Inséparables
Manger, acheter et vendre du poisson durable

MEDFISH4EVER - Q&A - MT

MEDFISH4EVER - Q&A - MT

  1. X'inhi l-problema?

L-istokkijiet tal-ħut fil-Mediterran ċkienu b'mod drammatiku. Aktar minn 90 % ta' dawk ivvalutati huma sfruttati żżejjed, b'uħud f'xifer il-kollass. Fir-rigward ta' ħafna mill-istokkijiet, qabel illum ma kienx possibbli li dwarhom tinkiseb dejta suffiċjenti: 50 % tal-qabdiet għadhom mhumiex irreġistrati b'mod legali[i] u 80 % tal-ħatt huwa minn stokkijiet li dwarhom hemm nuqqas ta' dejta[ii]. Dan irriżulta fi fluss kostanti ta' telf ta' impjiegi u introjtu flimkien ma' impatt ambjentali qawwi, li qed iħallu s-soċjetà ġġarrab il-konsegwenzi ta' amministrazzjoni fqira. Il-konsegwenzi huma partikolarment ħorox għad-dgħajjes artiġjanali, li jiffurmaw 83 % mill-flotta tal-Mediterran.

It-tkomplija ta' sajd mhux sostenibbli ta' riżorsi kondiviżi se jipprovoka l-kollass mifrux tal-istokkijiet tal-ħut, flimkien mas-sajjieda u l-komunitajiet li jiddependu fuqhom, l-ekosistemi marittimi u t-tradizzjonijiet kulturali. Sforzi, bħal daqsijiet minimi u Qabdiet Totali Permissibbli għall-ħut, regolamenti tekniċi għall-irkaptu u l-prattiki tas-sajd, u miżuri biex jiġu limitati l-isforz u l-kapaċità, kienu sinifikanti iżda sa issa għadhom ma tawx riżultati adegwati.

Din is-sitwazzjoni kritika hija esperjenzata mill-atturi kollha, inkluż sajjieda, mexxejja industrijali, xjenzati u ambjentalisti, u taffettwa l-baċir kollu tal-Mediterran. Ir-regolamenti fis-seħħ mhumiex qed jiġu implimentati b'mod adegwat, jew inkella l-implimentazzjoni għadha ma twettqitx u b'hekk għad ma hemmx riżultati tanġibbli. Hemm bżonn ta' azzjonijiet urġenti u kuraġġużi biex din is-sitwazzjoni tinbidel, u sa ċertu punt aħna lkoll responsabbli.

  1. X'inhuma s-soluzzjonijiet?

L-ewwel pass huwa li nirrikonoxxu s-sitwazzjoni kif xieraq, kif ukoll ir-responsabbiltà kondiviża u korrispondenti tagħna fil-livelli kollha.

It-tieni pass huwa li niżguraw tmexxija politika b'saħħitha biex nieħdu l-azzjonijiet urġenti neċessarji biex nibnu mill-ġdid settur tas-sajd sostenibbli. Dan għandu jimmaterjalizza f'dikjarazzjoni ministerjali politika b'saħħitha sal-2017, u jiżgura inizjattivi effettivi u koordinati fil-livell nazzjonali u reġjonali, fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fil-pajjiżi tal-Mediterran mhux tal-UE, l-ICCAT[1] u l-GFCM[2].

It-tielet, neħtieġu l-ingaġġ u l-impenn b'saħħtu tal-partijiet ikkonċernati kollha - minn dawk li jfasslu l-politiki u li jieħdu d-deċiżjonijiet għas-sajjieda, ix-xjenzati, l-NGOs, il-maniġers tal-katini ta' provvista u s-soċjetà ċivili inġenerali – biex jikkontribwixxu b'soluzzjonijiet integrati lejn sostenibbiltà fuq terminu twil.

  1. X'jiġri jekk ma niħdux azzjoni issa? U jekk nieħdu azzjoni issa?

Jekk l-istokkijiet jikkollassaw b'mod irreparabbli, il-konsegwenzi jistgħu jkunu katastrofiċi u irriversibbli: bidliet imprevedibbli f'ekosistemi marittimi, qerda ekonomika mifruxa għal komunitajiet li jiddependu fuq is-sajd, u miżerja soċjali kbira. Filwaqt li l-ispejjeż ekonomiċi u l-impatt soċjali li tittieħed azzjoni xorta waħda huma sinifikanti, dawn huma ħafna iċken minn dawk previsti fil-każ li nonqsu milli nieħdu azzjoni issa. 

