Sajd

Il-gajdra tal-Paċifiku

Il-gajdra tal-Paċifiku

Il-gajdra tal-Paċifiku

Oriġinarjament mill-Ġappun, il-gajdra tal-Paċifiku ġiet introdotta fl-Ewropa fis-snin sebgħin, wara l-għibien tal-gajdra Portugiża ( Crassostrea angulata ), li nqerdet minn diversi mard suċċessivi. Minħabba li tikber malajr u hija kapaċi tadatta ruħha għal ambjenti differenti, il-gajdra tal-Paċifiku llum hija l-gajdra l-aktar imrobbija fid-dinja, u b’mod speċjali fl-Ewropa. L-ispeċi l-oħra ta’ gajdra mkabbra fl-Ewropa – il-gajdra ċatta ( Ostrea edulis ) għadha ’l bogħod milli tilħaq il-livell ta’ produzzjoni tagħha wara li kienet vittma ta’ żewġ mardiet epiżotiċi fis-snin għoxrin u tmenin.

Il-gajdra tal-Paċifiku © ScandFish
Isem bil-LatinCrassostrea gigas
Produzzjoni (UE-27) – 142 000 t (2007), ir-4 post fil-produzzjoni dinjija.
Valur (UE-27) –295 miljun € (2007).
Pajjiżi produtturi ewlenin fl-UE – Franza (l-akbar produttur Ewropew u r-4 fid-dinja), l-Irlanda, Spanja, il-Portugall.
Pajjiżi produtturi ewlenin fid-dinja (barra l-Ewropa) – iċ-Ċina, il-Korea t’Isfel, il-Ġappun.
Skeda informattiva

Riproduzzjoni

Parti kbira mill-provvista dinjija ġejja mill-qbid tal-frieħ (larvi tal-gajdri) fl-ambjent naturali. Iżda ċerti larvi tal-gajdri ġejjin mill-imfaqas. F’dan il-każ, l-istokk tal-ġenituri jinżamm fil-baħar.

F’intervalli regolari, jinġabru gruppi ta’ adulti matul ix-xitwa kollha u jitpoġġew fl-għadira. Dan it-teħid ta’ kampjuni jsir b’mod fortuwitu, minħabba li s-sess tal-gajdra mhux determinabbli (il-gajdra tgħaddi minn ermafrodiżmu suċċessiv jiġifieri matul is-snin tkun raġel jew mara). Ir-rilaxx tal-gameti jinkiseb fir-rebbiegħa permezz ta’ xokk termali jew permezz ta’ proċedura ta’ laċerazzjoni. Il-gameti ta’ sitt nisa jew aktar jiġu ffertilizzati bl-isperma ta’ numru identiku ta’ rġiel. Biex it-twelid isir kif suppost, l-ilma jrid ikun f’temperatura ta’ madwar 21°C u mhux mielaħ ħafna. Il-larvi mbagħad jitpoġġew f’għadajjar f’ċirkwiti magħluqa u jingħataw alki kkultivati. Illum, il-parti l-kbira tal-imfaqas tikkonċentra fuq il-produzzjoni tat-triplojdi, jiġifieri gajdri magħmula infertili wara li jgħaddu minn xokk termali waqt il-fertilizzazzjoni, li ma jħallihomx isiru, aktar tard, qishom ħalib.

Qbid

Fis-sajf, il-gajdri jbidu larvi fi kwantitajiet kbar. Dawn il-larvi jiġġerrew mal-kurrenti biex ifittxu post fejn jeħlu.

Biex jinqabdu, dak li jkabbar il-gajdri juża rfid imsejjaħ kolletturi mpoġġija f’postijiet strateġiċi: irfid tal-plastik (tubi, plattini, strippi…) jew madum, munzelli tal-lavanja, qxur. Meta l-frieħ jiffurmaw, ikunu maqlugħin minn mal-irfid tal-qbid tagħhom u disponibbli għat-tkabbir. Fil-każ tal-imqafas, meta l-larva tkun sejra taqbad ma’ rfid, issir aktar skura u għalhekk tkun tidher aktar minn ġol-valvoli tal-qoxra tagħha. Huwa f’dak il-mument li jsir il-qbid: irfid solidu u nadif jitpoġġa fl-għadira sabiex jiġu rkuprati l-gajdri.

