Inséparables
Manger, acheter et vendre du poisson durable

Buy

Buy

Għaliex għandna nixtru ħut sostenibbli?

Għax nafu li l-għażliet tagħna bħala konsumaturi jaffettwaw kull pass fil-vjaġġ tal-ħut mill-baħar sal-platt, u, billi ninsistu dwar prodotti sostenibbli kull meta nixtru l-ħut, nistgħu ninfluwenzaw il-provvista.

Għax meta nixtru ħut minn sorsi sostenibbli, naċċertaw ruħna li qed ngħinu nipproteġu dak li napprezzaw filwaqt li nakkwistaw dak li nixtiequ.

Għax issa hu eħfef minn qatt qabel li nkunu nafu x'qed nixtru; ir-regoli l-ġodda dwar it-tikketti tal-Politika Komuni tas-Sajd tal-Unjoni Ewropea se jgħinu l-konsumaturi jsibu eżattament minn fejn joriġina l-ħut tagħhom.

Għax jekk nixtru dak li hu sostenibbli nkunu nafu li s-sajd sar b'mod responsabbli. Mill-2014 'l hawn il-prattika ta' ħela li jintrema l-ħut se tispiċċa ftit ftit, biex b'hekk sal-2019 tkun eliminata għalkollox. Dan ifisser li l-bastimenti tas-sajd se jkollhom iniżżlu l-art dak li jaqbdu, bil-benefiċċju miżjud li speċijiet anqas magħrufin isiru b'mod wiesa' aktar disponibbli u jinxtraw minflok li jintremew.

Għax għandna bosta għażliet. L-akkwakultura wkoll għandha rwol importanti fit-twassil fuq l-imwejjed tagħna ta' frott tal-baħar li ma jagħmilx ħsara għas-saħħa, nutrittiv u sostenibbli, u biex titnaqqas il-pressjoni minn fuq l-istokkijiet selvaġġi.  Fost speċijiet imfittxijin oħrajn fl-UE nistgħu nixtru s-salamun, it-trota, l-ispnotta, il-karpjun, l-istorjun, il-molluski u l-gajdri lkoll prodotti skont regoli ambjentali u ta' saħħa stretti.

Kif nista' nixtri ħut sostenibbli?

Jeżistu bosta pariri dwar dan is-suġġett għal konsumaturi. Għalhekk, il-mistoqsija hi, kif għandna nagħżlu meta nixtru l-ħut?

Il-bejjiegħ tal-ħut, il-bejjiegħ bl-imnut jew ir-restorant tiegħek jistgħu jgħinuk tifhem minn fejn ġej il-ħut tiegħek u kif inqabad jew ġie prodott. Huma jistgħu jgħinuk ukoll tifhem jekk il-ħut tiegħek hux għażla sostenibbli meta tixtrih. "Frisk" ta' spiss ifisser "lokali", u viċeversa.

L-informazzjoni xjentifika u l-gwidi tal-konsumaturi minn awtoritajiet reġjonali jew nazzjonali, u minn organizzazzjonijiet industrijali u nongovernattivi jistgħu jgħinuk ukoll tiddeċiedi dwar speċijiet u stokkijiet ta' ħut alternattivi li mhumiex f'riskju ta' qbid żejjed. Staqsi l-produtturi lokali tiegħek kif jaqbdu l-ħut tagħhom u kif inhuma impenjati fejn tidħol is-sostenibbiltà.

Skemi ta' marki jistgħu jgħinuk tiddeċiedi jekk l-għażla ta' ħut ippakkjat minn qabel li tixtri fis-supermarkit hux sostenibbli. Madankollu, bħal kull skema indipendenti, nirrkkmandawlek li tivverifika l-metodi ta' ċertifikazzjoni tagħhom biex issib aktar tagħrif.

Informa ruħek iżda tiblax kollox. Kun int li tiġġudika. Biex tingħata parir staqsi lill-bejjiegħ tal-ħut jew is-supermarkit lokali tiegħek.

Ix-xiri ta' ħut sostenibbli jista' jfisser li tagħmel xi ftit għażliet differenti iżda għandu jgħinek tiskopri dak kollu li jistgħu joffrulna l-ibħra, l-għadajjar u x-xmajjar tagħna.