PATŘÍME K SOBĚ
Konzumujme, kupujme a prodávejme produkty udržitelného rybolovu

FAQ

FAQ

Xi jfisser eżattament frott tal-baħar sostenibbli?

Frott tal-baħar sostenibbli jfisser ħut, molluski jew krustaċji maqbudin jew ikkultivati fil-farms b'modi li mhumiex ta' ħsara għall-popolazzjonijiet selvaġġi jew għall-ambjent li jgħixu fih. Fl-industriji tas-sajd, dan ifisser li ma jsirx sajd żejjed fl-istokkijiet u li l-isfruttament tagħhom ma jagħmilx ħsara lill-ekosistemi. Fi kliem ieħor nistgħu nieħdu biss dawk li toffrilna n-natura fuq bażi sostenibbli. Dan hu wkoll importanti ħafna għall-prosperità u l-vijabbiltà fit-tul tal-industriji u l-komunitajiet li jiddependu mis-sajd, kemm fl-Ewropa kif ukoll mad-dinja kollha.

X'nista' nagħmel?

Kun konsumatur attiv u responsabbli, skopri aktar dwar il-ħut minn kull fejn tixtrih. Staqsi lill-bejjiegħ tal-ħut, il-wejter jew is-supermarkit x'inhu l-oriġini tal-frott tal-baħar offrut, jekk l-ispeċi hix qed tinqabad aktar milli suppost u kif inqabdet jew ġiet prodotta. Huma jistgħu jispjegawlek għal liema speċijiet jeżistu ċerti staġuni ta' ħsad fis-seħħ biex jiġi żgurat li l-ħut kellu ż-żmien biżżejjed biex jirriproduċi, jew kif, għal ħut ieħor, jeħtieġlek li tevita li tiekol iż-żgħir billi dan hu parti mill-ġejjieni tal-istokk.

Aħseb ukoll dwar għażliet ġodda – bħalissa l-maġġoranza tal-konsum hi mmexxija sempliċement minn ftit speċijiet, din tqiegħed dwan l-istokkijiet taħt pressjoni serja. Il-gvernijiet u r-regoli jista' jkollhom rwol, iżda bl-għażliet tiegħek int tista' tinfluwenza s-suq. Pereżempju meta tiffavorixxi l-produtturi sostenibbli tkun tista' tibgħat sinjal lill-operaturi l-oħrajn.  Iċ-ċavetta għall-bidla tinsab f'idek.

Kif nista' nagħżel l-aħjar frott tal-baħar?

Tista' tagħmel l-aħjar għażliet billi tkun konsumatur attiv u billi tinforma lilek innifsek dwar l-għażliet differenti li huma disponibbli. Fittex informazzjoni f'magażins, f'fuljetti, u fuq il-web. Iċċekkja l-imballaġġ fuq il-prodotti tal-frott tal-baħar tiegħek, biex tara jekk hux iċċertifikat u minn min hu ċċertifikat u dan xi jfisser verament. Tkellem mal-bejjiegħ tal-ħut tiegħek li ta' spiss hu espert, u aħseb dwar bidla f'xi wħud mill-preferenzi tiegħek. Jeżistu ħafna għażliet sostenibbli disponibbli li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u ta' spiss huma irħas minn alternattivi oħrajn. L-għażliet sostenibbli jistgħu jkunu tajbin ukoll għall-gosti tiegħek: skopri speċijiet anqas magħrufin, skopri mill-ġdid il-ħut li nannietek kienu jsajru, kun kreattiv fil-kċina tiegħek.

Is-sostenibbiltà se tagħmel il-ħut tiegħi ogħla?

Bosta speċijiet prodotti b'mod sostenibbli iżda li huma anqas magħrufin fil-fatt huma irħas. Għal uħud mill-ispeċijiet popolari l-għażla tiegħek għal prodotti sostenibbli tista' tkun ogħla, iżda l-flus żejda li tonfoq imorru għall-konservazzjoni tal-istokkijiet u tal-ekosistemi tagħna, u jgħinu biex jipprovdu impjiegi ta' kwalità mal-Ewropa kollha u lil hinn minnha. Fl-aħħar l-irkupru ta’ stokkijiet se jwassal għal aktar ħut fil-baħar li jfisser potenzjal ogħla ta' qbid, anqas spejjeż għas-sajjieda u fl-aħħar nett prezzijiet irħas għall-konsumatur.