Tkabbir

Jeżistu erba’ metodi ewlenin ta’ tkabbir tal-gajdri skont l-ambjent (l-estensjoni tal-marea, fond tal-ilma…) u t-tradizzjonijiet.

It-tkabbir fl-għoli: il-gajdri jitpoġġew fil-baħar fi bwiet imwaħħla fuq twavel impoġġija fuq ix-xatt, mal-art.

It-tkabbir fiċ-ċatt: il-gajdri jitpoġġew direttament fuq ix-xatt.

It-tkabbir fl-ilma fond jew it-tkabbir f’kontenituri: il-gajdri jinżergħu f’żoni apposta li jistgħu jkunu sa 10 metri fond.

It-tkabbir fuq konzijiet: il-gajdri jinżammu fuq ħbula, bħall-maskli, li jippermetti li jitkabbru ’l barra mix-xatt. Minħabba li jkunu dejjem taħt l-ilma, huma jikbru aktar malajr. Dan il-metodu huwa adattat għat-tkabbir fl-ibħra li ma jkollhomx marea jew għat-tkabbir ’il barra mill-kosta.

Il-gajdri jieklu b’mod naturali l-plankton li jkun hemm fl-ilma tal-baħar, li huma jiffiltraw il-ħin kollu. Għalhekk jistgħu jitkabbru biss f’postijiet li jikkonformaw ma’ ċerti kriterji ta’ kurrent, fond, u ammont ta’ plankton, jiġifieri ġeneralment qrib l-estwarji, f’laguni jew għadajjar kostali. L-għadd ta’ konċessjonijiet disponibbli huwa ddeterminat xjentifikament skont il-kwantità ta’ plankton disponibbli. Il-gajdri jilħqu l-piż kummerċjali tagħhom wara 18 sa 30 xahar. Il-metodi ta’ qbid ivarjaw skont it-tip ta’ tkabbir: il-gajdri li jitkabbru fl-għoli jinġabru billi jinqalgħu il-bwiet imwaħħla mat-twavel; il-gajdri mkabbra fiċ-ċatt jinġabru meta l-marea tkun baxxa permezz ta’ furkettuni, jew permezz tat-tħammil jekk l-għoli tal-ilma jippermetti; il-gajdri mkabbra fl-ilma fond jinġabru permezz ta’ gangmi li jistgħu jiġbru sa 500 kg.

Irfinar

F’ċerti żoni ta’ produzzjoni, l-gajdri adulti jistgħu jiġu rfinati sabiex il-laħam tagħhom jingħata kwalitajiet speċifiċi.

Il-gajdri jitpoġġew f’irqajja’ tal-gajdri, li huma baċiri tat-tafal mhux fondi ħafna li jimtlew bl-ilma tal-baħar b’mod naturali, fejn il-laħam tagħhom jiħdar minħabba l-preżenza ta’ alka speċifika bl-isem Navicula ostrea. Huma jistgħu jitpoġġew ukoll f’żoni ta’ rfinar fl-intermarea fejn il-laħam tagħhom isir sod u abjad. Għall-gajdri li jitrabbew f’ilmiet fondi, tintuża teknika ta’ rfinar: dak li jgħidulha trompage, li biha l-gajdri jitpoġġew f’żoni li jinsabu regolarment ’il barra mill-ilma, u dan iġiegħel lill-gajdra tħalli l-valvoli tagħha magħluqin.

Konsum

Il-maġġoranza tal-gajdri huma prodotti u kkunsmati fi Franza, fejn id-drawwiet tal-konsum huma speċifiċi ħafna (dawn jiġu kkunsmati ħajjin).

Il-partikolarità tal-konsum tal-gajdra tinsab fl-istaġjonalità tagħha: fi Franza, nofs il-gajdri jiġu kkunsmati matul il-festi tal-aħħar tas-sena, bejn Novembru u Jannar. Id-daqsijiet għall-gajdri kikkra jvarjaw minn 0 sa 5. Aktar ma jkun żgħir in-numru, aktar ma tkun kbira l-gajdra. Il-gajdri fini ma jkollhomx ħafna laħam u l-gajdri speċjali jkollhom aktar laħam.