miljun € (2007).
Pajjiżi produtturi ewlenin fl-UE – ir-Renju Unit, l-Irlanda.
Pajjiżi produtturi ewlenin fid-dinja – in-Norveġja (736 168 t - 2007), iċ-Ċile, il-Kanada.
Skeda informattiva

Riproduzzjoni

Ir-riproduzzjoni tas-salamun tal-Atlantiku ssir kollha fil-magħluq, minn stokk riproduttiv li jkun twieled fil-magħluq u magħżul bir-reqqa. Il-bajd jittieħed mill-ħut tas-sess femminili li jkun lesti biex ibidu u jitħalltu mal-isperma tal-ħut tas-sess maskili biex jiġu ffertilizzati. Imbagħad jitpoġġew fit-tank tal-inkubazzjoni. Il-ħuta tfaqqas mill-bajda bejn 4 u 6 ġimgħat wara l-fertilizzazzjoni.

Trobbija tal-ħut żgħir

It-trobbija tal-ħut żgħir issir f’żewġ stadji, li jikkorrispondu għall-istadji ta’ żvilupp fl-ilma ħelu tas-salamun.

L-ewwel stadju, fi xkafef, jikkorrispondi għall-istadju tal-larvae, li jdum minn 4 sa 6 ġimgħat, sakemm il-larva tkun neħħiet il-membrana li tagħlaq ġo fiha l-isfar tal-bajd u ssir salamun żgħir li jkun kapaċi jiekol waħdu. Hawnhekk jibda t-tieni stadju: is-salamun żgħir jiġi ttrasferit f’tank bl-ilma ħelu (jew f’gaġġa f’wiċċ l-ilma f’lag), fejn jibqa’ għal sentejn, iż-żmien meħtieġ għas-“salamunifikazzjoni”, jiġifieri l-kisba tal-karatteristiċi bijoloġiċi li jippermettulu jgħix fl-ilma tal-baħar.

Is-simna

Il-ħut fl-istadju tat-tferrigħ (jew smolt) jiġi ttrasferit f’impjant tal-ilma baħar, f’gaġġa li tibqa’ f’wiċċ l-ilma, fejn jibqa’ għal madwar sentejn, iż-żmien meħtieġ biex jikber għad-daqs li bih jista’ jiġi kkumerċjalizzat (madwar 2kg).

Bħala ħuta karnivora, bħala ikel jingħata granuli magħmula minn dqiq u żejt tal-ħuta (50%), iżda wkoll komponenti oħra bħal sustanzi mitħunin u estratti veġetali (ċereali, fażola, soja…), vitamini, imluħa minerali, kif ukoll astaxanthine, il-pigment (naturali jew sintetiku) li huwa indispensabbli għal saħħtu li jagħtih il-kulur tipiku tiegħu. Il-kompożizzjoni tal-ikel u r-ritmu li bih jingħata, kif ukoll is-sitwazzjoni tal-impjant u l-proċess tal-ħsad u tal-qtil huma elementi li jaffettwaw b’mod essenzjali l-kwalità tal-prodott finali.

Konsum

Il-maġġoranza tal-impriżi moderni jieħdu ħsieb is-salamun mill-istadju tal-bajd sal-qtil. Il-prodott imbagħad jgħaddi minn impriżi tal-ipproċessar, li jikkumerċjalizzawh l-aktar frisk, maqtugħ jew affumikat, imqatta’ fi flieli. Parti dejjem akbar tal-produzzjoni qed tinbiegħ fil-forma ta’ ikliet ippreparati, iffriżati jew fil-laned. Attwalment, is-salamun huwa parti integrali ta’ ċerti preparazzjonijiet mibjugħa fis-supermarkits.