INSEPARABLE
Kul, Ixtri u Biegħ Ħut Sostenibbli

About MedFish4Ever

About MedFish4Ever

Il-Mediterran: Baħar fil-Periklu

L-istokkijiet tal-ħut fil-Mediterran qegħdin jiċkienu. Uħud minnhom kważi spiċċaw għalkollox. Kollox ma' kollox, 93 % tal-istokkijiet tal-ħut ivvalutati huma sfruttati żżejjed. U ma kinux biss is-sajjieda li ġibdu l-attenzjoni għall-fatt li l-istokkijiet qegħdin jonqsu għax qegħdin jaqbdu dejjem anqas ħut, imma anke x-xjenzati li ilhom is-snin jimmonitorjaw is-sitwazzjoni.

Huwa stmat li fil-Baħar Mediterran insibu bejn 10 000 u 12 000 speċi. Iżda din il-bijodiversità straordinarja tinsab f'periklu kbir minħabba li hi mgħedda mit-tniġġis, mit-tibdil fil-klima, u fuq kollox mis-sajd eċċessiv. Jekk se ndumu naħsbuha aktar biex nieħdu azzjoni kollettiva nistgħu nwasslu għal ħsara irriversibbli u l-kollass ta' stokkijiet ewlenin li huma essenzjali għas-settur tas-sajd.

Il-bżonn li nieħdu azzjoni issa

Minħabba li din hija riżorsa li jista' jgawdi minnha kulħadd, l-impatt negattiv fuqha jkun ta' daqqa ta' ħarta kbira għal kulħadd, iżda l-aktar li jintlaqtu ħażin ikunu s-sajjieda u s-settur tas-sajd fuq skala żgħira. L-għajxien tagħhom, biex ma nsemmux l-istil ta' ħajja antik tagħhom jintilfu. Għalhekk l-għan irid ikun profitabbiltà kontinwa flimkien ma' sostenibbiltà, biex is-settur tas-sajd jerġa' jieħu r-ruħ.

X'qed isir?

Fl-2003, in-nazzjonijiet tal-Mediterran iffirmaw dikjarazzjoni f'Venezja li qiegħdet is-sisien għat-titjib tar-riċerka xjentifika, il-ħarsien taż-żoni vulnerabbli u t-trażżin tal-isforz tas-sajd. L-Istati Membri naqqsu l-flotot tagħhom bil-għan li jiżguraw is-sajd sostenibbli. Il-leġiżlazzjoni tagħna fiha pjanijiet ta' mmaniġġjar tas-sajd nazzjonali u internazzjonali, limitazzjonijiet tal-qabdiet, u rekwiżiti ambjentali. Kooperazzjoni multilaterali intensa tħeġġeġ lill-pajjiżi kollha madwar il-Mediterran isegwu l-istess regoli.

L-esperjenza turina li jekk naħdmu flimkien biex negħlbu l-isfidi nistgħu nirnexxu. Eżempju ċar huwa l-irkupru eċċellenti tat-tonn tax-xewka blu tal-Atlantiku fil-Mediterran. Azzjoni kollettiva biex dan is-sajd jiġi rregolat aħjar wasslet għal riżultati konkreti u għall-ewwel darba f'numru ta' snin il-kwoti qegħdin jikbru.

Madanakollu, jeħtieġ li naħdmu iktar. Għal din ir-raġuni, lil hinn mill-bżonn għal implimentazzjoni u regolazzjoni aħjar tal-miżuri eżistenti, il-Kummissarju Vella qed iniedi strateġija Mediterranja maħsuba biex ittejjeb l-istat tal-istokkijiet tas-sajd.

L-għan ewlieni ta' din l-istrateġija huwa li tqajjem l-għarfien dwar l-urġenza u d-daqs tal-problema, iżda wkoll li timmobilizza azzjoni determinata u immedjata minn kulħadd, inkluż il-pajjiżi tan-Nofsinhar u l-Lvant tal-Mediterran. Laqgħat riċenti kkonfermaw ir-rieda politika li tittieħed azzjoni. Il-laqgħa Ministerjali mal-pajjiżi tal-Mediterran fis-27 ta' April se tagħti spinta lill-impetu għal approċċ komprensiv.

Kif tista' tgħin?

Fil-livell lokali tista' tittieħed azzjoni mis-settur tas-sajd fuq skala żgħira u l-komunitajiet kostali, iżda wkoll minn awtoritajiet nazzjonali, dawk li jfasslu l-politiki, il-partijiet interessati ewlenin, flotot tal-industrija kbar, NGOs u xjenzati. Il-politika nazzjonali, tal-UE u multilaterali trid issemma vuċi waħda biex jiġu stabbiliti għanijiet fuq terminu qasir, medju u twil.

Il-messaġġ huwa ċar: kulħadd irid jerfa' l-piż tiegħu. Jekk l-għan huwa li ssir bidla reali u dejjiema biex is-sajd b'saħħtu u li jħalli l-qligħ jerġa' jingħata s-saħħa, u mhux biss jitħarsu l-impjiegi eżistenti iżda wkoll jinħolqu oħrajn ġodda, kulħadd irid jinvolvi ruħu, anke l-konsumaturi.

MEDFISH4EVER - Il-patrimonju tagħna, il-futur tagħna

Kun parti mill-ħarsien ta' din ir-riżorsa.