INSEPARABLE
Kul, Ixtri u Biegħ Ħut Sostenibbli

Eat

Eat

Kul

Agħmel bidla kbira: kul ħut sostenibbli Tejjeb id-dieta tiegħek u s-saħħa tal-oċeani.

Għaliex għandna nieklu ħut sostenibbli?

Għax il-frott tal-baħar hu parti importanti mid-dieta tagħna u jipprovdina bil-proteini, biż-żjut ta' xaħam essenzjali, u bil-vitamini u bil-minerali neċessarji għal stil ta' ħajja bla mard. 

Għax meta nimmaniġġjaw ir-riżorsi tagħna b'mod xieraq biex nippermettu l-istokkijiet tal-ħut jirkupraw u jitkattru, inkunu nistgħu ngawdu l-benefiċċji li l-ħut joffrilna llum il-ġurnata, u nħallu lil uliedna jgawduh fil-ġejjieni.

Għax nafu li s-suq jirreaġixxi għall-għażliet individwali u kollettivi tagħna bħala konsumaturi.

Għax jekk irridu nibdlu l-affarijiet jeħtiġilna li lkoll kemm aħna ninformaw aħjar lilna nfusna dwar il-bosta għażliet sostenibbli differenti; jekk nagħmlu għażliet aktar intelliġenti meta nagħżlu l-ikel tagħna, nistgħu nħallu impatt veru.

Għax jekk ma naġixxux, l-ibħra, in-nases tas-sajjieda, u anki l-platti tagħna dalwaqt ikunu vojta.

Kif nista' niekol ħut sostenibbli?

Jeżistu mijiet ta' speċijiet ta' ħut, krustaċji u molluski tajbin għall-ikel. Bħala konsumaturi għandna nagħżlu dawk li ma jinsabux fir-riskju.

Ta' spiss meta tibdel dak li tiekol jista' jinvolvi sempliċi tibdila, bħal ngħidu aħna l-għażla bejn barbun tal-Atlantiku tat-Tramuntana, pollakkju iswed jew merluzz tal-linja sewda minflok bakkaljaw, billi tipprova prodott tal-akkwakultura bħat-trota qawsalla jew id-dott, jew inkella l-lingwata jew il-bakkaljaw tal-farms. Il-makkerell tan-nofsinhar hu speċi ta' ħut mogħti ftit li xejn valur, u l-aringa tal-Baħar tat-Tramuntana hi stokk immaniġġjat tajjeb, u minħabba dan, huma għażliet aċċettabbli u sostenibbli ta' ikel.

Dan jista' jfisser ukoll li jingħażlu speċijiet anqas magħrufin, bħall-megrim, b'togħma daqstant tajba daqs il-ħut tradizzjonali tiegħek, u hu ta' spiss orħos. Uża l-kreattività fit-tisjir tiegħek u ivvinta riċetti ġodda, jew skopri mill-ġdid uħud minn dawk favoriti ta' nannietek.

Id-daqs tassew jagħmel differenza għal ċerti speċijiet. Għal dawn il-każijiet l-UE introduċiet daqsijiet minimi u/jew perjodi legali ta' sajd biex jiġi żgurat li l-ħut fuq il-platt tiegħek kellu żmien biżżejjed biex jirriproduċi. 

Jekk tkun f'restorant, staqsi minn fejn ġej il-ħut, kif ġie prodott u jekk kienx maqbud b'mod sostenibbli. Staqsi lill-kok dwar l-approċċ tagħhom rigward il-ħut sostenibbli. Il-bejjiegħ tal-ħut lokali tiegħek hu espert ieħor dwar il-frott tal-baħar, għaliex ma titkellimx bl-istess mod miegħu?

Teżisti dinja sħiħa ta' frott tal-baħar ġdid li qed tistenna li tiġi skoperta, għalhekk ifli l-informazzjoni minn pajjiżek hawn taħt u ssogra.