Ix-xjenza tgħidilna li l-potenzjal għall-irkupru xorta għadu b'saħħtu, bħal fil-każ tat-tonn tax-xewka blu tal-Atlantiku, iżda rridu niżguraw li l-popolazzjonijiet tal-ħut jerġgħu jirkupraw mill-aktar fis. Dan jipproduċi ħafna benefiċċji, inkluż rendiment ogħla u aktar prevedibbli, profitabbiltà ogħla, sigurtà tal-ikel u tal-impjiegi, servizzi u status ambjentali aħjar. Dan kollu jwassal għal prosperità inklużiva u sostenibbli.

Jekk il-partijiet politiċi u industrijali kkonċernati jonqsu milli jiżguraw is-sostenibbiltà tar-riżorsi bijoloġiċi marittimi kondiviżi tagħna, u b'hekk ikunu qed jiksru l- Politika Komuni tas-Sajd u l-Konvenzjoni ta' Barċellona, l-Unjoni Ewropea jkollha tadotta miżuri ta' emerġenza drastiċi, bħal għeluq u penali finanzjarji (l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-UE Nru 1380/2013). Għal xi stokkijiet iżda, dan jista' jkun tard wisq.

  1. X'għandhom ikunu l-miri tagħna?

L-aktar għan immedjat irid ikun li nevitaw il-kollass ta' stokkijiet tal-ħut kruċjali bħall-merluzz jew il-pixxispad, nadottaw approċċ soċjoekonomiku bbażat fuq ix-xjenza ambjentali u niżguraw l-implimentazzjoni tal-liġi eżistenti. Fit-terminu medju, l-għan huwa li jiġu żviluppati u infurzati miżuri effettivi li jiżguraw sajd sostenibbli u li jrendi qligħ f'Mediterran san, għal dejjem.

Titjib neċessarju ewlieni (minn livell reġjonali għal livell nazzjonali) irid jibda flimkien mad-dijanjożi ta' kwistjonijiet ta' prijorità ogħla, segwiti bl-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni konkreti, għodod kredibbli u perjodi ta' żmien speċifikati vinkolanti.

Filwaqt li l-miżuri speċifiċi għad iridu jiġu definiti, it-tipoloġija tagħhom u r-riżultati mistennija huma ċari:

  1. titjib fil-valutazzjoni tal-istokk: ġbir, disponibbiltà u analiżi tad-dejta
  2. titjib fl-infurzar, il-kontroll u s-sorveljanza
  3. reġjonalizzazzjoni u governanza kondiviża
  4. tnaqqis fl-impatt ambjentali
  5. pjanijiet ta' ġestjoni multiannwali bbażati fuq l-approċċ tal-ekosistema
  6. aktar innovazzjoni u teknoloġija aħjar, aktar selettività u l-ebda qbid skartat
  7. titjib fil-kooperazzjoni fost il-pajjiżi tal-Mediterran (tal-UE u mhux tal-UE), b'mod partikolari fil-kontroll u l-infurzar u r-riċerka xjentifika.

 

  1. Min għandu jmexxi l-proċess?

Il-gravità u l-urġenza tal-kwistjoni titlob tmexxija politika determinata fl-ogħla livelli, li tinkludi l-pajjiżi kollha li jistadu fil-Mediterran. Fl-Unjoni Ewropea, it-tmien Stati Membri bi xtut li jmissu mal-Mediterran (Spanja, Franza, l-Italja, Malta, is-Slovenja, il-Kroazja, il-Greċja, Ċipru), appoġġati mill-UE u mill-MEDAC[3], għandhom jaġixxu ta' eżempju, speċjalment f'dawk iż-żoni li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma sfruttati minnhom stess.

Iż-żewġ Organizzazzjonijiet tal-Ġestjoni tas-Sajd Reġjonali, il-GFCM u l-ICCAT għandhom jidderieġu l-isforzi konġunti u jiżguraw koordinazzjoni internazzjonali u riżultati effettivi tul il-baċir kollu.

L-assoċjazzjonijiet industrijali, ir-riċerkaturi u l-NGOs ukoll għandhom rwol vitali, li jinvolvu u jintitolaw lill-atturi kollha (inkluż konsumaturi, sajjieda dilettanti u utenti marittimi oħra), biex ipoġġu s-sajd tal-Mediterran mill-ġdid fit-triq lejn is-sostenibbiltà.

  1. Hemm xi kwistjonijiet oħra involuti?

Is-sajd eċċessiv, il-ġestjoni fqira u lakuni fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali, fis-seħħ fil-livell reġjonali, nazzjonali tal-UE u internazzjonali, huma l-kawżi ewlenin ippruvati tal-istat attwali tal-istokkijiet tal-ħut fil-Mediterran u l-problema ekonomika assoċjata.