X’għandi nfittex fuq it-tikketta?

Jeżistu ħafna tipi differenti ta’ tikketti li jipprovdulek informazzjoni dwar fejn u kif kien prodott il-frott tal-baħar tiegħek, bħal jekk kienx minn sajd mill-akkwakultura jew minn ħut maqbud u x'tip ta' tagħmir tas-sajd intuża.

X'inhu sajd eċċessiv u jeħtieġli nippreokkupa lili nnifsi jekk stokk jinqabad minnu aktar milli suppost?

Fi kliem sempliċi, sajd eċċessiv ifisser qbid żejjed mill-ibħra tagħna. Riżorsi rinnovabbli jibqgħu biss rinnovabbli (jew sostenibbli) jekk nirrispettaw ir-ritmu tal-produttività u l-kapaċità tagħhom li jirkupraw. Ilkoll għandu jimpurtana jekk speċijiet individwali jsirilhom sajd eċċessiv, billi l-ekosistemi huma bbilanċjati b'mod fin u meta nċaqalqu l-kefef iżżejjed f'direzzjoni waħda, l-impatt jista' jinħass minn bosta kreaturi tal-baħar oħrajn. Hu plawsibbli li l-problema tant ma tkunx ikkontrollata li speċijiet sħaħ jistgħu jkunu mhedda. Li l-istokkijiet jitħallew jirkupraw u jirriproduċu se jfisser li minn sajd li jsir b'mod disprat fuq stokkijiet żgħar ta' ħut se ngħaddu għal sajd b'mod razzjonali ta' stokkijiet li huma aktar abbunanti.

Dan mhux kollu dwar il-mod li bih nistadu?

Il-mod li nistadu jaffettwa s-sostenibbiltà tal-frott tal-baħar iżda l-istess jagħmel il-mod li aħna nikkunsmawh. Ix-xogħol tal-gvernijiet u tal-istituzzjonijiet Ewropej għadu importanti biex jittejjeb x'ħut naqbdu u kif naqbduh u biex jitnaqqas l-impatt ambjentali assoċjat miegħu. Madankollu, ir-responsabbiltà hi daqstant fuq il-bqija tal-katina tal-provvista biex tadatta l-imġiba tagħha sabiex tippromwovi s-sostenibbiltà. Kwalunkwe sforz tal-industrija biex titjieb għandu jkollu l-istess impenn u parteċipazzjoni mill-konsumaturi. Is-sostenibbiltà hi responsabbiltà kondiviża bejnietna lkoll.

X’inhu l-iskartar?

L-iskartar ifisser tfigħ, ta' spiss ta' ħut li jkun diġà mejjet, lura fil-baħar wara li jkun inqabad. Is-sajjieda jkollhom raġunijiet differenti għall-iskartar, waħda minnhom hi d-diffikultà li jagħżlu l-ħut eżatt li jeħtieġu li jaqbdu mill-baħar, b'mod speċjali meta jkunu qed jistadu għal speċijiet differenti fl-istess waqt. L-iskartar għandu effetti negattivi fuq is-saħħa tal-istokkijiet. Billi tirrikonoxxi l-effett ħażin tal-iskartar, l-UE issa se tipprojbixxi l-prattika, u permezz tal-Politika Komuni tas-Sajd il-ġdida se tappoġġa lis-sajjieda li jtejbu s-selettività tat-tagħmir tas-sajd tagħhom u tgħin lis-suq jagħmel l-aħjar użu tal-ħut kollu maqbud.

Is-sostenibbiltà hi tajba għan-negozju?

Is-sostenibbiltà, partikularment meta tinvolvi ċertifikazzjoni, iżżid il-valur ta’ kwalunkwe prodott billi tiżgura lill-konsumaturi li dak li qed jixtru jirrispetta l-ambjent u s-saħħa tal-istokkijiet tal-ħut. Din hi xi ħaġa li se tgħin u mhux tagħmel ħsara lill-prodott tiegħek. Is-sostenibbiltà normalment twassal għal kwalità aħjar. Hi tiftaħ swieq ġodda u żżid l-awtlets. Tgħin ukoll tiggarantixxi l-ġejjieni tan-negozju tiegħek billi tiżgura li l-ħut li tbigħ se jkun għadu disponibbli, bi kwantitajiet għoljin, għas-snin li ġejjin.