Madanakollu, it-tniġġis, in-navigazzjoni, u sorsi oħra ta' stress ambjentali, bħat-tibdil fil-klima u l-ispeċijiet invażivi, ukoll qed ikollhom impatt dirett fuq l-abbundanza u r-reżiljenza tal-popolazzjonijiet tal-ħut, u jeħtieġ li jiġu trattati flimkien.

Miżuri kumplimentari oħra biex tiġi promossa governanza tajba (eż. aktar trasparenza u żoni protetti) u mekkaniżmi tas-suq (eż. traċċabbiltà u daqsijiet minimi) huma wkoll aspetti neċessarji.

Fl-aħħar nett, komunitajiet li jiddependu fuq is-sajd jeħtieġu strateġiji innovattivi u diversifikati għall-ġestjoni tas-sajd u l-iżvilupp sostenibbli, sabiex ma jiġux protetti biss il-ħut u l-ambjent marittimu iżda l-patrimonju kulturali millenarju assoċjat magħhom. Proġetti bħall-pescatourism, ċirkwiti korti u inizjattivi trażversali oħra diġà kienu ta' suċċess.

  1. X'inhi tagħmel l-UE?

L-UE għamlet sforz kbir biex ittejjeb is-sostenibbiltà tas-sajd fil-livell tal-UE u fil-livell globali. Il-Politika Komuni tas-Sajd tal-UE titlob biex sal-2020 l-istokkijiet kollha tal-UE jiġu sfruttati sar-rendiment massimu sostenibbli u biex l-inġenji tal-baħar kollha tal-UE jikkonformaw mal-PKS irrispettivament minn fejn jistadu.

Wara s-suċċess inkoraġġanti fil-Grigal tal-Atlantiku, fejn l-abbundanza ta' ħut u l-qligħ industrijali qed jiżdiedu, l-UE hija ddeterminata li ttemm is-sajd eċċessiv fil-Mediterran, iġġib flimkien lill-atturi fil-livelli kollha, u tappoġġa l-adattament b'fondi aċċessibbli bħall-FEMS[4] u l-mekkaniżmu tat-TAIEX[5] tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Tali fondi huma disponibbli għal miżuri diretti, kif ukoll bħala azzjonijiet kumplimentari bħal programmi soċjoekonomiċi, riċerka, kooperazzjoni u bini ta' kapaċità.

  1. X'nista' nagħmel?

Sa ċertu punt aħna responsabbli għal din is-sitwazzjoni, u għalhekk jeħtieġ li lkoll nikkontribwixxu kemm nistgħu biex intejbuha.

Dawk li jfasslu l-Politiki u li jieħdu d-Deċiżjonijiet: hija ta' importanza fundamentali li wieħed jifhem x'hemm involut fil-problema, u jagħmel użu minn riżorsi u tmexxija xierqa biex isib soluzzjonijiet urġenti.

  • L-Istati Membri tal-UE: jidentifikaw speċijiet u żoni ta' prijorità, jiddefinixxu miżuri preċiżi biex jilħqu l-għanijiet (kif ukoll jaġġornaw il-pjanijiet ta' ġestjoni nazzjonali tagħhom) u jiggarantixxu l-konformità.
  • Il-GFCM, l-ICCAT, il-MEDAC u l-EFCA[6] u partijiet ikkonċernati influwenti oħra, fora internazzjonali (e.ż. l-FAO[7], l-UgħM[8]) u organizzazzjonijiet ta' finanzjament (eż. il-Bank Dinji): jgħinu fl-istabbiliment ta' prijoritajiet u azzjonijiet, jaħdmu flimkien b'mod koordinat u jimpenjaw ruħhom għall-ilħuq ta' għanijiet komuni fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-konformità.
  • Il-Kummissjoni Ewropea u istituzzjonijiet oħra tal-UE: jiddefinixxu l-politika u pjan direzzjonali biex b'mod progressiv jilħqu l-għan doppju tal-isfruttament sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut u t-titjib fil-prestazzjoni ekonomika tal-flotot.
  • Pajjiżi terzi: jaħdmu flimkien mal-RFMOs[9] (l-ICCAT u l-GFCM) u jadattaw l-istruttura u d-daqs tal-flotot tagħhom skont ir-riżorsi disponibbli.