Il-frott tal-baħar mill-akkwakultura hu sostenibbli?

L-akkwakultura tista’ tnaqqas il-pressjoni tas-sajd fuq stokkijiet selvaġġi billi tissodisfa parti mid-domanda għal ċerti speċijiet. L-UE tinsab fuq quddiem fl-adattament ta' speċijiet eżistenti għall-kundizzjonijiet tal-akkwakultura  u fl-iżvilupp ta’ prodotti tal-għalf u tekniki ta’ tnissil ġodda. Bħal kull industrija oħra, l-akkwakultura tista’ tkun ta’ dannu meta mhux ġestita b’mod responsabbli, iżda r-regoli Ewropej għandhom l-għan li jiżguraw li frott tal-baħar sostenibbli, ta' kwalità għolja u sikur, hu prodott mill-farms tal-ħut tagħna.

L-UE għandha regoli stretti li jiżguraw is-sostenibbiltà ta’ prodotti tal-akkwakultura, sabiex tkun evitata ħsara lill-ekosistemi u biex jiġi prodott frott tal-baħar li jirrispetta l-ogħla standards ambjentali, tat-trattament xieraq tal-annimali, u tas-saħħa possibbli. Dawn l-istandards jistgħu jirriżultaw fi spejjeż ogħla, u jistgħu jwasslu biex is-sajjieda tal-farms tal-ħut jiffaċċjaw diffikultajiet meta jikkompetu mal-importazzjonijiet. Madankollu l-UE hi konvinta li l-akkwakultura sostenibbli hi parti mis-soluzzjoni.

Dan x'għandu x'jaqsam mal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS)?

Il-Politika Komuni tas-Sajd hi sett ta’ regoli Ewropej dwar is-sajd u l-akkwakultura. Il-PKS tistabbilixxi l-politika għal dawk kollha li jistadu, irabbu fil-farms, jew jinnegozjaw il-frott tal-baħar fl-UE. Biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà din tiddetermina pereżempju kemm is-sajjieda jistgħu jaqbdu ħut, u kif, meta u fejn jagħmlu dan. Tiżgura li r-regoli huma rispettati u infurzati, pereżempju biex twaqqaf is-sajd illegali li jpoġġi pressjoni kbira fuq dawk li jistadu b’mod sostenibbli. Hi tikkontribwixxi għal żieda fit-trasparenza u l-kompetittività, tipprovdi qafas dwar kif għandu jopera s-suq, u tappoġġa s-settur sabiex jadatta u jaħdem flimkien.

Il-PKS hi vitali fl-iggwidar tas-sajd Ewropew lejn is-sostenibbiltà u tibgħat ukoll messaġġ qawwi ta’ tmexxija lill-imsieħba tagħna f'pajjiżi barranin. Hu kruċjali f’dinja dejjem aktar interdipendenti li lkoll nagħtu sehemna sabiex jiġi żgurat il-ġejjieni tal-ħut, tas-sajjieda u tal-konsum tal-ħut ta’ għada. Permezz tal-PKS, u bl-għajnuna tal-industrija u ċ-ċittadini tagħha, l-UE tfittex li ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala mexxej dinji fl-istandards tal-ġestjoni tas-sajd u l-akkwakultura.

L-Unjoni Ewropea qed taħdem weħidha għas-sostenibbiltà tal-frott tal-baħar?

L-Unjoni Ewropea taħdem mill-qrib ma’ bosta organizzazzjonijiet biex tippromwovi s-sajd sostenibbli. Il-politika tal-UE tuża l-aqwa parir xjentifiku disponibbli minn entitajiet indipendenti bħall-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES).

L-UE tistieden lill-partijiet interessati kollha, mill-organizzazzjonijiet tas-sajjieda għall-NGOs, l-awtoritajiet nazzjonali u l-partijiet interessati l-oħra, biex jipparteċipaw fl-iżvilupp tal-liġijiet ġodda. L-UE tfittex li ttejjeb is-sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali tal-industrija u tiżgura li l-ħut, u l-impjiegi u l-opportunitajiet assoċjati, għandhom ġejjieni ċert.

Il-Kampanja Inseparabbli se tibni fuq il-momentum tal-impenji ta’ dawn l-atturi u ta' bosta u diversi inizjattivi ta' ċittadini u organizzazzjonijiet individwali.