Partijiet industrijali kkonċernati: billi jirrappreżentaw lis-sajjieda involuti b'mod dirett fl-isfruttament ta' riżorsi bijoloġiċi, u b'għarfien dettaljat tas-sitwazzjoni proprja, organizzazzjonijiet bħal Europêche jew LIFE[10] għandhom rwol importanti, jippromwovu l-koġestjoni u l-implikazzjoni tal-partijiet ikkonċernati fl-istabbiliment ta' soluzzjonijiet.

  • Stejjer eżistenti ta' suċċess permezz tal-kooperazzjoni, bħall-pjan tal-irkupru tat-tonn tax-xewka blu tal-Atlantiku, jistgħu jixprunaw azzjonijiet konġunti ulterjuri.
  • Prattiki tajba, disponibbli minn reġjuni u proġetti oħra, ukoll jistgħu jgħinu jwittu t-triq għal sajd li jrendi qligħ u sostenibbli fil-Mediterran.
  • L-involviment tul il-katina ta' provvista kollha, kif ukoll is-soċjetà ċivili, jista' jipprovdi appoġġ prezzjuż għal aġġustamenti neċessarji. Il-bejjiegħa bl-ingrossa u l-bejjiegħa bl-imnut għandhom jippromwovu prodotti sostenibbli u jirrifjutaw dawk li ma jikkonformawx mar-regoli.
  • Laqgħat internazzjonali, bħall-GFCM (30 ta' Mejju 2016) u l-ICCAT (Novembru 2016), jistgħu jintużaw għall-koordinazzjoni tal-kontributi ta' kulħadd.

Xjenzati u infurzaturi: l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, is-sorveljanza u l-kontroll huma wkoll atturi fundamentali, li jippermettu li l-ġestjoni tkun ibbażata fuq għarfien aħjar u kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ekwivalenti u trasparenti. Fost l-oħrajn, jistgħu:

  • iżidu n-numru ta' stokkijiet ivvalutati, billi fejn meħtieġ jirrikorru għal tekniki ta' valutazzjoni għal livell baxx ta' dejta;
  • jaħdmu flimkien fiż-żieda ta' kopertura spazjali u temporali ta' stħarriġ xjentifiku;
  • jiżviluppaw strateġiji ta' kooperazzjoni fuq il-kontroll u l-infurzar fil-livell reġjonali jew subreġjonali, bejn il-pajjiżi tal-Mediterran (tal-UE u mhux tal-UE);
  • jgħinu lill-maniġers jifhmu l-kumplessità u jżidu l-kooperazzjoni tagħhom mal-partijiet ikkonċernati biex flimkien ifasslu tekniki innovattivi biex itejbu s-selettività, inaqqsu qabdiet aċċessorji u b'mod effettiv iħarsu speċijiet u ħabitats vulnerabbli.

NGOs u assoċjazzjonijiet ċivili: billi jgħinu fit-tkattir tal-għarfien u joħolqu kuxjenza, iħarsu l-ambjent u jirrappreżentaw komunitajiet, dawn jistgħu jrawmu l-kooperazzjoni u l-koġestjoni. Bħala l-aħħar u l-akbar ħolqa fil-katina, iċ-ċittadini kostali u l-konsumaturi b'mod ġenerali jridu jinvolvu ruħhom biex jiżguraw li l-għażliet tas-suq jgħinu biex jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn mudelli aktar sostenibbli, jikkontribwixxu lejn innovazzjoni soċjali u l-ħarsien tal-patrimonju f'żoni dipendenti fuq is-sajd.

  • Iċċekkja t-tikketti: ir-regoli tal-UE jiżguraw informazzjoni u traċċabbiltà xierqa, u dan imbagħad jgħin jappoġġa r-regoli tas-suq komuni u standards għall-prodotti li joriġinaw mill-Baħar Mediterran.
  • Jippromwovu prattiki tal-konsumatur sani u responsabbli.
  • Kampanji edukattivi u li joħolqu kuxjenza dwar l-istat tal-istokkijiet tal-ħut ibbażati fuq ix-xjenza, il-prestazzjoni tas-settur, il-kontabilità ambjentali u l-governanza integrata jistgħu jikkontribwixxu aktar lejn is-suċċess kumplessiv.

[1] Il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku

[2] Il-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran

[3] Il-Kunsill Konsultattiv tal-Mediterran

[4] Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd

[5] Assistenza Teknika u Skambju ta' Informazzjoni

[6] L-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd

[7] L-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura

[8] L-Unjoni għall-Mediterran

[9] Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd

[10] Sajjieda ta' Impatt Żgħir tal-Ewropa